Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2636

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-miżuri tal-PDG għal irkupru b’suċċess u ekonomija Ewropea sostenibbli u reżiljenti” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/02636

ĠU C 152, 6.4.2022, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-miżuri tal-PDG għal irkupru b’suċċess u ekonomija Ewropea sostenibbli u reżiljenti”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 152/02)

Relatur:

Petru Sorin DANDEA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

23.11.2021

Adottata fil-plenarja

8.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li huwa inevitabbli li naqilbu mis-sistema ekonomika li fiha t-tkabbir kien l-ixprun ewlieni għal mudell fejn jipprevali l-iżvilupp sostenibbli. Minħabba l-kumplessità kbira li timplika din it-trasformazzjoni u l-isfidi enormi li toħloq, il-proposti ta’ indikaturi ġodda li jinsabu f’din l-Opinjoni huma eżempju wieħed biss tal-approċċ li jista’ jiġi adottat f’termini ta’ strumenti ta’ kejl fil-qasam soċjali, ekonomiku jew ambjentali.

1.2.

Il-KESE jipproponi li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi mmirati biex jinfurmaw aħjar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, li jkunu jistgħu b’hekk jippromovu politiki ta’ żvilupp tal-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, għal ċerti oġġetti tal-konsum durabbli, id-data dwar il-kontenut ta’ materjali derivati minn riżorsi naturali, meta dawn ikunu korelatati mad-data dwar it-tul ta’ żmien medju tal-użu tagħhom u r-rata potenzjali ta’ rkupru tal-materjali msemmija, jistgħu joffru informazzjoni rilevanti lil dawk li jfasslu l-politiki dwar ir-raġunijiet biex jiddeċiedu dwar jekk għandux isir investiment fis-settur tar-riċiklaġġ.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li jkun għaqli titfassal tabella ta’ valutazzjoni msejħa “Lil hinn mill-PDG” f’forma mqassra, li mbagħad tista’ tiġi integrata fit-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-mudell tal-“ekonomija doughnut tal-UE sal-2030”, żviluppat mill-Istitut Ġermaniż ZOE, jista’ jintuża biex tiġi żviluppata din it-tabella, li jista’ jkollha rwol fil-proċess ta’ governanza Ewropea peress li tgħin biex jiġi vvalutat il-progress miksub u jiġu identifikati l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tas-Semestru Ewropew. Il-Kumitat jemmen li l-proċess ta’ governanza Ewropea għandu jsegwi perspettiva ġdida, li tiffoka fuq il-benesseri taċ-ċittadini.

1.4.

Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu primarjament minn uħud mill-indikaturi proposti min-Nazzjonijiet Uniti, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, u jħeġġiġhom jużaw il-proposti magħmula fir-rapporti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar it-titjib tal-kejl tal-benesseri u l-prosperità.

1.5.

Il-KESE jaqbel mal-opinjoni espressa mill-imsieħba soċjali Ewropej waqt is-Summit ta’ Porto meta jqisu li l-14-il indikatur propost huma adattati biex jikkostitwixxu tabella ta’ valutazzjoni komplementari għall-PDG, li tista’ tintuża biex jitfasslu politiki li jappoġġjaw mudell ta’ tkabbir sostenibbli.

1.6.

L-investimenti fil-koeżjoni tas-soċjetà, fl-iżvilupp sostenibbli, fil-kapital uman u soċjali u fil-kwalità tal-ħajja se jkunu essenzjali biex jinfetħu prospetti għall-impriżi moderni, billi jiġu stimulati l-impjieg, il-ġid u t-tkabbir sostenibbli fil-futur. Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-indikaturi li jmorru lil hinn mill-PDG għandhom isiru strumenti li jagħmluha possibbli mhux biss li tiġi segwita u mkejla l-evoluzzjoni tal-politiki, iżda wkoll li tingħata informazzjoni dwar l-iżvilupp tagħhom, li titjieb il-komunikazzjoni u jitħeġġeġ l-istabbiliment tal-għanijiet.

1.7.

Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ippreżentat Komunikazzjoni (1) bl-għan li tiggwida l-finanzjament lejn attivitajiet sostenibbli. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi li jagħmluha possibbli, minn naħa, li jiġi mmonitorjat il-proċess ta’ “ekoloġizzazzjoni” tal-finanzi u, min-naħa l-oħra, li jiġi indikat il-grad ta’ ekoloġizzazzjoni tas-setturi ekonomiċi. Dawn l-indikaturi mbagħad jipprovdu gwida aħjar lil dawk li jfasslu l-politika fl-ippjanar tal-inċentivi pubbliċi għal attivitajiet sostenibbli. Jistgħu jkunu wkoll għodda importanti ta’ monitoraġġ għall-gvernijiet tal-Istati Membri. Tali monitoraġġ huwa meħtieġ, ladarba jeħtieġ li nikkontrollaw il-ħeffa li biha nidderieġu l-investimenti lejn is-setturi sostenibbli. Fil-fatt, jekk ninvestu bil-mod wisq, nirriskjaw li naħlu r-riżorsi disponibbli qabel ma jitfaċċaw soluzzjonijiet alternattivi. Sitwazzjoni bħal din toħloq splużjoni fil-prezzijiet li tkun akkumpanjata minn effetti drammatiċi fuq is-sistema ekonomika. Mill-banda l-oħra, jekk ninvestu malajr wisq, nirriskjaw li nċaħħdu ħafna setturi mill-investimenti u, b’hekk, innaqqsu r-ritmu tal-attività ekonomika li tiġġenera r-riżorsi meħtieġa biex ninvestu.

1.8.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-KESE jqis li wkoll jeħtieġ li jiġu riveduti l-indikaturi eżistenti sabiex ikun hemm monitoraġġ aħjar tal-progress li jkun sar. Hemm xi wħud li ma jqisux bis-sħiħ l-effetti negattivi ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fuq l-ambjent. Bl-istess mod, oħrajn għandhom jiġu adattati sabiex jirriflettu aħjar l-objettivi tal-Unjoni Ewropea.

1.9.

Id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tas-sistema ekonomika jimplikaw li għandu jsir ristrutturar konsiderevoli tad-diversi setturi. Biex dawn il-bidliet isiru bl-anqas spiża soċjali possibbli, jeħtieġ li jiġu stabbiliti politiki li jipproteġu l-manodopera sabiex tiġi żgurata, fit-terminu medju u twil, distribuzzjoni ġusta tax-xogħol meħtieġ fost il-popolazzjoni attiva. Barra minn hekk, kif propost mill-imsieħba soċjali Ewropej, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi relatati man-negozjar kollettiv, li jipproteġi lill-ħaddiema b’mod ġenerali, iżda li jista’ wkoll jiżgura u jippromovi, fil-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali, miżuri essenzjali biex tiġi żgurata l-mobbiltà, li hija meħtieġa fil-kuntest tal-isfidi maħluqa mit-trasformazzjoni tal-ekonomija. Bl-istess mod, huwa possibbli li tinkiseb distribuzzjoni ġusta tax-xogħol disponibbli fl-ekonomija kollha permezz tal-użu ta’ programmi intelliġenti għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li jistgħu jiġu nnegozjati mill-imsieħba soċjali.

1.10.

Trasformazzjoni sinifikanti tas-sistema ekonomika ma tkunx possibbli mingħajr l-appoġġ tas-soċjetà kollha kemm hi. Il-KESE jqis li jeħtieġ li jsir stħarriġ ġdid, tat-tip tal-Ewrobarometru, sabiex ikun hemm fehim tal-perċezzjoni tas-soċjetà fir-rigward tal-modifika fil-mudell ekonomiku.

1.11.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi mmirati lejn it-titjib fil-kejl tal-benesseri u l-analiżi tal-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi fuq l-ambjent, bħal dik introdotta mill-istitut tar-riċerka Ġermaniż ZOE li żviluppa s-sistema ta’ indikaturi magħrufa bħala l-“ekonomija doughnut”.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għadu l-indikatur makroekonomiku ewlieni użat madwar id-dinja biex tiġi kkwantifikata l-attività ekonomika. Madankollu, skont opinjoni mifruxa sew, dan la jirrifletti l-livell reali tal-benesseri u tal-iżvilupp ta’ soċjetà kwalunkwe, u lanqas l-effetti negattivi li ċerti attivitajiet ekonomiċi għandhom fuq l-ambjent.

2.2.

