Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0328

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-aspetti u l-implikazzjonijiet kummerċjali tal-COVID-19 (2020/2117(INI))

    ĠU C 99, 1.3.2022, p. 10–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 99/10


    P9_TA(2021)0328

    Aspetti u implikazzjonijiet kummerċjali tal-COVID-19

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-aspetti u l-implikazzjonijiet kummerċjali tal-COVID-19 (2020/2117(INI))

    (2022/C 99/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066),

    wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin (COM(2020)0253),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020” (COM(2020)0440) u l-ittra ta' intenzjoni tal-President von der Leyen lill-President Sassoli u lill-Kanċilliera Merkel tas-16 ta' Settembru 2020 bit-titolu “L-Istat tal-Unjoni 2020”,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva” (COM(2020)0098),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020, bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” (JOIN(2020)0004),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti” (JOIN(2020)0022),

    wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 dwar ir-rispons u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE u l-pjan ta' azzjoni tagħha ta' 15-il punt dwar il-kapitoli tat-TSD,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

    wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Ftehim ta' Pariġi),

    wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE (1), tad-9 ta’ Ġunju 2021 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (2), tal-20 ta' Mejju 2021 bit-titolu “It-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u t-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej” (3), tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-istabbiliment ta' strateġija tal-UE għal turiżmu sostenibbli (4), tal-10 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Lejn mekkaniżmu tal-UE ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO” (5), tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv (6), tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (7), tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (8), tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “L-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni – rapport annwali 2018” (9), tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (10), tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (11), tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu “Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali” (12), u tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (13),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tiegħu tal-15 ta' April 2021 dwar ir-rapport bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0190/2021),

    A.

    billi l-COVID-19 ikkawżat pandemija globali, li wasslet għal kriżi tas-saħħa, ekonomika, soċjali u umanitarja bla preċedent f'livell globali, li ħolqot konġestjonijiet u tfixkil fuq skala bla preċedent għall-kummerċ internazzjonali, u b'hekk dan naqas b'mod qawwi hekk kif il-virus infirex, filwaqt li naqsu ferm il-produzzjoni u l-impjiegi globali, naqas il-livell ta' investiment dirett barrani (IDB), u żdiedu t-tensjonijiet ġeopolitiċi;

    B.

    billi l-pandemija evidenzjat vulnerabbiltajiet strateġiċi fl-UE u fil-ktajjen tal-provvista globali, inkluż għal materja prima kritika, u oġġetti mediċi essenzjali bħat-tagħmir protettiv personali u l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, u enfasizzat il-ħtieġa ta' reżiljenza u diversifikazzjoni msaħħa fil-livell globali, reġjonali u lokali;

    C.

    billi t-tifqigħa tal-COVID-19 kompliet iżżid l-inugwaljanzi u żiedet it-tħassib fost iċ-ċittadini dwar it-telf ta' impjiegi f'ċerti setturi, in-natura tax-xogħol li qed tinbidel u l-pressjoni fuq il-pagi u d-drittijiet tal-ħaddiema; billi dawn il-problemi jridu jiġu indirizzati sabiex jinżamm l-appoġġ pubbliku għall-kummerċ globali;

    D.

    billi huwa possibbli li t-tifqigħa tal-COVID-19 toħloq xkiel fil-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima, iżda neħtieġu azzjoni u kooperazzjoni globali biex niżviluppaw politiki u nintegraw l-azzjoni klimatika fil-politika interna u esterna, peress li l-vaċċini waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex nindirizzaw il-kriżi soċjali, ambjentali u ekonomika kkawżata mill-COVID-19;

    E.

    billi għalkemm l-Unjoni Ewropea naqqset b'mod sostanzjali l-emissjonijiet interni tagħha ta' gassijiet serra, dawk inkorporati fl-importazzjonijiet qed jiżdiedu b'mod kostanti, u b'hekk jikkompromettu l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas l-impronta globali tagħha ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra;

    F.

    billi l-kummerċ internazzjonali fl-oġġetti u s-servizzi huwa mistenni jiżdied bi 8,4 % fl-2022 skont l-istimi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (14) u l-politika kummerċjali jrid ikollha rwol sħiħ fl-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali trid tiġi kkomplementata bi djalogu kontinwu u trasparenza mal-Parlament Ewropew, li se jkollu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll bi strateġija biex jiżdiedu r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-UE, inklużi miżuri u strumenti ta' politika mfassla apposta fil-qasam tal-produzzjoni nazzjonali, l-esternalizzazzjoni lejn pajjiżi fil-qrib, id-diversifikazzjoni tal-fornituri u l-kumulazzjoni ta' riżervi;

    G.

    billi l-UE, bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja u bin-network estensiv tagħha ta' ftehimiet kummerċjali, hija l-akbar attur fix-xena kummerċjali dinjija u tinsab f'pożizzjoni unika biex tikkoopera globalment, tmexxi l-implimentazzjoni tal-istandards, il-valuri u l-oqfsa ta' sostenibbiltà tal-UE fil-pajjiżi sħab, u tiżgura l-irkupru sostenibbli tal-ekonomija dinjija, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi;

