Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE5089

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju” (COM(2021) 547 final — 2021/0291 (COD))

    EESC 2021/05089

    ĠU C 152, 6.4.2022, p. 82–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 152/82


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju”

    (COM(2021) 547 final — 2021/0291 (COD))

    (2022/C 152/13)

    Relatur:

    Christophe LEFÈVRE

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.9.2021

    Parlament Ewropew, 4.10.2021

    Bażi legali

    Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    18.11.2021

    Adottata fil-plenarja

    8.12.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    565

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    231/0/6

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ħa nota tal-Proposta tal-Kummissjoni li taġixxi malajr biex timponi l-istandard USB-C, standard konsistenti u uniformi ta’ sokits għaċ-ċarġers tal-mowbajls u apparati simili.

    1.2.

    L-inizjattivi volontarji tal-2009, u aktar reċentement tal-2014, ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi tal-Unjoni biex jitnaqqas l-iskart elettroniku, jiġi ffaċilitat aktar l-użu mill-konsumaturi u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq għall-apparati tal-iċċarġjar. Huwa stmat li fl-2018, iċ-ċarġers mormija kienu responsabbli għall-11 000 tunnellata ta’ skart elettroniku.

    1.3.

    B’mod partikolari, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni f’Jannar 2020 (1) biex titfassal leġiżlazzjoni aktar vinkolanti, li l-KESE jaqbel bis-sħiħ magħha.

    1.4.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-abbozz ta’ Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea, mitlub mill-Parlament Ewropew.

    1.5.

    Il-KESE jixtieq imur lil hinn mill-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea billi jirrakkomanda li dan l-obbligu għaċ-ċarġers għall-mowbajls u t-tagħmir analogu jiġi estiż għat-tagħmir tar-radju, elettroniku, konness u rikarikabbli kollu kif ukoll għaċ-ċarġers tal-laptops: l-għan huwa li l-utenti jkunu jistgħu jiċċarġjaw mowbajl b’ċarġer tal-kompjuter tat-tip USB-C ta’ 65 W minflok b’ċarġer ta’ 2,1 W, u jiġi evitat li jkollhom iġorru diversi ċarġers differenti meta jivvjaġġaw.

    1.6.

    Il-KESE nnota li sokits tal-USB b’potenza baxxa (2,1 W) biex jiġu ċċarġjati l-apparati portabbli qed ikunu dejjem aktar disponibbli għall-utenti bil-kejbils jew mingħajr fil-karozzi tal-linja, fuq l-ajruplani, fiċ-ċentri kummerċjali, fis-swali tal-konferenzi u f’postijiet oħra ta’ pubbliċi. Dawn mhux dejjem għandhom biżżejjed potenza biex jiġi ċċarġjat ċertu apparat kopert mid-Direttiva.

    1.7.

    Sabiex jitħeġġeġ l-iċċarġjar rapidu u sabiex l-utenti jitħeġġu jikkondividu kejbils USB-C matul vjaġġi qosra jew għal perjodu qasir ta’ żmien, il-KESE jipproponi li fil-futur dawn il-postijiet jiġu attrezzati b’ċarġers ultrarapidi. Dan jikkorrispondi għal waħda mill-ħtiġijiet espressi f’wieħed mill-istħarriġiet tal-Kummissjoni Ewropea.

    1.8.

    Il-KESE jinnota li l-batteriji jista’ jkollhom tul ta’ ħajja limitat meta mqabbla mal-bqija tal-apparat. Huwa jirrakkomanda li l-batteriji li jintużaw fil-kompjuters, it-tablets jew il-mowbajls għandhom jikkonformaw mal-istess standards, sabiex ikunu jistgħu jinbidlu minflok jinxtara l-apparat kollu f’każ ta’ ħsara prematura fil-batterija.

    1.9.

    Il-KESE jixtieq jenfasizza r-responsabbiltà tal-manifatturi tal-apparati elettroniċi fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli billi dawn jintalbu jiżguraw li l-ispiża biex tinbidel il-batterija tkun baxxa, u li l-fattibbiltà teknika tiskoraġġixxi lill-utenti milli jibdlu l-apparat elettroniku kollu meta jkollha tinbidel biss il-batterija.