Għalhekk, għalkemm dawk li ħolqu l-kunċett tal-PDG għarfu l-limitazzjonijiet tiegħu, id-dibattiti dwar is-suġġett “Lil hinn mill-PDG” kisbu prominenza matul is-snin disgħin. Għalhekk nibtet il-ħtieġa li jkun hemm parametri referenzjarji oħrajn li jkunu kapaċi jirrapportaw dwar l-isfidi globali tas-seklu wieħed u għoxrin, bħat-tibdil fil-klima, il-faqar, it-tnaqqis tar-riżorsi, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja. Il-konferenza ta’ livell għoli msejħa “Lil hinn mill-PDG” (2) li ġiet organizzata fl-2007 mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Klabb ta’ Ruma, l-OECD u d-WWF, irrappreżentat stadju importanti fit-tfittxija tal-indiċijiet l-aktar adatti għall-kejl ta’ dan il-progress u l-aktar adattati biex jiġu integrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u diskussi fid-dibattitu pubbliku. Sussegwentement, ir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali (3), ippreseduta minn Joseph E. Stiglitz, Amartya Sen u Jean-Paul Fitoussi, enfasizza limiti oħrajn li jaffettwaw il-PDG, jiġifieri d-dubji li jqajjem dwar il-mod ta’ kif ikejjel il-produttività, kif ukoll in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-kapital uman.

2.3.

F’dawn l-aħħar snin, tfaċċaw diversi prijoritajiet ġodda għal dawk l-Ewropej li jfasslu l-politika, fosthom, biex insemmu biss żewġ eżempji, it-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika u l-enfasi dejjem tikber fuq il-kunsiderazzjonijiet soċjali f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Barra minn hekk, għalkemm il-pandemija tal-COVID-19 bla dubju se jkollha riperkussjonijiet kemm profondi kif ukoll negattivi fuq l-ekonomija Ewropea, ma rridux ninsew li problemi oħrajn, bħat-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u t-tkabbir baxx tal-produttività, għadhom ma sparixxewx. L-investimenti fil-koeżjoni tas-soċjetà, fl-iżvilupp sostenibbli, fil-kapital uman u soċjali u fil-kwalità tal-ħajja se jkunu essenzjali biex jinħolqu prospetti għall-impriżi moderni, billi jiġu stimulati l-impjieg, il-ġid u t-tkabbir sostenibbli fil-futur. Għaldaqstant, l-indikaturi lil jmorru lil hinn mill-PDG għandhom isiru strumenti li jagħmluha possibbli mhux biss li tiġi segwita u mkejla l-evoluzzjoni tal-politiki, iżda wkoll li tingħata informazzjoni dwar l-iżvilupp tagħhom, li titjieb il-komunikazzjoni u jitħeġġeġ l-istabbiliment tal-għanijiet.

2.4.

Permezz ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE għandu l-intenzjoni li jagħti kontribut siewi għall-ħidma mmirata biex jiġi ddeterminat liema indikaturi relatati mal-benesseri u l-iżvilupp għandhom jitqiesu bħala komplementari għal dawk tradizzjonali, fir-rigward tal-ekonomija. L-Opinjoni tenfasizza wkoll il-ħtiġijiet mhux issodisfati fir-rigward ta’ data u tiddeskrivi kif dawn l-indikaturi jistgħu jiġu integrati aħjar fil-proċess ta’ tfassil tal-politiki fil-livell Ewropew u nazzjonali, b’tali mod li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi attwali u tkun kapaċi wkoll tiflaħ aħjar għax-xokkijiet futuri.

2.5.

Bla dubju qatt qabel ma nħasset b’mod aktar akut il-ħtieġa li jiġu żviluppati indikaturi li jippermettu t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki mmirati lejn l-iżvilupp ta’ mudell globali ta’ ekonomija sostenibbli li kapaċi jiżgura l-benesseri tal-abitanti kollha tal-pjaneta, u l-mudell ekonomiku attwali, ibbażat fuq tkabbir perpetwu meqjus bħala l-magna ewlenija tal-istabbiltà tas-sistema, ma jistax jibqa’ jiġi appoġġjat minn pjaneta b’riżorsi limitati.

2.6.

F’Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument ta’ riflessjoni (4) li fih tafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu żviluppati indikaturi komplementari għall-PDG sabiex tkun tista’ tiġi ssorveljata aħjar it-trasformazzjoni li qed isseħħ fis-soċjetà u fl-ekonomija bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ politiki li jippromovu l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan id-dokument jippreżenta wkoll l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin minn xi Stati Membri biex jiżviluppaw għodod komplementari biex jiżguraw il-monitoraġġ tal-benesseri u tal-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi fuq l-ambjent.

2.7.