    H.

    billi d-diviżjonijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-ħtieġa urġenti ta' riforma tagħha kkumplikaw l-isforzi koordinati biex il-ktajjen tal-provvista globali jinżammu miftuħa, u l-prijorità issa trid tkun li terġa' tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet multilaterali bħala entitajiet li kapaċi jagħtu tweġibiet globali, billi jsir progress malajr fid-diskussjonijiet dwar l-inizjattiva tad-WTO rigward il-kummerċ u s-saħħa;

    I.

    billi huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn id-WTO u korpi internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-istituzzjonijiet tan-NU u l-Bank Dinji, sabiex il-kriżi tiġi indirizzata b'mod komprensiv, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet ekonomiċi u tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    Ktajjen tal-valur ġusti, reżiljenti u ekoloġiċi

    1.

    Jisħaq li l-politika kummerċjali tinsab f'salib it-toroq; jinnota li r-realtà ġeopolitika nbidlet u jisħaq li l-UE għad trid issib il-pożizzjoni tagħha f'dan l-ambjent ġdid; huwa konvint li l-COVID-19 saħħet il-ħtieġa ta' rieżami bir-reqqa tal-politika kummerċjali tal-UE; jisħaq li l-Parlament lest jikkontribwixxi attivament għar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali;

    2.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' ktajjen tal-valur ġusti, reżiljenti u sostenibbli li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-istandards ambjentali; ifakkar li d-diliġenza dovuta obbligatorja fil-ktajjen tal-provvista kollha għandha tkun strument biex dan jinkiseb; jisħaq li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-pożizzjoni vulnerabbli tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) fl-UE u speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li l-kumpaniji l-kbar għandhom probabbiltajiet akbar li jegħlbu xokkijiet eżoġeni; jisħaq fuq l-importanza li tintuża prospettiva strateġika biex jiżdiedu t-tħejjija u r-reżiljenza tal-UE u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal kwalunkwe xokk u kriżi tas-saħħa fil-futur, inkluż għall-ħolqien ta' mutazzjonijiet ġodda ta' mard u pandemiji futuri, bil-għan li jiġu żviluppati strateġiji u reazzjonijiet li jibqgħu validi fil-futur; jirrimarka li pilastru fundamentali ta' strateġija sostenibbli tal-UE għall-ktajjen tal-provvista jkun li l-kumpaniji li jkunu sostanzjalment esposti għall-ktajjen tal-provvista internazzjonali jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' rappurtar legalment vinkolanti fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (15);

    3.

    Jitlob lill-UE tiżgura li l-kummerċ jaħdem ukoll għal min huwa ekonomikament żvantaġġat; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' “skemi ta' kummerċ ġust u etiku” li l-Kummissjoni impenjat ruħha dwarhom fl-istrateġija “Kummerċ għal Kulħadd” saru saħansitra aktar rilevanti fiċ-ċirkostanzi attwali peress li inizjattivi ta' kummerċ ġust minn isfel għal fuq jistgħu jiżguraw li l-kummerċ ikun ta' benefiċċju għall-atturi ekonomikament żvantaġġati fil-katina tal-provvista; jenfasizza l-importanza ta' ordnijiet prevedibbli fit-tul u jieħu nota tal-iskemi ta' ordnijiet ta' suċċess ta' dik in-natura fis-settur tal-kummerċ ġust;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi ta' kummerċ ġust permezz ta' programmi tal-UE li jinvolvu liż-żgħażagħ u lis-settur privat, fl-azzjoni esterna inġenerali, fl-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD, permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE, u billi tippremja l-aħjar prattiki u tiffaċilita l-iskambju tal-għarfien fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-iskejjel u l-universitajiet fl-UE, inkluż permezz tal-estensjoni tal-“Premju Bliet tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku” għall-iskejjel u l-universitajiet u t-twaqqif ta' ġimgħa annwali tal-kummerċ ġust ospitata fi Brussell mill-Kummissjoni; jitlob b'insistenza li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-appoġġ għal inizjattivi ta' kummerċ ġust mill-UE u l-Istati Membri;

    5.

    Jinnota li l-ktajjen tal-valur globali spiss jinvolvu effetti asimmetriċi, inkluż għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, distribuzzjoni mhux uniformi tar-riskji, u jħallu impatt negattiv sproporzjonat fuq in-nisa; jiddeplora l-fatt li matul il-pandemija din id-distribuzzjoni mhux uniformi wasslet biex xi negozji Ewropej jitfgħu l-kostijiet ta' domanda aktar baxxa fuq il-ktajjen tal-provvista tagħhom, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jikkanċellaw ordnijiet li kienu diġà ġew prodotti u f'xi każijiet saħansitra mibgħuta; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-Istati Membri, il-gvernijiet lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex tinkiseb distribuzzjoni aktar ġusta tal-impatti negattivi u tar-riskji fil-ktajjen tal-provvista kollha; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti wara l-wegħda tagħha ta' “tolleranza żero għat-tħaddim tat-tfal” qabel tmiem l-2021, li n-NU ddikjaraw bħala s-Sena Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal;

    6.

