Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0909

    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2004/909/PESK tas- 26 ta' Novembru 2004 dwar l-istabbiliment ta' tim espert bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' missjoni integrata tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili għall-Iraq ta' l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 381, 28.12.2004, p. 84–86 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 351–353 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/02/2005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/909/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    351


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/909/PESK

    tas-26 ta' Novembru 2004

    dwar l-istabbiliment ta' tim espert bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' missjoni integrata tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili għall-Iraq ta' l-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 26 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea hija impenjata għal Iraq sigur, stabbli, magħqud, prosperu u demokratiku li jagħti kontribut posittiv lill-istabilità tar-reġjun. L-UE tappoġġja l-poplu ta' l-Iraq u l-Gvern Interim Iraqi fl-isforzi tagħhom lejn ir-rikostruzzjoni ekonomika, soċjali u politika ta' l-Iraq fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1546 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Ġunju 2004.

    (2)

    Il-Kunsill Ewropew fil-5 ta' Novembru 2004 laqa' l-Missjoni konġunta għas-Sejba tal-Fatti għall-possibbiltà ta' operazzjoni integrata tal-Pulizija u ta' l-Istat tad-Dritt għall-Iraq u kkunsidra r-rapport tagħha. Il-Kunsill Ewropew għaraf l-importanza li tissaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali, konsistenti mar-rispett għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali. Innota x-xewqa ta' l-awtoritajiet Iraqqini li l-UE ssir involuta b'mod aktar attiv fl-Iraq u li t-tisħiħ tas-settur tal-ġustizzja kriminali jirrispondi għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet Iraqqini.

    (3)

    Il-Kunsill iddeċieda li tim ta' esperti għandu jintbagħat sa l-aħħar ta' Novembru 2004 biex ikompli d-djalogu ma' l-awtoritajiet Iraqqini, biex jinbeda l-ippjanar inizjali għall-possibbiltà ta' missjoni integrata tal-pulizija, ta' l-istat tad-dritt u ta' l-amministrazzjoni ċivili li mistennija tibda wara l-elezzjonijiet, ippjanati għat-30 ta' Jannar 2005, u b'mod partikolari jivvaluta l-ħtiġijiet urġenti ta' sigurtà għal tali missjoni. Djalogu ma' pajjiżi oħra fir-reġjun dwar dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet oħrajn għandu wkoll jiġi mħeġġeġ.

    (4)

    L-UE ser tuża d-djalogu tagħha ma' l-Iraq u l-ġirien tiegħu sabiex tħeġġeġ impenn reġjonali kontinwu u sostenn għal sigurtà mtejjba u għall-proċess politiku u ta' rikostruzzjoni fl-Iraq ibbażat fuq l-inklużjoni, il-prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, kif ukoll sostenn għas-sigurtà u l-koperazzjoni fir-reġjun.

    (5)

    Tali missjoni għandha tkun sigura, indipendenti u distinta iżda tkun komplementari u ġġib valur miżjud lill-isforzi internazzjoniali attwali kif ukoll tiżviluppa sinerġiji ma' l-isforzi attwali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri. Fir-rigward ta' missjoni fl-Iraq jeħtieġ li t-tħassib ta' sigurtà kollu jiġi ndirizzat kif xieraq qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni.

    (6)

    Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ta' sigurtà attwali fl-Iraq u f'Bagdad, kwalunkwe insedjament tat-tim ta' esperti, jew ta' elementi tiegħu, fl-Iraq (inklużi d-daqs u d-dewmien ta' tali insedjament) għandu jiġi deċiż biss skond pariri u valutazzjonijiet xierqa dwar is-sigurtà u bil-kundizzjoni li jeżistu arranġamenti xierqa għas-sigurtà u loġistiċi biex il-livell ta' riskju jkun minimizzat.