Fuq livell globali, hemm numru ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jiżviluppaw indikaturi li, minn naħa, jagħtu lil dawk li jfasslu l-politika l-opportunità li jiżviluppaw u jimplimentaw politiki mmirati lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà u, min-naħa l-oħra, jippermettu informazzjoni aħjar dwar il-proċess tat-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku. Fost dawn l-inizjattivi notevoli hemm il-mudell tal-ekonomija doughnut tal-UE sal-2030 (5), li jiżviluppa kunċett ġdid għall-preżentazzjoni ta’ sommarju politiku tad-dashboards eżistenti u jidentifika 30 indikatur, sabiex jinkoraġġixxi effiċjenza akbar fit-tfassil tal-politiki, kif ukoll fehim aħjar tar-rekwiżiti marbuta mat-trasformazzjoni tas-sistema ekonomika fost il-pubbliku ġenerali.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Id-dibattitu dwar it-tema “Lil hinn mill-PDG” iġġenera reazzjonijiet sinifikanti mill-istituzzjonijiet, mir-riċerkaturi u minn dawk li jfasslu l-politika. Għalhekk, fil-livell tal-OECD, tan-NU, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Eurostat ġew proposti indikaturi mmirati biex ikejlu aħjar il-benesseri u l-prosperità fil-livell individwali, kollettiv jew nazzjonali. Fl-2015, in-NU adottaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, li għalihom stabbiliet 169 mira u 200 indikatur. Fl-2018, il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli tal-OECD ippubblika żewġ rapporti (6) li jirrakkomandaw li l-benesseri jitkejjel b’mod aktar effettiv, billi jittejbu l-indikaturi eżistenti jew jiġu introdotti oħrajn ġodda. Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu primarjament minn uħud mill-indikaturi proposti min-Nazzjonijiet Uniti, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, u jħeġġiġhom jużaw il-proposti magħmula fir-rapporti tal-OECD dwar it-titjib tal-kejl tal-benesseri u l-prosperità.

3.2.

Dan l-aħħar, l-imsieħba soċjali Ewropej, jiġifieri BusinessEurope, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), iċ-Ċentru Ewropew ta’ Min Iħaddem u tal-Impriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi u Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIG Europe) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME) iffirmaw dokument konġunt (7) li jirrakkomanda l-użu ta’ sett ta’ indikaturi komplementari għall-PDG fil-qasam soċjali, ekonomiku u ambjentali. Il-KESE jaqbel mal-opinjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej meta jqisu li l-14-il indikatur propost huma adattati bħala tabella ta’ valutazzjoni komplementari għall-PDG, li tista’ tintuża biex jitfasslu politiki li jappoġġjaw mudell ta’ tkabbir sostenibbli.

3.3.

Sa mill-2011, il-KESE beda jipparteċipa fid-dibattitu dwar is-suġġett “Lil hinn mill-PDG” li jseħħ fil-livell Ewropew. Għalhekk, fassal sensiela ta’ Opinjonijiet (8) li jipproponu indikaturi ġodda biex jitkejlu l-benesseri u l-prosperità, u wettaq stħarriġ immirat biex jidentifika aħjar il-fatturi li jġiegħlu liċ-ċittadini Ewropej iħossuhom li qed jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba u sinifikattiva. Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġu żviluppati indikaturi ġodda li mhux biss ikejlu r-reżiljenza ekonomika f’termini ta’ kapaċità ta’ adattament u ta’ trasformazzjoni, iżda jqisu wkoll il-prinċipju ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

3.4.

Biex inkunu ċerti li lill-ġenerazzjonijiet futuri nħallulhom pjaneta li tkun fi stat li, għall-anqas, ma jkunx agħar minn dak tal-lum, irridu niddisinjaw mill-ġdid il-mudell ekonomiku li huwa bbażat fuq l-isfruttar bla kontroll tar-riżorsi naturali. Huwa fatt ċert li l-ekonomija ċirkolari, li qed tiġbed dejjem aktar interess, tiggarantixxi użu aktar razzjonali tar-riżorsi naturali. Il-KESE għalhekk jipproponi li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi mmirati biex jinfurmaw aħjar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, li jkunu jistgħu b’hekk jippromovu politiki ta’ żvilupp f’dan is-settur. Pereżempju, jekk għal ċerti oġġetti tal-konsum durabbli, jiġi indikat il-kontenut ta’ materjali derivati minn riżorsi naturali, u ma’ dan jiżdiedu t-tul medju tal-użu tagħhom u r-rata potenzjali ta’ rkupru tal-materjali msemmija, ikun possibbli li dawk li jfasslu l-politiki jingħataw informazzjoni rilevanti dwar ir-raġunijiet biex jiddeċiedu dwar jekk għandux isir investiment fis-settur tar-riċiklaġġ.

