Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE3871

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera” (COM(2021) 564 final — 2021/0214 (COD))

EESC 2021/03871

ĠU C 152, 6.4.2022, p. 181–188 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/181


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera”

(COM(2021) 564 final — 2021/0214 (COD))

(2022/C 152/30)

Relatur:

Andrés BARCELÓ DELGADO

Korelatur:

John COMER

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.9.2021

Kunsill, 21.9.2021

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.11.2021

Adottata fil-plenarja

8.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

179/3/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) bil-għan li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-ambizzjoni klimatika tal-UE u li jiġu stabbiliti ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku.

1.2.

Il-KESE jitlob li l-valutazzjoni tal-impatt tiġi estiża għall-attivitajiet ta’ esportazzjoni tas-setturi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM. L-UE jeħtiġilha tkompli ssegwi l-ambizzjoni klimatika tagħha iżda, fl-istess ħin, jeħtieġ li tiggarantixxi lill-industrija Ewropea kundizzjonijiet ekwi fix-xena internazzjonali billi tippermettilha tikkompeti fis-suq uniku u tesporta lejn is-swieq internazzjonali.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lil-leġiżlaturi tal-UE jesploraw kif jittrattaw l-esportazzjonijiet sabiex jippermettu lill-industrija tal-UE tibqa’ kompetittiva fis-swieq internazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda valutazzjoni tal-impatt biex jinstab kif ir-regoli tad-WTO jridu jiġu interpretati jew adattati b’tali mod li jappoġġjaw l-għanijiet u l-effiċjenza tas-CBAM sabiex jikkontribwixxu għall-evitar tal-emissjonijiet industrijali tas-CO2 madwar id-dinja.

1.4.

Ħafna suġġetti importanti se jkollhom bżonn ta’ aktar żvilupp permezz ta’ atti delegati għall-implimentazzjoni. Għalhekk, meta jitqies dan il-punt flimkien ma’ dak preċedenti, huwa kważi impossibbli li jiġi spjegat x’se jkunu l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni għal kull settur tal-manifattura. Dubji dwar diversi dettalji ewlenin tar-Regolament propost jagħmluha diffiċli li jiġi vvalutat sakemm il-proċess leġiżlattiv ikompli jagħmel progress. Madankollu, iridu jiġu evitati kundizzjonijiet ta’ qafas inċerti, speċjalment meta jiġi vvalutat is-CO2 fir-rigward tal-importazzjonijiet, sabiex ma jiddgħajfux il-miżuri proattivi u antiċipatorji li jittieħdu mill-kumpaniji Ewropej biex jipproteġu l-klima.

1.5.

Il-KESE jitlob lil-leġiżlaturi Ewropej jallokaw direttament id-dħul mis-CBAM biex jappoġġaw it-tranżizzjoni industrijali tas-setturi affettwati. Xi setturi ekonomiċi li jbatu minn kompetizzjoni inġusta fil-qasam tal-klima jistgħu jeħtieġu appoġġ addizzjonali, b’rikonoxximent tal-isforzi tagħhom, peress li jistgħu jsiru inqas kompetittivi meta mqabbel ma’ dawk li ma jinternalizzawx l-impronta klimatika/ambjentali.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tgħin lill-pajjiżi inqas żviluppati jtejbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom, biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tas-CBAM.

1.7.

Verifika tajba tal-emissjonijiet reali inkorporati fi prodotti importati se tkun kruċjali għal użu ġust tas-CBAM. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi talbiet speċifiċi lill-korpi ta’ verifika awtorizzati.

1.8.

Il-Kumitat jinnota l-ħtieġa ta’ impronta industrijali b’saħħitha fl-Ewropa li hija kompletament kompetittiva, u responsabbli għall-klima.

1.9.

B’mod parallel għal-proċedura leġiżlattiva, il-Kummissjoni hija mitluba twettaq studju tal-impatt dwar l-effetti possibbli tal-implimentazzjoni tas-CBAM tul il-katina tal-valur.

1.10.