    (7)

    It-tim ta' esperti ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li hi ta' theddida għal-liġi u l-ordni pubbliku, is-sigurtà ta' l-individwi u għall-istabilità ta' l-Iraq u li tista' tagħmel ħsara lill-għanijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (8)

    F'konformità mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza tas-7-9 ta' Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “SĠ/RGħ”) skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   Tim ta' esperti huwa b'dan stabbilit biex ikompli d-djalogu ma' l-awtoritajiet Iraqqini, biex jibda l-ippjanar inizjali għall-possibbiltà ta' missjoni integrata tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili li mistennija tibda wara l-elezzjonijiet ta' Jannar 2005 u b'mod partikolari jivvaluta l-ħtiġijiet urġenti ta' sigurtà għal tali missjoni. Djalogu ma' pajjiżi oħra fir-reġjun dwar dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet oħrajn għandu wkoll jiġi mħeġġeġ.

    2.   It-tim ta' esperti għandu jiġi insedjat sa l-aħħar ta' Novembru 2004.

    3.   It-tim ta' esperti għandu jopera skond it-termini ta' referenza stabbiliti fl-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    Termini ta' Referenza

    1.   Sa mhux aktar tard mit-tmiem ta' Jannar 2005, it-tim ta' esperti hu mistenni jipproduċi rapport li jippreżenta l-possibbiltajiet ta' għażla dettaljati biex jiġu indirizzati l-għanijiet t'hawn fuq. Il-konklużjonijiet tiegħu għandhom ikunu sostnuti b'analiżi dettaljata tal-fattibbiltà tal-possibbiltajiet ta' għażla, il-valur miżjud tagħhom f'termini ta' inizjattivi nazzjonali u internazzjonali eżistenti u ppjanati f'dan il-qasam kif ukoll ir-restrizzjonijiet ta' sigurtà.

    2.   It-tim ta' esperti għandu jibbaża l-ippjanar inizjali tiegħu fuq id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew li “filwaqt li ġġudika li l-attivitajiet barra mill-Iraq bi preżenza ta' elementi ta' kollegament fl-Iraq ikunu fattibbli f'dan il-mument, il-Kunsill Ewropew qabel li fir-rigward ta' missjoni ġewwa l-Iraq jeħtieġ li t-tħassib kollu ta' sigurtà jiġu indirizzati b'mod xieraq qabel ma tkun tista' tittieħed kwalunkwe deċiżjoni”. Għandu jsir djalogu ma' pajjiżi oħra fir-reġjun.

    3.   Ir-rapport għandu jidentifika b'mod partikolari u jinkludi:

    analiżi komprensiva u dettaljata tas-sitwazzjoni ta' sigurtà fl-Iraq, li tinkludi valutazzjoni dettaljata tal-periklu għall-aspetti kollha tal-missjoni li jista' jkun hemm fl-Iraq. L-analiżi għandha tieħu kont ta' l-aħħar żviluppi fil-pajjiż matul il-ġranet li jwasslu għall-preżentazzjoni tar-rapport. Hija għandha wkoll tagħti istruzzjonijiet għal ippjanar ta' kontinġenza għal kwalunkwe element tal-missjoni fl-Iraq, f'każ ta' deterjorament tas-sitwazzjoni ta' sigurtà;

    l-oqsma li fihom tista' tingħata konsulenza ta' politika u l-għanijiet speċifiċi ta' tali konsulenza u l-profil ta' kompetenza meħtieġa biex din tingħata;

    il-ħtiġijiet speċifiċi għat-taħriġ, il-kategorija preċiża għal min huwa intiż tali taħriġ u l-merti relativi tal-mudelli differenti kif jingħata t-taħriġ (inkluż ġewwa u barra l-pajjiż);

    kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti (b'mod partikolari n-normi tan-NU, tal-Kunsill ta' l-Ewropa jew ta' l-OSCE) li għandu jiġi rifless fil-materjal tat-taħriġ;

    il-possibbiltà ta' kollaborazzjoni man-NU, f'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta bejn in-NU u l-UE dwar l-immaniġġjar ta' kriżijiet;

    assistenza attwali jew ippjanata minn donaturi oħrajn f'oqsma rilevanti għall-operazzjoni ppjanata;

    ir-rabtiet ma' oqfsa eżistenti għall-kordinazzjoni ta' l-assistenza ġewwa l-Iraq u ma' oqfsa ta' żvilupp nazzjonali;

    żoni fejn jista' jsir l-insedjament, ġewwa u barra l-Iraq;

    l-iskedi ta' żmien għall-insedjament;

    ħtiġijiet tal-persunal, ta' loġistika, tekniċi u ta' sigurtà;

    il-partiti meħtieġa għal budget li jirrigwarda l-possibbiltajiet differenti ta' għażla;

    il-partiti meħtieġa għal abbozzi ta' Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni.