3.5.

Il-Kumitat jemmen li jkun għaqli titfassal tabella ta’ valutazzjoni msejħa “Lil hinn mill-PDG” f’forma mqassra, li mbagħad tista’ tiġi integrata fit-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-mudell tal-“ekonomija doughnut tal-UE sal-2030”, żviluppat mill-Istitut Ġermaniż ZOE, jista’ jintuża biex tiġi żviluppata din it-tabella, li jista’ jkollha rwol fil-proċess ta’ governanza Ewropea peress li tgħin biex jiġi vvalutat il-progress miksub u jiġu identifikati l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tas-Semestru Ewropew. Il-Kumitat jemmen li l-proċess ta’ governanza Ewropea għandu jsegwi perspettiva ġdida, li tiffoka fuq il-benesseri taċ-ċittadini.

3.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi għal kull wieħed mill-indikaturi. Dan jagħmilha possibbli li jintuża l-kunċett tad-“distanza sal-mira” biex il-progress jiġi mmonitorjat u mifhum aħjar.

3.7.

F’dak li jirrigwarda t-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea stabbiliet il-mira ambizzjuża tagħha li tilħaq in-newtralità tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-atmosfera sal-2050. Dan jimplika b’mod partikolari li l-investimenti jridu jkunu diretti mill-ġdid lejn attivitajiet ekonomiċi mingħajr ebda impatt fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ippreżentat Komunikazzjoni (9) bl-għan li tiggwida l-finanzjament lejn attivitajiet sostenibbli. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi li jagħmluha possibbli, minn naħa, li jiġi mmonitorjat il-proċess ta’ “ekoloġizzazzjoni” tal-finanzi u, min-naħa l-oħra, li jiġi indikat il-grad ta’ ekoloġizzazzjoni tas-setturi ekonomiċi. Dawn l-indikaturi mbagħad jipprovdu gwida aħjar lil dawk li jfasslu l-politika fl-ippjanar tal-inċentivi pubbliċi għal attivitajiet sostenibbli. Jistgħu jkunu wkoll għodda importanti ta’ monitoraġġ għall-gvernijiet tal-Istati Membri. Tali monitoraġġ huwa meħtieġ, ladarba jeħtieġ li nikkontrollaw il-ħeffa li biha nidderieġu l-investimenti lejn is-setturi sostenibbli. Fil-fatt, jekk ninvestu bil-mod wisq, nirriskjaw li naħlu r-riżorsi disponibbli qabel ma jitfaċċaw soluzzjonijiet alternattivi, u sitwazzjoni bħal din toħloq splużjoni fil-prezzijiet li tkun akkumpanjata minn effetti drammatiċi fuq is-sistema ekonomika. Għall-kuntrarju, jekk ninvestu malajr wisq, nirriskjaw li nċaħħdu ħafna setturi mill-investimenti meħtieġa u, b’hekk, innaqqsu l-attività ekonomika li tiġġenera r-riżorsi meħtieġa biex ninvestu.

3.8.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-KESE jqis li wkoll jeħtieġ li jiġu riveduti l-indikaturi eżistenti sabiex ikun hemm monitoraġġ aħjar tal-progress li jkun sar. Dak tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa eżempju. L-emissjonijiet li ġejjin minn xi setturi, bħall-avjazzjoni, mhumiex inklużi f’dak li ġie żviluppat mill-Eurostat. Bl-istess mod, diversi indikaturi għandhom jiġu adattati sabiex jirriflettu aħjar l-objettivi tal-Unjoni Ewropea.

3.9.

Id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tas-sistema ekonomika jimplikaw li għandu jsir ristrutturar konsiderevoli tad-diversi setturi, f’termini tal-kontribut tagħhom għall-PDG kif ukoll għall-impjieg. Biex dawn il-bidliet isiru bl-anqas spiża soċjali possibbli, jeħtieġ li jiġu stabbiliti politiki li jipproteġu l-manodopera sabiex tiġi żgurata, fit-terminu medju u twil, distribuzzjoni ġusta tax-xogħol meħtieġ fost il-popolazzjoni attiva. Barra minn hekk, kif propost mill-imsieħba soċjali Ewropej, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ indikaturi relatati man-negozjar kollettiv, li jipproteġi lill-ħaddiema b’mod ġenerali, iżda li jista’ wkoll jiżgura u jippromovi, fil-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali, miżuri essenzjali biex tiġi żgurata l-mobbiltà, li hija meħtieġa fil-kuntest tal-isfidi maħluqa mit-trasformazzjoni tal-ekonomija. Bl-istess mod, huwa possibbli li tinkiseb distribuzzjoni ġusta tax-xogħol disponibbli fl-ekonomija kollha bl-użu ta’ programmi intelliġenti għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li jistgħu jiġu nnegozjati mill-imsieħba soċjali.