L-introduzzjoni tas-CBAM se tikkawża bidla kbira fis-sistema kummerċjali dinjija. L-UE jeħtiġilha tieħu l-passi meħtieġa kollha biex tiżgura li s-CBAM ma jwassalx għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra f’partijiet oħra tad-dinja bil-potenzjal li jkun hemm emissjonijiet globali supplimentari. Is-CBAM ma għandu bl-ebda mod iwassal għad-deindustrijalizzazzjoni tal-UE. L-UE jeħtiġilha tibbilanċja l-ambizzjoni klimatika tagħha mal-fatt reali li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra huwa kwistjoni globali.

1.11.

Id-dimensjoni politika tas-CBAM ma ġietx enfasizzata biżżejjed. Id-deċiżjonijiet finali dwar is-CBAM fil-biċċa l-kbira se jkunu bbażati mhux biss fuq diskussjonijiet fl-UE iżda wkoll fuq in-negozjati li se jkunu meħtieġa mal-imsieħba kummerċjali biex jaqblu dwar eżitu u jevitaw kunflitt kummerċjali.

1.12.

Il-KESE għandu aspettattiva raġonevoli li sistema CBAM li tiffunzjona se twassal sabiex l-impjieg ikun aktar robust f’dawk li qabel kienu kumpaniji u setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju li nbidlu sabiex ma jagħmlux ħsara lill-klima. Madankollu, huwa jwissi wkoll dwar ir-riskju ta’ falliment tas-CBAM, flimkien mas-sistema tal-ETS. It-tneħħija sħiħa tal-allokazzjoni bla ħlas bl-introduzzjoni tas-CBAM tista’ twassal għal telf kbir ta’ impjiegi fl-UE.

1.13.

Is-CBAM se jappoġġja kemm l-ambizzjoni klimatika tal-UE kif ukoll impronta industrijali futura aktar b’saħħitha fl-Ewropa. Riskji ovvji, bħal diffikultajiet fil-verifika tal-informazzjoni pprovduta dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 minn pajjiżi terzi u ċirkomvenzjoni possibbli, iridu jitqiesu fl-implimentazzjoni tas-CBAM, matul u wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni.

2.   Sinteżi tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Fl-14 ta’ Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika” (1). Dan jinkludi proposta dwar il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) (2), li hija marbuta mill-qrib mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) (3). Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” huwa riżultat tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (4), li ġiet ippreżentata fil-15 ta’ Diċembru 2019.

2.2.

Il-proposta tipprevedi “ETS nozzjonali” li għandha tiġi applikata għall-importazzjonijiet ta’ diversi prodotti industrijali u tal-elettriku. Is-setturi koperti fl-ewwel fażi huma: is-siment, l-azzar, il-fertilizzanti, l-aluminju u l-elettriku.

2.3.

Għal dawk il-materjali bi pproċessar downstream aktar intensiv, il-proposta diġà tinkludi ħafna prodotti downstream. Madankollu, hemm referenza għal “prodotti kumplessi” li tista’ twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

2.4.

Il-piż amministrattiv tas-CBAM jaqa’ fuq il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-importaturi fis-suq tal-UE.

2.5.

L-“ETS nozzjonali” tirrifletti l-ETS attwali b’xi differenzi ewlenin: iċ-ċertifikati tal-emissjonijiet mhux se jkunu kummerċjabbli u l-importaturi se jkollhom iċedu dawk iċ-ċertifikati bil-prezz attwali tas-CO2 fl-UE, abbażi tal-emissjonijiet inkorporati fil-prodotti li għandhom jiġu importati fl-UE.

2.6.

Il-lista ta’ setturi u prodotti koperti mis-CBAM hija speċifikata fl-Anness I tal-proposta. Il-Kummissjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM għal prodotti ġodda jekk tidentifika riskju serju ta’ ċirkomvenzjoni. Proposta tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi setturi jew prodotti ġodda se tgħaddi mill-proċess leġiżlattiv sħiħ.

2.7.