    4.   It-tim ta' esperti għandu jkollu djalogu xieraq ma' l-awtoritajiet Iraqqini kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell reġjonali, u mifrux fuq is-settur tal-ġustizzja kriminali u ma' parteċipanti rilevanti oħra. Huwa għandu jiżgura kuntatt regolari mal-Ministeru ta' l-Ippjanar Iraqi, responsabbli għall-kordinazzjoni ġenerali ta' l-isforzi ta' assistenza. It-tim għandu jistabbilixxi wkoll kuntatt mill-qrib ma' l-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea għall-Iraq (bħalissa bbażat f'Amman), mal-programmi bilaterali ta' l-Istati Membri, mal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Grupp ta' Żvilupp tan-NU, ma' fornituri ewlenin oħra ta' assistenza internazzjonali, u ma' awtoritajiet tar-reġjun.

    5.   It-tim ta' esperti ser jinkludi nukleu ta' ħidma żgħir li jista' jiġi supplementat, kif meħtieġ, minn esperti għal perijodu qasir.

    Artikolu 3

    Il-Kap tat-tim ta' esperti u l-membri tat-tim ta' esperti

    1.   Is-Sur Pieter Feith huwa maħtur Kap tat-tim ta' esperti. Huwa għandu jagħżel il-membri tat-tim ta' esperti taħt l-awtorità tas-SĠ/RGħ. Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu jikkonsulta mal-Kumitat Politiku u ta' Siġurta (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “PSC” dwar kwistjonijiet ta' daqs u komposizzjoni tat-tim ta' esperti.

    2.   Il-Kap tat-tim ta' esperti u l-membri tiegħu għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri ta' l-UE jew mill-istituzzjonijiet. Il-membri kollha tat-tim ta' esperti għandhom jibqgħu taħt l-awtorità ta' l-Istat Membru ta' l-UE jew l-istituzzjoni ta' l-UE li jkunu ġew ssekondati minnhom u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tat-tim ta' esperti. Kemm matul kif ukoll wara l-eżekuzzjoni tal-mandat tagħhom, il-membri tat-tim ta' esperti għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mat-tim.

    3.   L-Istat Membru jew l-istituzzjoni li ssekondat membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma' l-issekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex jibdew kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

    4.   Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu jmexxi t-tim ta' esperti u jassumi l-amministrazzjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Sorveljanza Politika u Rappurtar

    1.   Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu jaġixxi taħt l-awtorità tas-SĠ/RGħ u jirrapporta lilu. Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-Kap tat-tim ta' esperti f'intervalli regolari.

    2.   Il-PSC għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, is-sorveljanza politika. Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

    Artikolu 5

    Sigurtà

    1.   Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu, f'konsultazzjoni mar-rappreżentant ta' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill fil-missjoni, ikun responsabbli biex jiżgura l-konformità ma' l-istandards minimi ta' sigurtà applikabbli għat-tim ta' esperti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw sabiex jipprovdu lit-tim ta' esperti b'akkomodazzjoni sigura, korazza tal-persuna u protezzjoni mill-qrib ġewwa l-Iraq.

    3.   Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu jikkonsulta mal-PSC dwar kwistjonijiet ta' sigurtà li jaffettwaw l-insedjament tat-tim skond l-istruzzjonijiet tas-S/RGħ.

    Artikolu 6

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub biex ikopri l-ispiża relatata mat-tim ta' esperti għandu jkun EUR 1 058 000.

    2.   L-ispiża ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiffirma kuntratt mal-Kap tat-tim ta' esperti. Huwa għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha, dwar l-aspetti tal-budget ta' l-attivitajiet eżegwiti fil-qafas tal-kuntratt tiegħu. Il-Kap tat-tim ta' esperti għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għall-infiq kollu.

    4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operazzjonali tat-tim ta' esperti, inklużi dawk relatati mal-ħtiġiet tiegħu ta' sigurtà.

    5.   L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha. Għandha tiskadi fil-15 ta' Frar 2005.

    Artikolu 8

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, nhar is-26 ta' Novembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    Top