Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0173

Kawża T-173/22: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2022 – T-Systems International vs Il-Kummissjoni

ĠU C 237, 20.6.2022, pp. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 237, 20.6.2022, pp. 54–55 (GA)

20.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/56


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2022 – T-Systems International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-173/22)

(2022/C 237/73)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: T-Systems International GmbH (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: E. van Nuffel d’Heynsbroeck, D. Bogaert u T. Payan, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt fil-Proċedura ta’ Sejħa għal Offerti DIGIT/A3/PR/2019/010 għall-provvista ta’ servizzi fir-rigward ta’ Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika Bejn l-Amministrazzjonijiet (TESTA), li r-riżultat tagħha ġie nnotifikat fil-21 ta’ Jannar 2022;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 168(6) tar-Regolament Finanzjarju (1) u tal-illegalità tal-offerti kollha sottomessi fil-proċedura għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal Offerti jagħmlu eċċessivament diffiċli jew impossibbli l-implimentazzjoni tas-servizz, u għalhekk is-sottomissjoni ta’ offerta regolari.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta emendat ir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi bi ksur tal-kundizzjonijiet essenzjali tal-proċedura fl-evalwazzjoni tal-offerti ta’ offerenti oħrajn.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li jeżisti riskju għoli ta’ emenda sostanzjali tal-kuntratt, għaliex il-Kummissjoni tat il-kuntratt fuq termini tekniċi li hija ma setgħetx ma kinitx taf li jkunu obsoliti malajr, jekk mhux diġà obsoliti fil-mument tas-sejħa għal offerti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju.


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).


Top