Is-sistema proposta tqis biss l-emissjonijiet diretti (il-Kamp ta’ applikazzjoni 1), u mhux l-emissjonijiet indiretti marbuta mal-enerġija (l-elettriku jew it-tisħin) (il-Kamp ta’ applikazzjoni 2), jew l-emissjonijiet indiretti ta’ prodotti fil-katina tal-valur downstream, iżda tinkludi emissjonijiet limitati tal-katina tal-valur upstream (mhux inkluż it-trasport jew il-katina tal-valur korporattiva) (il-Kamp ta’ applikazzjoni 3) permezz tal-kunċett ta’ “oġġetti kumplessi”. Kif din se taħdem mhuwiex dettaljat sew fil-proposta u dan se jiġi stabbilit mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

2.8.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku jkopri l-pajjiżi terzi kollha barra mill-unjoni doganali ħlief dawk inklużi fl-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) attwali jew il-pajjiżi “akkoppjati” mal-EU ETS. Miżuri speċifiċi huma inklużi biex jitqies il-prezz tal-karbonju mitlub f’diversi pajjiżi terzi.

2.9.

Is-CBAM huwa differenti mill-ETS peress li s-CBAM se jkun iffukat fuq prodotti (b’kodiċijiet speċifiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM)), filwaqt li l-ETS hija ffukata fuq l-installazzjonijiet.

2.10.

L-għan aħħari tas-CBAM huwa sostituzzjoni gradwali tal-allokazzjoni bla ħlas attwali fis-setturi koperti. Wara l-“perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin”, l-allokazzjoni bla ħlas se titneħħa gradwalment mill-2026 b’rata ta’ 10 % fis-sena għal għaxar snin, kif previst bħalissa fil-proposta tal-Kummissjoni. Id-dettalji dwar il-progress tat-tneħħija gradwali tal-allokazzjoni bla ħlas għas-setturi involuti mhumiex inklużi fil-proposta dwar is-CBAM iżda fir-rieżami tad-Direttiva dwar l-ETS.

2.11.

Is-CBAM se jqis l-allokazzjonijiet bla ħlas mogħtija lill-industrija tal-UE biex tiġi evitata protezzjoni doppja. L-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni se jistabbilixxu l-metodoloġija li għandha tapplika biex jiġi kkalkolat il-livell tas-CBAM għal kull prodott.

2.12.

Ir-regoli biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet inkorporati fil-prodotti huma ġenerali, b’approċċ speċifiku u simplifikat għall-importazzjonijiet tal-elettriku.

2.13.

Il-Kummissjoni taħseb li se tkun meħtieġa fażi tranżitorja ta’ tliet snin biex jiġi rfinat il-kalkolu tal-emissjonijiet inkorporati u biex jiġi ddeterminat min se jkunu l-verifikaturi akkreditati ta’ dawk l-emissjonijiet. Reviżjoni ġenerali tas-sistema trid titwettaq fl-2025 qabel it-tieni fażi tas-CBAM.

2.14.

Id-dħul mis-CBAM se jinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali, li fil-prinċipju se jħallsuhom lit-Teżor tal-UE, wara li titnaqqas l-ispiża amministrattiva assoċjata mal-ġestjoni tal-proċeduri.

2.15.

Il-proposta tipprevedi fażi ta’ prova amministrattiva ta’ tliet snin (2023-2025) mingħajr konsegwenzi ekonomiċi. L-importaturi se jkollhom iwettqu xi proċeduri ta’ rapportar, mingħajr ma jkollhom jivverifikaw l-emissjonijiet inkorporati, ikunu awtorizzati minn qabel jew ikollhom iħallsu għaċ-ċertifikati fir-rigward tal-prodotti importati.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kummissjoni, immexxija mid-DĠ TAXUD, għamlet xogħol tajjeb fl-abbozzar tal-proposta, filwaqt li qieset il-ħtieġa li tiġi kkombinata l-espansjoni tal-ambizzjoni klimatika tal-UE u l-ħtieġa li jiġi evitat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

3.2.

Il-proposta tidher li ġiet ippreżentata mingħajr ma ġew identifikati xi teknikalitajiet li se jiġu deċiżi mill-Kummissjoni matul l-ewwel fażi (il-perjodu ta’ ttestjar). Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament huma impenjati li jniedu s-CBAM fl-2023, li hija skeda ristretta.

3.3.