3.10.

Trasformazzjoni sinifikanti tas-sistema ekonomika ma tkunx possibbli mingħajr l-appoġġ tas-soċjetà kollha kemm hi. Din hija r-raġuni għaliex huwa essenzjali li matul dan il-proċess diffiċli, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jkollhom, minbarra indikaturi statistiċi, stħarriġ u riċerki statistiċi li jippermettu li jiġi mmonitorjat il-livell ta’ fehim u ta’ aċċettazzjoni tal-bidliet mis-soċjetà. Il-KESE jqis li jeħtieġ li jsir stħarriġ ġdid, tat-tip tal-Ewrobarometru, sabiex ikun hemm fehim dwar il-perċezzjoni tas-soċjetà rigward kif qed jinbidel il-mudell ekonomiku. L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi mmirati lejn it-titjib fil-kejl tal-benesseri u l-analiżi tal-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi fuq l-ambjent, bħal dik introdotta mill-istitut tar-riċerka Ġermaniż ZOE li żviluppa s-sistema ta’ indikaturi f’mudell tal-“ekonomija doughnut tal-UE sal-2030” (10).

3.11.

Il-KESE jqis li huwa inevitabbli li naqilbu mis-sistema ekonomika li fiha t-tkabbir kien l-ixprun ewlieni għal mudell fejn jipprevali l-iżvilupp sostenibbli. Minħabba l-kumplessità kbira li timplika din it-trasformazzjoni u l-isfidi enormi li toħloq, il-proposti ta’ indikaturi ġodda li jinsabu f’din l-Opinjoni huma naturalment eżempju wieħed biss tal-approċċ li jista’ jiġi adottat f’termini ta’ strumenti ta’ kejl fil-qasam soċjali, ekonomiku jew ambjentali.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM (2021) 188 final, It-Tassonomija tal-UE, ir-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà Korporattiva, il-Preferenzi dwar is-Sostenibbiltà u d-Dazji Fiduċjarji: Nidderieġu l-Finanzi lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 72).

(2)  Noti fil-qosor tal-konferenza “Lil hinn mill-PDG” – https://ec.europa.eu/environment/beyond_gdp/proceedings/bgdp_proceedings_summary_notes.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Rapport mill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali – https://ec.europa.eu/eurostat/documents/8131721/8131772/Stiglitz-Sen-Fitoussi-Commission-report.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  https://ec.europa.eu/info/publications/economic-policy-making-beyond-gdp-introduction_mt (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  https://zoe-institut.de/en/publication/a-compass-towards-2030

(6)  OECD (2018), Beyond GDP: Measuring what counts for economic and social performance (“Lil hinn mill-PDG: Il-kejl ta’ dak li jgħodd għall-prestazzjoni ekonomika u soċjali”), Edizzjonijiet OECD, Pariġi – https://doi.org/10.1787/9789264307292-en

OECD (2018), For Good Measure: Advancing Research on- Metrics Beyond GDP (Għal kejl aħjar: Il-promozzjoni tar-riċerka dwar il-kejl tal-benesseri lil hinn mill-PDG), Edizzjonijiet OECD, Pariġi –https://www.oecd-ilibrary.org/economics/for-good-measure_9789264307278-en

(7)  https://est.etuc.org/wp-content/uploads/2021/05/FINAL-BEYOND-GDP-SOCIAL-PARTNERS-EU.pdf

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ” COM(2010) 367 final (ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7).

Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli” (ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53).

(9)  COM (2021) 188 final, It-Tassonomija tal-UE, ir-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà Korporattiva, il-Preferenzi dwar is-Sostenibbiltà u d-Dazji Fiduċjarji: Nidderieġu l-Finanzi lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 72).

(10)  Rapport tal-istitut ZOE: A Compass towards 2030 (https://zoe-institut.de/en/publication/a-compass-towards-2030/).


ANNESS

Image 1

L-ewwel ħarsa lejn il-mudell doughnut tal-UE sal-2030


Top