    Jisħaq li l-katina tal-valur tat-turiżmu hija waħda mill-ekosistemi industrijali ewlenin tal-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-ktajjen tal-provvista u t-tfixkil ikkawżat mill-kriżi tal-COVID-19, setturi relatati mat-turiżmu bħal dak tal-ospitalità, kif ukoll industriji ewlenin oħra (l-industrija ajrunawtika, awtomobilistika, tal-azzar, tal-bini tal-bastimenti u tal-baħar), qed ibatu minn kollass kummerċjali u ekonomiku;

    7.

    Jisħaq li huma meħtieġa regoli effettivi li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji Ewropej, kemm fis-suq intern kif ukoll fis-swieq ta' pajjiżi terzi, biex jiggarantixxu relazzjonijiet kummerċjali ta' benefiċċju reċiproku mas-sħab internazzjonali u jipproteġu s-suq uniku minn strateġiji ta' investiment aggressivi minn atturi mhux tal-UE li qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-kriżi attwali; jenfasizza l-importanza tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ f'dan ir-rigward; jissottolinja li r-regolament dwar l-infurzar għandu jkollu kontribut pożittiv għall-għan li jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi, u jisħaq li l-kapitoli tat-TSD huma parti integrali mill-politika kummerċjali;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkompleta malajr is-sett ta' għodod għad-difiża tal-kummerċ tal-UE fl-2021 permezz ta' proposti leġiżlattivi appoġġati minn valutazzjonijiet tal-impatt, filwaqt li tagħti prijorità lil strument kontra l-koerċizzjoni, strument biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin u intrapriżi tal-istat, u l-konklużjoni ta' negozjati dwar l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali; jirrimarka dwar l-effett koerċittiv ta' sanzjonijiet ekstraterritorjali minn pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tal-istrumenti finanzjarji minn tali miżuri; jinnota l-importanza tal-intervent finanzjarju pubbliku matul il-pandemija tal-COVID-19;

    9.

    Huwa konvint li l-aċċess miftuħ għandu jimxi id f'id mas-salvagwardja tas-setturi strateġiċi tagħna u għandu jkun marbut mill-qrib ma' politika industrijali ambizzjuża u li tħares 'il quddiem f'konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-istrateġija diġitali, li jista' jżid il-kapaċitajiet tal-UE li tiflaħ għal xokkijiet futuri fis-setturi strateġiċi, jagħti spinta lill-irkupru ekonomiku u jiżgura l-kompetittività tan-negozji Ewropej, filwaqt li joħloq impjiegi ta' kwalità u jiżgura li l-Ewropa jkollha rwol kruċjali fil-produzzjoni ta' prodotti innovattivi u servizzi futuri;

    10.

    Jemmen li d-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista għandhom ikunu prijorità ewlenija għall-politika kummerċjali riveduta tal-UE; jenfasizza l-akkoppjament tal-interessi kummerċjali u tas-sigurtà u jappella għat-tisħiħ u l-infurzar proporzjonali tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani, biex b'hekk jiġu kkomplementati u appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw tali skrinjar biex jissalvagwardjaw is-setturi strateġiċi Ewropej, u jiġi evitat l-istabbiliment ta' dipendenzi ekonomiċi detrimentali u li jistgħu jiġu sfruttati minn atturi mhux tal-UE;

    11.

    Huwa konvint li l-UE hija dipendenti wisq minn għadd limitat ta' fornituri għal ċerta materja prima, oġġetti u servizzi kritiċi, speċjalment prodotti mediċi u farmaċewtiċi, u li dan idgħajjef l-awtonomija strateġika u l-objettivi ġeopolitiċi tagħha; jinsisti li l-UE għandha tegħleb dawn id-dipendenzi mhux mixtieqa permezz ta' taħlita orizzontali ta' politiki li jinċentivaw lill-kumpaniji biex jakkumulaw riżervi, iżidu l-manifattura, jiddiversifikaw l-istrateġiji ta' akkwist u, meta jkun meħtieġ, jippromwovu l-esternalizzazzjoni lejn pajjiżi fil-qrib u r-rilokalizzazzjoni, li jistgħu joħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda għas-sħab fil-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar u jridu jkunu akkumpanjati minn approssimazzjoni regolatorja f'setturi strateġiċi;

    12.

    Jisħaq fuq ir-riskji għall-ktajjen tal-provvista kritiċi li ħarġu fid-dieher bil-kriżi tal-COVID-19 u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-provvista tal-UE fl-istrateġija industrijali li jmiss tagħha, filwaqt li tidentifika liema ktajjen tal-provvista jistgħu jibbenefikaw minn reżiljenza akbar permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista, ir-rilokalizzazzjoni u l-kumulazzjoni ta' riżervi; jemmen, madankollu, li l-kumpaniji għandhom finalment jiddeċiedu għalihom infushom kif jimmaniġġjaw il-ktajjen tal-provvista globali tagħhom;

    13.

    Jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tippromwovi ekonomija ċirkolari fuq livell globali u jissottolinja r-rwol li l-ftehimiet kummerċjali għandu jkollhom fit-tisħiħ tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, fid-diversifikazzjoni tal-provvista u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali miftuħa għall-oġġetti u s-servizzi kritiċi, u li t-tqassir jew il-modifika tal-ktajjen tal-provvista għall-viċinat tal-UE u l-Afrika jista' jkollhom effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ekoloġiku, inklużiv u reżiljenti tagħhom, kif ukoll għall-interessi strateġiċi tal-UE;

    14.

    Jinnota li l-ktajjen tal-provvista agroalimentari tal-UE baqgħu operattivi matul il-pandemija iżda jiddeplora l-fatt li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-ostakli għall-kummerċ ikkawżaw bosta interruzzjonijiet fihom; jinnota li s-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS), li tlaqqa' lill-pajjiżi kummerċjali ewlenin tal-komoditajiet agrikoli bil-għan li ttejjeb it-trasparenza tas-suq tal-ikel u r-rispons politiku għas-sigurtà tal-ikel, tista' titqies bħala eżempju ta' prattika tajba; jistieden lill-Kummissjoni tesplora jekk dan il-mudell jistax jintuża wkoll fi ktajjen oħra tal-valur; jappoġġa azzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ meħuda biex jippromwovu l-istandards tas-sikurezza tal-ikel u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) b'reazzjoni għall-COVID-19; jinnota li skont il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tan-NU, bil-COVID-19 l-għadd ta' persuni f'riskju ta' skarsezzi akuti tal-ikel fl-2020 f'pajjiżi bi dħul baxx u medju issa huwa ta' 265 miljun, ċifra li żdiedet b'130 miljun meta mqabbla mal-2019; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tesplora f'kooperazzjoni man-NU l-aktar miżuri xierqa biex tiżgura li din il-pandemija ma twassalx għal kriżi tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija kummerċjali diġitali li żżid l-aċċess għas-suq tal-impriżi Ewropej, issaħħaħ l-infrastruttura diġitali, tarmonizza l-oqfsa regolatorji, timmodernizza l-għodod kummerċjali u doganali, u tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-ambitu tal-GDPR (16);

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet bir-reqqa dwar jekk il-klawżola mudell il-ġdida tal-UE dwar il-flussi tad-data hijiex se tippreserva l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-privatezza tal-Ewropej f'każ ta' tilwima ma' sieħeb kummerċjali; jisħaq li miżuri eżistenti u futuri li jipproteġu d-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali ma jridux jiġu mminati minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-impenji rilevanti ta' pajjiżi terzi meta tivvaluta l-adegwatezza tagħhom, inkluż għat-trasferimenti suċċessivi ta' data;

    17.

    Jissottolinja l-aċċellerazzjoni tar-rivoluzzjoni diġitali minħabba l-COVID-19 u jirrikonoxxi l-importanza li l-UE tieħu l-inizjattiva fl-istabbiliment ta' standards għal ekonomija globali sostenibbli u mmexxija diġitalment u li żżomm il-flussi internazzjonali tad-data miftuħin sabiex tegħleb malajr firxa ta' ostakli għall-kummerċ u konġestjonijiet; jissottolinja li l-UE tista' tistabbilixxi standard globali għal kummerċ diġitali ġust u reżiljenti fl-impenji bilaterali u multilaterali tagħha u f'negozjati plurilaterali dwar il-kummerċ elettroniku u l-faċilitazzjoni tal-investiment; jissottolinja li l-kapitolu diġitali fil-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit jista' jservi bħala mudell għal ftehimiet kummerċjali futuri;

    18.

    Jitlob li jiġu pprovduti inċentivi, inkluż permezz ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi mfassla apposta dwar l-għajnuna mill-Istat, biex in-negozji tal-UE jagħmlu l-ktajjen tal-valur tagħhom aktar sostenibbli u biex iqassru jew jaġġustaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom meta dan jista' jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija, ir-reżiljenza, l-objettivi ġeopolitiċi u/jew l-awtonomija strateġika tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-kostijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi esterni jiġu kompletament internalizzati fil-prezz f'konformità mal-politiki tal-UE bħall-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u t-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa kif u sa liema punt qed isiru trasferimenti ta' teknoloġiji emerġenti u fixkiela mill-UE lejn stati awtoritarji permezz ta' flussi kummerċjali u ta' investiment; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex tali trasferimenti jiġu limitati, inkluża l-kooperazzjoni tal-ktajjen tal-provvista ma' sħab tal-istess fehma; jitlob li jinbeda djalogu dwar is-semikondutturi mat-Tajwan;

    Il-politika kummerċjali għall-prodotti tas-saħħa kritiċi: it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19

    20.