Ħafna suġġetti importanti se jkollhom bżonn ta’ aktar żvilupp permezz ta’ atti delega għall-implimentazzjoni. Għalhekk, meta jitqies dan il-punt flimkien ma’ dak preċedenti, huwa kważi impossibbli li jiġi spjegat x’se jkunu l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni għal kull settur tal-manifattura. Dubji dwar diversi dettalji ewlenin tar-Regolament propost jagħmluha diffiċli li jiġi vvalutat sakemm il-proċess leġiżlattiv ikompli jagħmel progress. Madankollu, iridu jiġu evitati kundizzjonijiet ta’ qafas inċerti, speċjalment meta jiġi vvalutat is-CO2 fir-rigward tal-importazzjonijiet, sabiex ma jiddgħajfux il-miżuri proattivi u antiċipatorji li jittieħdu mill-kumpaniji Ewropej biex jipproteġu l-klima.

3.4.

Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-elettriku, mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni vvalutatx sew l-impatt fuq il-prezz tal-elettriku fis-suq tal-elettriku tal-UE u kif dan jiġġenera spejjeż ogħla għall-konsumaturi, u, għalhekk, jiżdied ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fost is-setturi intensivi fl-elettriku. Ma għandux jintesa li l-konsum tal-elettriku mhuwiex meqjus għall-fini tal-kalkolu tal-impronta tal-karbonju tal-prodotti importati (5).

3.5.

L-industrija Ewropea hija orjentata lejn l-esportazzjoni u jekk, bħala konsegwenza tas-CBAM, ikollha xi protezzjoni kontra l-importazzjonijiet iżda ma tkunx tista’ tikkompeti fis-swieq internazzjonali, in-nuqqas ta’ kompetittività se jkun konsiderevoli u l-Ewropa mhux se tkun tista’ tibqa’ tattira investimenti industrijali.

3.6.

Sostituzzjoni rapida ħafna tal-miżuri eżistenti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 bis-CBAM il-ġdid twassal għal inċertezza sinifikanti, u tfixkel id-deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul li diġà ttieħdu abbażi tal-miri għall-2030 li ġew riveduti reċentement. Dan jista’ jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-industrija li tinvesti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jsir ostaklu għall-kompetizzjoni għall-aċċess għal swieq terzi. Għalhekk, fejn ikun meħtieġ, ir-rata attwali ta’ kwoti bla ħlas għandha tinżamm inizjalment sabiex l-industriji koperti mis-CBAM ikunu jistgħu jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-karbonju, segwita minn tnaqqis gradwali fil-kwoti bla ħlas, kif ikun xieraq, biex tiġi ffaċilitata aktar dekarbonizzazzjoni.

3.7.

Il-kompetittività u l-effetti fuq il-prezzijiet fuq il-katina tal-valur għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa biex jiġi limitat l-impatt, speċjalment f’setturi ta’ esportazzjoni bħas-settur agroalimentari, fost l-oħrajn, li jiddependu ħafna minn prodotti mis-settur diġà kopert fil-proposta tas-CBAM.

3.8.

Is-CBAM jista’ biss jilħaq l-għanijiet kollha tiegħu b’mod effettiv jekk ir-rekwiżit li jiġi evitat is-CO2 fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-UE jiġi kkumpensat b’vantaġġi li jirriżultaw minn produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-produtturi Ewropej. Jista’ jkun il-każ li se jkun hemm kundizzjonijiet raġonevolment ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u l-kumpaniji tal-UE fis-Suq Uniku, iżda l-ebda kumpanija tal-UE ma tista’ tikkompeti barra mill-pajjiż, peress li l-produtturi tal-UE se jħallsu l-ispejjeż sħaħ tal-karbonju, filwaqt li l-kompetituri minn pajjiżi terzi ma jħallsu xejn jew iħallsu ftit.

3.9.