    1.10.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda li l-manifatturi ma jippruvawx jevitaw il-leġiżlazzjoni billi jibdlu l-vultaġġ jew l-amperaġġ b’tali mod li jirrikjedu l-użu taċ-ċarġer tad-ditta, u b’hekk iwasslu biex l-għanijiet tad-Direttiva jsiru ineffettivi.

    1.11.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jwettqu kampanja ta’ informazzjoni pubblika vasta hekk kif jitlesta l-proċess leġiżlattiv, sabiex l-konsumaturi jkunu infurmati u, fil-futur, jitħeġġu jixtru biss apparati b’interfaċċa USB-C.

    2.   Kuntest tal-Opinjoni

    2.1.

    Il-Kummissjoni ilha mill-2009 tfittex li tillimita l-frammentazzjoni tas-suq għall-interfaċċi tal-iċċarġjar għall-mowbajls u apparati simili. Madankollu, dawn l-inizjattivi wasslu biss għal skemi volontarji (2) li ma humiex legalment vinkolanti u għalhekk ma jiżgurawx applikazzjoni konsistenti u uniformi.

    2.2.

    Inizjattivi volontarji riċenti ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi tal-politika tal-Unjoni biex jitnaqqas l-iskart elettroniku, tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq għall-apparati tal-iċċarġjar.

    2.3.

    In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam jista’ jwassal għal differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet jew il-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà tal-mowbajls u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju bl-apparat tal-iċċarġjar tagħhom, u dwar il-provvista ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar.

    2.4.

    B’riżultat ta’ dan, hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni biex jiġi promoss livell komuni ta’ interoperabbiltà u biex tingħata informazzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju lill-utenti finali.

    2.5.

    F’Jannar 2020, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni (3) li titlob l-adozzjoni urġenti ta’ standard għal ċarġer uniku għall-mowbajls sabiex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq intern.

    2.6.

    Huwa stmat li ċ-ċarġers tal-mowbajls kienu responsabbli għal madwar 11 000 tunnellata ta’ skart elettroniku fl-2018 u l-emissjonijiet assoċjati taċ-ċiklu tal-ħajja kienu madwar 600 kt ekwivalenti ta’ CO2.

    2.7.

    L-Unjoni hija impenjata li tagħti spinta lill-użu effiċjenti tar-riżorsi billi timxi lejn ekonomija nadifa u ċirkolari permezz tal-introduzzjoni ta’ inizjattivi bħad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u aktar reċentement permezz tal-introduzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-iskart elettroniku ġġenerat mill-bejgħ ta’ tagħmir tar-radju u li tnaqqas l-estrazzjoni ta’ materja prima u l-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati mill-produzzjoni, mit-trasport u mir-rimi ta’ ċarġers, u b’hekk tippromovi ekonomija ċirkolari.

    2.8.

    Il-Proposta għandha l-għan li fid-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jiġu introdotti rekwiżiti rigward il-protokolli tal-komunikazzjoni għall-iċċarġjar, l-interfaċċa tal-iċċarġjar (jiġifieri r-reċipjent tal-iċċarġjar) ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-utenti finali dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar ta’ dawn il-kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju.

    2.9.

    Il-Proposta tirrikjedi li l-mowbajls u t-tagħmir tar-radju simili (tablets, kameras diġitali, kuffji, consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn u speakers portabbli), jekk ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz tal-kejbils, ikunu attrezzati bir-reċipjent tal-iċċarġjar USB tat-Tip C u, jekk ikunu jeħtieġu wkoll iċċarġjar b’vultaġġi ogħla minn 5 volts jew kurrenti ogħla minn 3 amperes jew potenzi ogħla minn 15-il watt, jinkorporaw il-protokoll ta’ komunikazzjoni għat-twassil tal-enerġija bil-USB għall-iċċarġjar.

    2.10.

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati biex fil-futur tqis tipi addizzjonali ta’ teknoloġiji tal-iċċarġjar minbarra l-iċċarġjar bil-kejbils.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jinnota li, matul dawn l-aħħar 12-il sena, il-Kummissjoni rnexxielha tarmonizza l-istandards għaċ-ċarġers tat-telefown, u b’hekk issodisfat ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u t-tnaqqis tal-iskart li huwa diffiċli li jiġi riċiklat.

    3.2.

    Il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ ċarġer uniku jwassal għall-bejgħ sistematiku ta’ ċarġer tat-telefown u kejbil tal-potenza/tad-data ma’ kull apparat, filwaqt li l-konsumatur jista’ jkollu l-għażla li jixtri apparat wieħed biss.