    Jissottolinja li l-governanza tal-kummerċ internazzjonali, li tagħti prijorità lill-kooperazzjoni internazzjonali u mhux lill-kompetizzjoni, għandha rwol essenzjali fl-iżvilupp rapidu ta' trattamenti mediċi u vaċċini, iż-żieda rapida tal-produzzjoni, l-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur globali reżiljenti u l-aċċess ekwu għas-suq globali, u, f'dan il-kuntest, jissottolinja li l-pandemija attwali għandha tipprovdi impetu għal kooperazzjoni internazzjonali msaħħa u tħejjija globali għal emerġenzi tas-saħħa, li jeħtieġu impenn ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri biex jaġixxu flimkien bħala “Tim Ewropa”; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi relatati mal-kummerċ tal-pandemiji u ż-żoonożijiet, bħall-impatt tal-kummerċ fuq id-degradazzjoni tal-bijosfera;

    21.

    Jilqa' l-proposta minn diversi mexxejja ta' gvern għal trattat internazzjonali dwar ir-rispons għall-pandemija u jitlob li dan jinkludi pilastru kummerċjali b'saħħtu; jissottolinja li l-qafas tal-kummerċ internazzjonali jrid irawwem il-kooperazzjoni u jistabbilixxi mekkaniżmi kemm strutturali kif ukoll ta' rispons rapidu biex jgħin lill-gvernijiet jegħlbu l-isfidi assoċjati mal-emerġenzi tas-saħħa; jissottolinja li tali arranġamenti għandhom jinkludu, minn naħa waħda, approċċ “min-naħa tad-domanda” orjentat lejn il-ħtiġijiet li jipprovdi finanzjament konġunt u xiri bil-quddiem ikkoordinat globalment u, min-naħa l-oħra, strateġija integrata “min-naħa tal-provvista” biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tul il-katina tal-valur kollha; isostni li jeħtieġ li jsir progress fl-oqsma tat-trasparenza dwar l-istokkijiet disponibbli, in-networks tal-provvista globali, il-kapaċitajiet ta' produzzjoni u l-ipprezzar ta' prodotti essenzjali tas-saħħa, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' eċċezzjonijiet għas-sigurtà tas-saħħa pubblika fil-qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), iż-żieda fil-mobbiltà globali tas-servizzi essenzjali, il-protezzjoni u t-trawwim tar-reżiljenza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u l-iżvilupp ta' approċċ intersezzjonali biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv tal-kriżijiet tas-saħħa fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza fid-dħul u l-pożizzjoni tal-minoranzi;

    22.

    Jappella għall-istabbiliment ta' Kumitat ġdid għall-Kummerċ u s-Saħħa fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO sabiex iħejji linji gwida dwar kif il-gvernijiet jistgħu jimplimentaw l-eċċezzjonijiet u l-flessibbiltajiet eżistenti fil-liġi internazzjonali tal-kummerċ sabiex tiżdied is-sigurtà tas-saħħa pubblika, u liema mekkaniżmi jridu jkunu fis-seħħ biex itejbu r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa u biex iwittu t-triq għal pilastru kummerċjali għan-negozjati dwar trattat internazzjonali futur dwar ir-rispons għall-pandemija;

    23.

    Jisħaq li l-ktajjen tal-provvista globali għall-materja prima u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini jridu jibbenefikaw minn relazzjonijiet kummerċjali miftuħa; jissottolinja li l-protezzjoniżmu fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini jista' jfixkel ir-rispons għall-pandemija globali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-effetti detrimentali ta' miżuri unilaterali bħar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, in-nuqqas ta' trasparenza tal-istokkijiet globali u l-ispekulazzjoni sussegwenti fil-prezzijiet fir-rigward ta' oġġetti essenzjali skarsi, mhux l-inqas għall-pajjiżi bi dħul baxx jew medju; jitlob, għalhekk, lill-UE tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-inizjattiva tad-WTO dwar il-kummerċ u s-saħħa sa tmiem l-2021, tinkoraġġixxi kooperazzjoni globali aktar b'saħħitha u tkun ħafna aktar eżiġenti fir-rigward tat-trasparenza tal-provvista, il-produzzjoni u l-kost tal-prodotti mediċi, ir-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa globali, u prodotti u servizzi mediċi aċċessibbli u affordabbli; jitlob lill-UE tiżgura li l-ftehimiet futuri ta' xiri bil-quddiem jiġu żvelati kompletament, b'mod partikolari għall-vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss;

    24.

    Jitlob lill-UE tintegra l-impenji fir-rigward tas-sigrieti tal-mestier, id-data proprjetarja u t-trasferimenti tat-teknoloġija, u titlob b'insistenza t-trasparenza meħtieġa mill-fornituri, inkluża analiżi tal-kostijiet u l-profitti għal kull prodott;

    25.