Is-sistema tista’ twitti t-triq għal diversi skemi ta’ ċirkomvenzjoni bħal bdil tas-sors, dettalji ta’ verifika, kumpaniji b’ħafna faċilitajiet f’pajjiżi terzi li jiddikjaraw b’mod falz li prodotti magħmula f’faċilitajiet b’impronta tal-karbonju għolja jsiru f’faċilitajiet b’impronta tal-karbonju baxxa, ir-riorganizzazzjoni tas-sors u d-definizzjoni tal-merkanzija. Dan jista’ jfixkel il-progress fl-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi aktar ambizzjużi tas-CBAM. Il-proposta għandha tiġi rfinata bir-reqqa matul il-proċess leġiżlattiv biex tiġi evitata l-imġiba dannuża li tippreġudika l-objettiv tal-leġiżlazzjoni: il-prodotti għandhom iġorru l-impronta klimatika tagħhom stess irrispettivament minn fejn jiġu biex jippromovu l-effiċjenza fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja minflok it-tnaqqis lokali billi jesternalizzaw l-emissjonijiet.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE kien attiv ħafna fl-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet, il-limitazzjonijiet u l-aspetti importanti li għandhom jiġu żviluppati taħt Skema ta’ Aġġustament fil-Fruntieri jew alternattiva relatata mat-taxxa, sabiex titnaqqas ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi jiġu bbilanċjati l-ispejjeż u l-isforzi klimatiċi, jew minn prodotti tal-UE jew minn prodotti mhux tal-UE. Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li identifikat dawn il-possibbiltajiet bħala miżura komplementari biex tiġi limitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

4.2.

Il-Kummissjoni tixtieq twessa’ s-CBAM biex jiġu inklużi “Emissjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni 2” (derivati mill-elettriku jew mit-tisħin), li bħalissa huma esklużi. Il-leġiżlaturi tal-UE jeħtiġilhom iqisu li l-kumpens għall-ispejjeż indiretti li jirriżultaw mill-elettriku bl-ebda mod mhu omoġenu peress li jiddependi mid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri. L-agħar xenarju possibbli huwa li s-CBAM jillimita l-kumpens li l-industrija tirċievi għall-ispejjeż indiretti, li jirriżulta f’anqas kumpens milli permess mil-linji gwida tal-UE.

4.3.

Il-proposta dwar is-CBAM teskludi l-ligi tal-metall (ferroalloy) (CN 7202), iżda mhuwiex ċar jekk l-emissjonijiet inkorporati għal-ligi tal-metall humiex se jitqiesu fi prodotti rilevanti (eż. azzar inossidabbli (CN 7218)), peress li ħafna aspetti se jiġu regolati minn regolamentazzjoni sekondarja li se tkopri suġġetti tekniċi u oħrajn importanti ħafna.

4.4.

Fil-livell tal-UE, iċ-ċertezza legali hija ta’ importanza kbira u l-proposta dwar is-CBAM trid tiġi rfinata matul il-proċess leġiżlattiv kollu biex tipprovdi ċertezza lill-operaturi ekonomiċi kollha, kemm jekk mill-Ewropa kif ukoll minn pajjiżi terzi.

4.5.

“Kompetittività klimatika u ambjentali” ġusta tal-industrija effiċjenti Ewropea jew mhux Ewropea, li tinkludi wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti miftiehma permezz tan-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali, għandha tiġi promossa fil-livell internazzjonali b’mod ugwali Huwa biss dak li ma jagħmilx ħsara lill-klima b’kundizzjonijiet tax-xogħol u soċjali ġusti li joħloq il-kompetittività ġdida mixtieqa mil-lat soċjali tal-industrija Ewropea. Tali fehim dwar is-suq uniku tal-UE, kif ukoll dwar is-suq internazzjonali, se jinkoraġġixxi kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-klima.

4.6.

Il-konformità tal-importazzjonijiet lejn l-UE mar-rekwiżiti tas-CBAM hija bbażata fuq dokumenti maħruġa barra mill-UE. Dan iqajjem il-kwistjoni tal-ekstraterritorjalità u l-kompetenza tal-UE li tistabbilixxi l-validità ta’ tali dokumenti. Barra minn hekk, iż-żmien meħtieġ biex titwettaq valutazzjoni bħal din jippermetti lill-oġġetti importati b’impronta tal-karbonju ogħla minn dik iddikjarata biex jaċċessaw is-suq tal-UE għad-detriment tar-Regolamenti proposti u tal-industrija Ewropea.

4.7.

Mhuwiex ċar kif għandhom jiġu kkalkolati l-emissjonijiet inkorporati fi prodotti pproċessati mhux imsemmija fl-Anness 1 iżda li fihom il-materjali elenkati fl-Anness 1.

4.8.

