Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022BP0255

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 FR/Air France (COM(2022)0201 – C9-0170/2022 – 2022/0143(BUD))

ĠU C 32, 27.1.2023, pp. 405–408 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 32, 27.1.2023, pp. 386–389 (GA)

27.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/405


P9_TA(2022)0255

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2022/001 FR/Air France – Franza

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 FR/Air France (COM(2022)0201 – C9-0170/2022 – 2022/0143(BUD))

(2023/C 32/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0201 – C9-0170/2022),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1) (“ir-Regolament dwar il-FEG”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2) (“ir-Regolament dwar il-QFP”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0183/2022]),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju filwaqt li l-mobilità ssir aċċessibbli għal kulħadd, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;

B.

billi l-Unjoni estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) biex tipprovdi appoġġ finanzjarju f'każ ta' kwalunkwe avveniment kbir ta' ristrutturar, u b'hekk tkopri l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus;

C.

billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2022/001 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 282 spostament fis-settur ekonomiku kklassifikati taħt id-diviżjoni 33 tan-NACE Reviżjoni 2 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir) u 51 (Trasport bl-ajru) primarjament fi tnax-il reġjun NUTS Franċiżi kollha tat-tieni livell fil-kontinent (4) u erba' reġjuni NUTS Franċiżi tat-tieni livell ekstra-Ewropej (5), f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' Lulju 2021 sal-1 ta' Novembru 2021;

D.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda 282 ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom fil-kumpanija Air France u żewġ sussidjarji tagħha (6) waqfet matul il-perjodu ta' referenza, filwaqt li 1 298 ħaddiem ġew issensjati qabel jew wara l-perjodu ta' referenza bħala konsegwenza tal-istess avvenimenti li wasslu għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta' referenza u għalhekk l-1 580 ħaddiema kollha se jitqiesu wkoll bħala benefiċjarji eliġibbli;

E.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta' mill-inqas 200 ħaddiem issensjati fuq perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f'fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet;

F.

billi l-Air France ntlaqtet serjament mill-kriżi tal-COVID-19, li kkawżat tnaqqis qawwi fl-introjtu u fit-traffiku;

G.

billi r-ristrutturar tas-sussidjarji reġjonali tal-Air France f'Hop qajjem tħassib soċjali anke qabel ma bdiet il-kriżi tal-COVID-19, u matul il-pandemija, l-Air France ddeċidiet li tnaqqas drastikament il-kapaċità ta' Hop kemm f'termini ta' persunal kif ukoll ta' inġenji tal-ajru;

H.

billi l-awtoritajiet Franċiżi implimentaw diversi miżuri, bħas-self garantit mill-Istat, biex jappoġġjaw lil Air France, iżda l-kumpanija xorta kellha tieħu miżuri addizzjonali biex tiffaċċja l-kriżi, inklużi operazzjonijiet ta' tnaqqis fid-daqs, definizzjoni mill-ġdid tan-network domestiku, u semplifikazzjoni tal-funzjonijiet ta' appoġġ, li wasslu għal tnaqqis fil-persunal;

I.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija u enfasizzat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (7);

J.

billi l-kumpaniji tal-ajru fl-Ewropa ffaċċjaw problemi u sfidi serji minħabba l-kompetizzjoni globali u billi huma meħtieġa miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema tal-linji tal-ajru fil-livell tal-Unjoni u jiġi żgurat li dan is-settur importanti jibqa' kompetittiv u postijiet tax-xogħol deċenti jinżammu fl-Unjoni;

K.

billi l-FEG m'għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-QFP;

L.

billi l-Unjoni għandha twol importanti f'li tipprovdi s-solidarjetà meħtieġa permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG, li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid malajr lill-benefiċjarji f'impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan jew barra s-settur ta' attività inizjali tagħhom, filwaqt li jħejjihom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 17 742 607, jiġifieri 85 % tal-ispiża totali ta' EUR 20 873 656, li tinkludi biss in-nefqa għal servizzi personalizzati;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-21 ta' Jannar 2022, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-10 ta' Mejju 2022 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

3.