    Huwa mħasseb, għalhekk, dwar iż-żieda ġdida fir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-vaċċini mill-pajjiżi ewlenin tal-manifattura bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, iċ-Ċina u l-Indja u, f'livell aktar baxx, l-UE u jenfasizza li dan jista' jipperikola ż-żieda globali rapida fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-vaċċini, ifixkel il-ktajjen tal-produzzjoni u jwassal għal ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora mal-pajjiżi produtturi biex telimina malajr l-ostakli għall-esportazzjoni; jafferma mill-ġdid li l-mekkaniżmu tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni tal-UE huwa miżura temporanja, li għandha tintuża biss bħala l-aħħar għażla, u għandu jevolvi f'mekkaniżmu ta' trasparenza; jinsisti li jingħata aċċess f'waqtu u komprensiv għal tali data; jenfasizza li aktar trasparenza żiedet il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fid-distribuzzjoni tal-vaċċini tal-UE u fil-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19;

    26.

    Huwa mħasseb ferm dwar in-numru li qed jiżdied ta' varjanti tal-COVID-19; jenfasizza li n-nuqqas ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' vaċċini f'pajjiżi terzi jista' jwassal għal żieda ta' tipi ġodda u differenti ta' varjanti; jirrikonoxxi li l-UE hija wieħed mill-akbar esportaturi ta' vaċċini lejn pajjiżi terzi, iżda li f'termini assoluti, dawn l-esportazzjonijiet għadhom mhumiex biżżejjed biex tiġi indirizzata l-pandemija globali; jisħaq li l-Faċilità COVAX bħalissa mhijiex kapaċi tqassam il-vaċċini lill-persuni l-aktar vulnerabbli skont id-domanda; jissottolinja li l-aċċess globali f'waqtu għall-vaċċini jista' jkun ta' benefiċċju għall-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomija globali, kif ukoll tal-ekonomija tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi diplomazija effettiva dwar il-vaċċini u l-provvisti mediċi biex issaħħaħ il-kredibbiltà u l-viżibbiltà diplomatika tal-UE u jappella għal aktar sforzi internazzjonali biex jitħaffef il-forniment tal-vaċċini lill-COVAX;

    27.

    Jissottolinja li l-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-varjanti tagħha għandhom ikunu ben pubbliku globali u li l-isforzi multilaterali urġenti għandhom ikunu ffukati fuq id-distribuzzjoni ekwa tal-vaċċini madwar id-dinja kollha, iż-żieda rapida tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni globali, u l-istabbiliment ta' sħubijiet u trasferimenti tat-teknoloġija effettivi, inkluż f'pajjiżi bi dħul baxx u medju; jenfasizza li, abbażi tat-tagħlimiet meħuda, huwa kruċjali li jkomplu jittejbu l-oqfsa ta' sħubija pubblika-privata wara l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' vaċċini u teknoloġiji essenzjali oħra tas-saħħa; jilqa' s-Summit Globali dwar il-Ktajjen tal-Provvista u l-Manifattura tal-Vaċċini Kontra s-C19 li sar fit-8 u d-9 ta' Marzu 2021 u jitlob li jiġu stabbiliti pjattaformi strutturali biex tiżdied malajr il-produzzjoni tal-vaċċini f'aktar pajjiżi, li jistgħu jieħdu l-forma ta' punt ċentrali ta' koordinament tas-sħubijiet pubbliċi-privati li jlaqqa' l-partijiet privati u pubbliċi biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u jikbru s-sħubijiet, jiġu mmonitorjati l-konġestjonijiet, u jiġu identifikati miżuri li jappoġġaw il-manifattura u l-użu tal-vaċċini; jissottolinja l-isforzi li saru mid-Direttur Ġenerali tad-WTO biex jinvolvi l-membri fid-diskussjoni dwar l-inizjattivi rigward il-kummerċ u s-saħħa;

    28.

    Jenfasizza li l-politika kummerċjali internazzjonali jrid ikollha rwol proattiv f'dan l-isforz billi tiffaċilita l-kummerċ tal-materja prima, ittaffi n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u ta' esperjenza, issolvi l-problemi fil-ktajjen tal-provvista u terġa' tikkunsidra l-qafas globali għad-DPI għal pandemiji futuri; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq djalogu kostruttiv dwar deroga temporanja tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi ma jħabbtux wiċċhom ma' ritaljazzjoni minħabba ksur tal-privattivi relatat mal-COVID-19 matul il-pandemija;

    29.

    Jissottolinja li r-riċerkaturi u l-industrija għamlu sforz kbir fl-iżvilupp ta' dijanjożijiet, trattamenti u vaċċini ġodda għall-COVID-19; jenfasizza r-rwol ewlieni tar-riżorsi tas-settur pubbliku, li ppermettew lill-kumpaniji farmaċewtiċi jneħħu r-riskju mill-katina tal-valur kollha tal-vaċċini permezz ta' finanzjament u sussidji kbar għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll permezz ta' ftehimiet ta' xiri bil-quddiem fuq skala kbira; jissottolinja wkoll il-kontribut fundamentali tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti, is-superstiti tal-COVID-19 u l-pubbliku ġenerali li pparteċipaw fi provi kliniċi u f'attivitajiet oħra relatati ta' riċerka u żvilupp dwar prodotti terapewtiċi u vaċċini differenti; iqis li qafas legali multilaterali tad-DPI jista' jipprovdi protezzjonijiet u inċentivi li huma kritiċi għat-tħejjija kontra pandemiji futuri u jirrikonoxxi r-rwol tiegħu fil-faċilitazzjoni tal-kollaborazzjoni wiesgħa u bla preċedent fost il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-kumpaniji farmaċewtiċi;

    30.