Ir-rappurtar, il-verifika, it-traċċabbiltà u l-monitoraġġ huma aspetti ewlenin, u ma għandhomx jiddependu biss minn monitoraġġ aleatorju, bħalma l-monitoraġġ tal-ETS ma jiddependix biss minn dan. Għandu jkun hemm proċedura ċara u rapida biex jiġi żgurat li meta sseħħ ċirkomvenzjoni possibbli jew nuqqas ta’ konformità mas-CBAM, dawn jiġu solvuti fi żmien imnaqqas biex tiġi evitata kemm ċirkomvenzjoni kif ukoll tfixkil fil-katina kummerċjali/tal-provvista.

4.9.

Il-verifika u l-monitoraġġ għandhom ikunu kompletament trasparenti u affidabbli fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-korpi rilevanti awtorizzati biex iwettqu s-sorveljanza, bil-preservazzjoni loġika tal-kunfidenzjalità.

4.10.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha toffri l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri tal-UE b’kapaċitajiet amministrattivi dgħajfa fil-fruntieri, peress li dawn jistgħu jkunu mmirati minn prattiki inġusti u jsiru mezz ta’ kif jiġi evitat is-CBAM. Jeħtiġilha tinkludi wkoll “taħriġ” fil-qasam tas-CBAM fil-programmi tagħha biex tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi ġirien sabiex tgħinhom ilaħħqu mal-isfidi tal-protezzjoni tal-klima u jevitaw ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni.

4.11.

Id-dħul mis-CBAM għandu jiġi ddedikat għall-appoġġ ta’ tranżizzjoni industrijali u ġusta Ewropea għal ekonomija newtrali għall-karbonju tas-setturi involuti. L-UE tista’ tniedi fond ta’ innovazzjoni speċifiku għall-iżvilupp teknoloġiku, biex tippromwovi t-tranżizzjoni industrijali mingħajr ma tirriskja l-kompetittività tagħhom fil-qasam tal-klima.

5.   Kummenti relatati mad-WTO

5.1.

Il-Kummissjoni kienet attenta ħafna fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-WTO. Għal din ir-raġuni, l-esportazzjonijiet ġew imwarrba fil-proposta. Peress li hemm opinjonijiet kontradittorji fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-WTO, trid titwettaq analiżi dettaljata ta’ dan is-suġġett, flimkien ma’ diskussjonijiet diplomatiċi onesti mal-imsieħba kummerċjali biex tiġi evitata gwerra kummerċjali, u biex l-industrija tal-UE titħalla tkun kompetittiva fis-swieq internazzjonali.

5.2.

L-Artikolu XX(b) u (g) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT; 1994) x’aktarx li jintuża biex jiġġustifika s-CBAM bħala politika ta’ protezzjoni ambjentali. Ħadd ma jista’ jiżgura x’deċiżjoni jieħu panel tad-WTO jew korp tal-appell dwar din il-kwistjoni.

5.3.

Fiċ-ċirkostanzi attwali, bl-urġenza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li d-WTO mġedda tinkludi l-kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi fl-aġenda tagħha. L-UE tista’ tuża s-CBAM bħala opportunità biex tniedi dan id-dibattitu, flimkien ma’ msieħba kummerċjali oħra fi ħdan id-WTO. Il-KESE diġà ppropona dan fl-Opinjoni tiegħu REX/531 (6).

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2021) 550 final.

(2)  COM(2021) 564 final.

(3)  COM(2021) 551 final.

(4)  COM(2019) 640 final.

(5)  Kummissjoni Ewropea, Valutazzjoni tal-impatt tas-CBAM, Anness 8.

(6)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Swieq tal-karbonju: ħolqien, strutturar u sfidi għall-industrija Ewropea (REX/531), ĠU C 429, 11.12.2020, p. 122


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 1

Punt 3.6

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni mressqa mis-sezzjoni

Emenda

Sostituzzjoni rapida ħafna tal-miżuri eżistenti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 bis-CBAM il-ġdid twassal għal inċertezza sinifikanti, u tfixkel id-deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul li diġà ttieħdu abbażi tal-miri għall-2030 li ġew riveduti reċentement. Dan jista’ jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-industrija li tinvesti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jsir ostaklu għall-kompetizzjoni għall-aċċess għal swieq terzi. Għalhekk, fejn ikun meħtieġ, ir-rata attwali ta’ kwoti bla ħlas għandha tinżamm inizjalment sabiex l-industriji koperti mis-CBAM ikunu jistgħu jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-karbonju, segwita minn tnaqqis gradwali fil-kwoti bla ħlas, kif ikun xieraq , biex tiġi ffaċilitata aktar dekarbonizzazzjoni.