    3.3.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-abbozz ta’ Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea, mitlub mill-Parlament Ewropew.

    3.4.

    Huwa ċar li l-bejgħ ta’ ċarġers speċifiċi jirrappreżenta parti sinifikanti mid-dħul tal-manifatturi, b’mod partikolari ta’ dawk tal-mowbajls: għandu jiġi żgurat li l-istess manifatturi ma jbiddlux regolarment l-istandards elettroniċi (livell ta’ vultaġġ, potenza meħtieġa, eċċ.) sabiex ikun aktar faċli li sistematikament ibiegħu il-mudell taċ-ċarġer tad-ditta tagħhom stess, jew saħansitra l-kejbil tat-trasferiment tad-data li jista’ jkun universali. Dan minflok ma jippermettu li jerġa’ jintuża ċarġer diġà mixtri. Dan ifixkel l-applikazzjoni effettiva mmirata lejn it-tnaqqis tat-tunnellaġġ ta’ skart elettroniku.

    3.5.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jwettqu kampanja ta’ informazzjoni pubblika vasta hekk kif jitlesta l-proċess leġiżlattiv, sabiex l-konsumaturi jkunu infurmati u, fil-futur, jitħeġġu jixtru biss apparati b’interfaċċa USB-C.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-industrija tkun tista’ tiffaċilita l-iċċarġjar ultrarapidu tal-mowbajls permezz ta’ ċarġers potenti, bħal ċarġer sempliċi ta’ laptop b’output USB-C ta’ 65 W minflok 2.1 W.

    4.2.

    Il-KESE jinnnota li s-sokits tal-USB biex jiġu ċċarġjati l-mowbajls qed ikunu dejjem aktar disponibbli għall-utenti bil-kejbils jew mingħajr fil-karozzi tal-linja, fuq l-ajruplani, fiċ-ċentri kummerċjali, fis-swali tal-konferenzi u f’postijiet oħra ta’ pubbliċi. Normalment, dawn huma sokits b’intensità baxxa (2,1 W), u din il-potenza diġà mhijiex biżżejjed biex jiġu ċċarġjati ċerti apparati koperti mid-Direttiva. Sabiex jitħeġġeġ l-iċċarġjar rapidu u sabiex l-utenti jitħeġġu jikkondividu kejbils USB-C matul vjaġġi qosra jew għal perjodu qasir ta’ żmien, il-KESE jipproponi li fil-futur dawn il-postijiet jiġu attrezzati b’ċarġers ultrarapidi. Dan jikkorrispondi għal waħda mill-ħtiġijiet espressi f’wieħed mill-istħarriġiet tal-Kummissjoni Ewropea.

    4.3.

    Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li dan ir-rekwiżit ta’ ċarġer uniku USB-C għall-mowbajls għandu japplika wkoll għal-laptops, anke jekk il-livell ta’ ċarġjar jew potenza jrid jiġi adattat b’mod elettroniku. Huwa kemm għal raġunijiet ekoloġiċi u ekonomiċi kif ukoll biex jiġi evitat li l-persuni jġorru ħafna ċarġers meta jivvjaġġaw li l-obbligu stabbilit fid-Direttiva jrid jiġi estiż ukoll għal-laptops, sakemm ma jkunx hemm restrizzjoni teknoloġika li trid tiġi ġġustifikata.

    4.4.

    Il-KESE jinnota li l-batteriji jista’ jkollhom tul ta’ ħajja limitat meta mqabbla mal-bqija tal-apparat. Huwa jirrakkomanda li l-batteriji li jintużaw fil-kompjuters, it-tablets jew il-mowbajls għandhom jikkonformaw mal-istess standards, sabiex ikunu jistgħu jinbidlu b’mod faċli u rħis minflok jinxtara l-apparat kollu f’każ ta’ ħsara prematura fil-batterija. Il-KESE jixtieq jenfasizza r-responsabbiltà tal-manifatturi tal-apparat elettroniku fir-rigward tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

    Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli (2019/2983(RSP)) (ĠU C 331, 17.8.2021, p. 2).

    (2)  https://ec.europa.eu/docsroom/documents/2417/attachments/1/translations.

    (3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli (2019/2983(RSP)) (ĠU C 331, 17.8.2021, p. 2).

    (4)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (5)  Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


    Top