This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022TN0499
Case T-499/22: Action brought on 15 August 2022 — Hungary v Commission
Kawża T-499/22: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2022 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
Kawża T-499/22: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2022 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
ĠU C 368, 26.9.2022, pp. 33–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
26.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 368/33 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2022 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-499/22)
(2022/C 368/54)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrent: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Fehér u G. Koós, aġenti)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat-8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni, minħabba l-konstatazzjoni ta’ dgħufijiet, spejjeż fil-qafas tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-Ungerija bħala għajnuniet diretti diżakkoppjati u appoġġ akkoppjat volontarju għas-snin finanzjarji 2017-2019, u bħala miżuri suġġetti għas-SIAK u ġestjoni tar-riskju (FAEŻR – Żvilupp Rurali) għas-snin finanzjarji 2017-2018, u |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
L-esklużjoni hija bbażata fuq erba’ motivi, li tlieta minnhom huma indikati fir-rikors għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata tal-Gvern Ungeriż.
F’dak li jirrigwarda l-ewwel bażi legali għal esklużjoni, il-Gvern Ungeriż jibbaża l-argument tiegħu fuq il-fatt li la interpretazzjoni testwali u lanqas interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (1) ma jiġġustifikaw l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ bidwi attiv għandu jinkludi l-impriżi relatati.
Il-kunċett ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistax jiġi assimilat ma’ dak ta’ impriżi relatati, u l-ewwel wieħed ma jinkludix lit-tieni. Din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija, barra minn hekk, miċħuda minn diversi Stati Membri, u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut tal-laqgħat ta’ konċiljazzjoni bilaterali mal-Istati Membri permezz tas-sistema CircaBC ma jistax jitqies li huwa ta’ natura li joħloq iċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ kwistjoni daqshekk kruċjali.
It-tieni motiv għal esklużjoni jirrigwarda l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 809/2014 (2), sa fejn jipprevedi żieda fil-perċentwali ta’ verifiki fuq il-post, ma jagħmilx distinzjoni fosthom abbażi tas-sors tal-livell ta’ żball (għażla bbażata fuq ir-riskju/aleatorja). L-approċċ adottat mill-awtoritajiet Ungeriżi, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ ċerti riżultati, rilevanti għall-kalkolu taż-żieda possibbilment neċessarja tal-perċentwali ta’ verifiki, li jinħolqu mill-verifiki fuq il-post magħżula b’mod aleatorju, ma huwiex konformi mar-rekwiżiti regolamentari.
Issa d-dispożizzjonijiet regolamentari rilevanti ma jipprevedux b’mod espliċitu li, sabiex tiġi ddeterminata ż-żieda fir-rata, għandhom jitqiesu wkoll l-iżbalji kkonstatati fl-elementi tal-kampjun li ġew identifikati fil-kuntest ta’ analiżi tar-riskji. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli ma jispeċifikawx il-mod kif għandu jkun iddefinit il-kampjun ta’ benefiċjarji li għandhom ikunu suġġetti għal verifika. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-uniku mod sabiex tinkiseb “żieda korrispondenti” huwa, minflok l-użu ta’ kampjun aleatorju li jirrappreżenta aħjar il-popolazzjoni ta’ verifika, l-għażla ta’ “tqassim proporzjonali” tiegħu għal kampjun magħżul abbażi ta’ analiżi tar-riskji. L-inklużjoni fir-rati globali ta’ żbalji previsti tar-riżultati tal-kampjun magħżul fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji twassal għal riżultat ippreġudikat.
Fl-aħħar nett, it-tielet motiv għal esklużjoni huwa bbażat fuq il-fatt li l-komunikazzjonijiet ta’ avvenimenti relatati mal-annimali ddaħħlu fid-database ta’ reġistrazzjoni tal-annimali mingħajr ebda indikazzjoni dwar it-tardività tal-komunikazzjonijiet. Il-fatt li l-kontroverifiki amministrattivi ma ppermettewx li jiġu identifikati l-komunikazzjonijiet tardivi (lil hinn mit-termini massimi previsti mil-leġiżlazzjoni settorjali, li huwa obbligatorju għall-appoġġ akkoppjat volontarju) jipprekludi t-tnaqqis tal-ħlasijiet tal-appoġġ akkoppjat volontarju u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi.
Issa dan ma jfissirx li l-awtoritajiet Ungeriżi ma jissanzjonawx il-komunikazzjonijiet tardivi, peress li dawn huma, fil-fatt, issanzjonati fil-kuntest tal-kontrolli tal-kundizzjonalità. Dan ifisser li aġir ta’ dan it-tip ma jitħalliex mingħajr kastig, iżda l-istess aġir ma jiġix issanzjonat darbtejn.
(1) Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).