Sostituzzjoni rapida ħafna tal-miżuri eżistenti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 bis-CBAM il-ġdid twassal għal inċertezza sinifikanti, u tfixkel id-deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul li diġà ttieħdu abbażi tal-miri għall-2030 li ġew riveduti reċentement. Dan jista’ jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-industrija li tinvesti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jsir ostaklu għall-kompetizzjoni għall-aċċess għal swieq terzi. Għalhekk, fejn ikun meħtieġ, ir-rata attwali ta’ kwoti bla ħlas għandha tinżamm inizjalment sabiex l-industriji koperti mis-CBAM ikunu jistgħu jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-karbonju, segwita minn tnaqqis gradwali fil-kwoti bla ħlas, sakemm il-miżura l-ġdida turi li hi effettiva , biex tiġi ffaċilitata aktar dekarbonizzazzjoni.


Raġuni

Peress li l-punt 3.6 essenzjalment jirreferi għal kwoti bla ħlas li inizjalment għandhom jinżammu biex l-industriji koperti mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera jkunu jistgħu jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-karbonju, segwiti minn tnaqqis gradwali tal-kwoti bla ħlas, din id-dispożizzjoni għandha tiġi inkluża wkoll fil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, u tiddaħħal il-frażi “sakemm il-miżura l-ġdida turi li hi effettiva”, li ssaħħaħ il-pożizzjoni li s-CBAM għandu jitqies bħala strument komplementari għall-kwoti bla ħlas sakemm is-CBAM ikun kompletament operattiv, effettiv u ma jwassalx għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u b’hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet verament ekwivalenti għall-industrija tal-UE.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

66

Kontra:

90

Astensjonijiet:

24

EMENDA 2

Punt 1.12

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni mressqa mis-sezzjoni

Emenda

Il-KESE għandu aspettattiva raġonevoli li sistema CBAM li tiffunzjona se twassal sabiex l-impjieg ikun aktar robust f’dawk li qabel kienu kumpaniji u setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju li nbidlu sabiex ma jagħmlux ħsara lill-klima. Madankollu, huwa jwissi wkoll dwar ir-riskju ta’ falliment tas-CBAM, flimkien mas-sistema tal-ETS. It-tneħħija sħiħa tal-allokazzjoni bla ħlas bl-introduzzjoni tas-CBAM tista’ twassal għal telf kbir ta’ impjiegi fl-UE.

Il-KESE għandu aspettattiva raġonevoli li sistema CBAM li tiffunzjona se twassal sabiex l-impjieg ikun aktar robust f’dawk li qabel kienu kumpaniji u setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju li nbidlu sabiex ma jagħmlux ħsara lill-klima. Madankollu, huwa jwissi wkoll dwar ir-riskju ta’ falliment tas-CBAM, flimkien mas-sistema tal-ETS. It-tneħħija sħiħa tal-allokazzjoni bla ħlas bl-introduzzjoni tas-CBAM tista’ twassal għal telf kbir ta’ impjiegi fl-UE. Għalhekk ir-rata attwali ta’ kwoti bla ħlas għandha tinżamm inizjalment sabiex l-industriji koperti mis-CBAM ikunu jistgħu jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-karbonju, segwita minn tnaqqis gradwali fil-kwoti bla ħlas, sakemm il-miżura l-ġdida turi li hi effettiva, biex tiġi ffaċilitata aktar dekarbonizzazzjoni.


Raġuni

L-intenzjoni hija li test importanti ħafna jiġi inkluż fil-konklużjoni mill-punt 3.6 (ara hawn fuq).

L-enfasi għandha tkun fuq l-aspett li l-kwoti bla ħlas tas-CBAM għandhom jitneħħew kompletament biss meta l-mekkaniżmu l-ġdid ikun wera l-effettività tiegħu.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

60

Kontra:

94

Astensjonijiet:

26


Top