    Jenfasizza l-importanza kritika ta' kondiviżjoni tat-teknoloġija miftuħa, tal-għarfien espert u tar-riċerka għal rispons effettiv għall-pandemija u tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-kumpaniji farmaċewtiċi f'inizjattivi multilaterali bħas-C-TAP (Pul ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19) u ċ-Ċentru ta' Trasferiment tat-Teknoloġija tad-WHO li għadu kif ġie stabbilit sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom;

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    31.

    Jappoġġa l-integrazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija Diġitali Ewropea fil-komunikazzjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali (TPR) u jappella għal politika kummerċjali assertiva bl-għan tal-multilateraliżmu, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà f'konformità mal-impenn tal-UE li timplimenta l-SDGs tan-NU; jappella għal pjan ta' azzjoni, pjan direzzjonali u skeda ta' żmien konkreti biex din l-ambizzjoni ssir realtà; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, timpenja ruħha mas-sħab biex taġġorna l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti billi tuża l-klawżoli ta' rieżami tagħhom;

    32.

    Jilqa' l-inkorporazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi bħala element essenzjali f'kull ftehim kummerċjali, ta' investiment u ta' sħubija futur; jisħaq li r-ratifika tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma rekwiżiti għall-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs); jistieden lill-Unjoni tikkollabora ma' sħab kummerċjali futuri u eżistenti biex tirratifika u timplimenta b'mod effettiv konvenzjonijiet tal-ILO u ftehimiet ambjentali multilaterali pendenti oħra meta teżamina mill-ġdid u tinnegozja ftehimiet; jitlob li, f'kull ftehim kummerċjali, jiġu inklużi kapitoli ambizzjużi dwar il-ġeneru, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-SMEs, kif ukoll kapitoli dedikati dwar il-kummerċ diġitali;

    33.

    Jissottolinja li l-irkupru ta' wara l-COVID-19 huwa opportunità unika biex tiġi stabbilita l-aġenda biex jitħeġġeġ it-tkabbir sostenibbli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tħaffef ir-rieżami tagħha tal-pjan ta' azzjoni ta' 15-il punt dwar il-kapitoli dwar it-TSD fl-2021 sabiex ikun jista' jiġi implimentat fin-negozjati li għaddejjin; jistenna li r-rieżami jindirizza l-infurzabbiltà u jfakkar, f'dan ir-rigward, fid-dokument informali min-Netherlands u Franza dwar il-kummerċ, l-effetti ekonomiċi soċjali u l-iżvilupp sostenibbli (17); jissuġġerixxi li, bħala minimu, l-avvanzi reċenti fl-infurzabbiltà tal-politika kummerċjali tal-UE għandhom jitqiesu, b'mod partikolari l-kapaċità li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas ta' konformità mis-sħab permezz ta' sanzjonijiet unilaterali bħala l-aħħar rimedju, bħall-introduzzjoni ta' tariffi jew kwoti fuq ċerti prodotti jew is-sospensjoni trażversali ta' partijiet oħra ta' ftehim;

    34.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex fil-kapitoli dwar it-TSD u dwar l-agrikoltura jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali, il-kummerċ ġust u l-ekonomija ċirkolari; jenfasizza r-rwol tal-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ f'dan ir-rigward u jappella għal kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kummerċ Internazzjonali fil-monitoraġġ u l-iskrutinju tal-infurzar tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tislet mit-tagħlimiet meħuda mill-panel reċenti ta' esperti sabiex il-kapitoli tat-TSD jinkludu pjan direzzjonali b'impenji konkreti u verifikabbli;

    35.

    Jiddispjaċih li l-prodotti kannella għadhom jirċievu trattament preferenzjali fuq prodotti ekoloġiċi u li t-tariffi u l-ostakli għall-kummerċ qed jaħdmu kontra l-kummerċ sostenibbli; jissottolinja li t-tneħħija tat-tariffi u tal-ostakli għall-kummerċ għal prodotti u servizzi ekoloġiċi għandha titfassal f'konformità mar-regoli tad-WTO sabiex tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet innovattivi biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika u tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku, kif ukoll l-SDGs u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jitlob li l-Kummissjoni tesplora strumenti biex tindirizza dawn id-distorsjonijiet u tagħti l-eżempju ta' dak li qed tgħid dwar il-Patt Ekoloġiku billi timplimentah fl-aspetti kollha tal-politika kummerċjali;

    36.