Jinnota li l-applikazzjoni hija marbuta ma' 1 580 ħaddiem issensjati b'kollox li l-attività tagħhom waqfet; jilqa' l-fatt li Franza qed tistenna li l-benefiċjarji eliġibbli kollha (benefiċjarji fil-mira) se jipparteċipaw fil-miżuri;

4.

Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu importanti għal Franza, b'mod partikolari fir-reġjun Île-de-France, fejn seħħew 57 % tas-sensji; jinnota li l-amministrazzjoni tax-xogħol Franċiża speċifikat li r-ristrutturar ta' Air France affettwa l-bilanċ tal-impjiegi fit-territorji kkonċernati; jenfasizza li r-reġjuni u s-setturi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet jeħtieġu rispons Ewropew integrat u komuni biex jappoġġjaw ir-reżiljenza tagħhom;

5.

Jirrimarka li 56 % tal-ħaddiema ssensjati huma nisa u 30,8 % għandhom aktar minn 54 sena; jinnota wkoll li 96 mill-ħaddiema ssensjati għandhom diżabilità;

6.

Jinnota li Franza bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021 u li, għalhekk, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;

7.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali, taħriġ, inklużi kompetenzi orizzontali, tiġdid tal-ħiliet, titjib tal-ħiliet, internships u taħriġ vokazzjonali, kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozji, benefiċċji ta' reklutaġġ, benefiċċju ta' impjieg mill-ġdid rapidu, żidiet fis-salarji kif ukoll assistenza intensiva fit-tiftix ta' impjiegi; jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti malajr opportunitajiet ta' xogħol fl-Unjoni lill-ħaddiema kwalifikati li ngħataw is-sensja;

8.

Itenni, f'dak il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha f'li tagħmel disponibbli l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta u diġitali f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u miri ta' politiki Ewropej ewlenin; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG ikompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati u jżomm l-attenzjoni fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema f'dak li fadal mill-perjodu QFP; jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza tal-politika;

9.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal minn Franza b'konsultazzjoni mal-persunal u mar-rappreżentanti tal-unions (8);

10.

Jilqa' l-fatt li Air France stabbiliet pakkett estensiv ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati biex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja, f'konformità mal-obbligi legali tagħha.

11.

Jirrimarka li Air France regolarment toffri taħriġ għall-persunal tagħha li fih tingħata attenzjoni lill-ħiliet u lill-ħiliet diġitali meħtieġa f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, bħala parti mill-“Pjan għall-Iżvilupp tal-Ħiliet” u jilqa' l-fatt li dak it-taħriġ jibqa' disponibbli għall-ħaddiema spostati għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri tal-FEG; jisħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jkunu ppreparati għal ekonomija tal-Unjoni ekoloġika u diġitali u taħdem favur tranżizzjonijiet doppji;

12.

Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika se jkollha wkoll effett fuq is-suq tax-xogħol speċjalment fis-settur tal-avjazzjoni; għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-hekk imsejħa sistema ta' apprendistat doppju, li wriet li hija effettiva f'xi Stati Membri;

13.

Jenfasizza li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

14.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;

15.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Île-de-France (FR10), Nord Pas de Calais (FRE1), Alsace (FRF1), Pays de la Loire (FRG0), Bretagne (FRH0), Aquitaine (FRI1), Languedoc Roussillon (FRJ1), Midi Pyrénées (FRJ2), Auvergne (FRK1), Rhône Alpes (FRK2), Provence Alpes Côte d'Azur (FRL0) u Corse (FRM0).

(5)  Guadeloupe (FRY1), Martinique (FRY2), Guyane (FRY3) u La Réunion (FRY4).

(6)  Hop and Hop Training.

(7)  COM(2020)0442.

(8)  SNPNC, UNAC, UNSA-PNC, CFDT, FO, u CFE/CGC.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza

(EGF/2022/001 FR/Air France)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1164.)


Top