    Jirrimarka li l-ispejjeż inizjali għoljin, li jistgħu jitħallsu lura biss maż-żmien, u nuqqas ta' għarfien u tagħmir, qegħdin bħalissa jfixklu jew inaqqsu l-pass tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħhom; jitlob b'insistenza li l-Kummissjoni tuża l-istrumenti kummerċjali u l-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex iżżid l-appoġġ finanzjarju, l-assistenza teknika, it-trasferimenti tat-teknoloġija, il-bini tal-kapaċità u d-diġitalizzazzjoni sabiex tagħti s-setgħa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tippermettilhom jiksbu reżiljenza sostenibbli u jimplimentaw aħjar id-diliġenza dovuta mal-katina tal-provvista sħiħa;

    37.

    Jitlob lill-UE tieħu rwol ewlieni fi ħdan il-qafas multilaterali biex tinvolvi ruħha ma' pajjiżi u sħab kummerċjali tal-istess fehma fl-insegwiment ta' aġenda ambjentali b'saħħitha, inkluż l-iżvilupp progressiv tad-dixxiplini, biex jintemmu kemm is-sussidji li jfixklu s-suq kif ukoll dawk li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-ftehimiet kummerċjali u fid-WTO, inklużi d-dixxiplini dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili, filwaqt li tibni fuq il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

    38.

    Jisħaq fuq l-importanza li jitfasslu valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà fuq bażi ex ante, intermedja u ex post, skont skeda ta' żmien konkreta, li jiġu indirizzati r-riskji possibbli kmieni kemm jista' jkun, u, jekk evalwazzjonijiet ex post juru li dan ikun meħtieġ, li jiġu indirizzati l-impatti negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà li għaddejjin u li ġew iffinalizzati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas komprensiv b'miri konkreti biex jitmexxew 'il quddiem l-SDGs, il-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda għal Xogħol Deċenti tal-ILO fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; jenfasizza li l-ftehimiet il-ġodda għandhom jiġu konklużi biss ladarba dawn il-miri jkunu ntlaħqu u li l-ftehimiet eżistenti għandhom jiġu riveduti skont dan;

    39.

    Jenfasizza li t-trasparenza, id-djalogu u l-komunikazzjoni tajba maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati huma kruċjali għall-ħolqien ta' appoġġ għall-politika kummerċjali u l-isfruttar tal-benefiċċji tagħha; jilqa', għalhekk, il-gateway Access2Markets u l-isforzi tal-Kummissjoni fil-promozzjoni ta' din l-għodda; jinsisti li r-rwol u r-responsabbiltajiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi konsultattivi domestiċi (DAGs), li r-rwol ta' monitoraġġ tagħhom jista' jiġi aktar estiż, iridu jkunu definiti b'mod ċar fil-ftehimiet politiċi u kummerċjali tal-UE u li l-assistenza finanzjarja trid tkun akkumpanjata minn miżuri għall-bini tal-kapaċitajiet li jippermettulha tiffunzjona b'mod effettiv; jenfasizza l-potenzjal tad-delegazzjonijiet tal-UE fl-appoġġ tal-ħidma tad-DAGs ta' pajjiżi terzi u fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-appoġġ tal-SMEs biex jieħdu vantaġġ minn ftehimiet u miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ; jiddeplora n-nuqqas ta' struttura globali f'dan ir-rigward;

    40.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar koerenza u trasparenza fl-iskrutinju tal-politika kummerċjali tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta' kriterji koerenti, ċari, li jistgħu jitkejlu u oġġettivi għall-politika kummerċjali tal-UE u l-involviment taċ-ċittadini tal-UE, djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, aktar koerenza politika u skrutinju aħjar tal-aspetti kollha tal-politika kummerċjali; jisħaq fuq ir-rwol ta' valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà ex ante, intermedji u ex post f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-Parlament fl-istadji kollha tal-proposti tagħha, issegwi l-proposti magħmula mid-DAGs, issaħħaħ mill-ġdid id-djalogu tas-soċjetà ċivili u tikkoopera b'mod aktar intensiv mas-soċjetà ċivili fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE); jitlob li l-Parlament jorganizza konsultazzjonijiet regolari mad-DAGs;

    Il-multilateraliżmu u l-post ġeopolitiku tal-Ewropa fid-dinja

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika azzjonijiet konkreti u speċifiċi possibbli u pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-kunċett ta' awtonomija strateġika miftuħa, u tiżgura li l-opzjonijiet kollha jkunu disponibbli; jinnota bi tħassib li l-kompetizzjoni u t-tensjonijiet ġeopolitiċi aċċelleraw wara t-tifqigħa tal-COVID-19;

    42.

    Ifakkar fis-sinifikat ġeopolitiku ta' politika kummerċjali tal-UE b'saħħitha, diversifikata u reżiljenti; ifakkar li r-rata għolja ta' dipendenza enerġetika tal-UE hija sfida għal awtonomija strateġika miftuħa, li ġġegħelna naċċelleraw it-tranżizzjoni tal-enerġija; jisħaq li s-saħħa, il-valuri u l-aderenza tas-suq tal-UE għall-kooperazzjoni, il-ġustizzja, ir-reċiproċità u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli għandhom jiffurmaw il-bażi ta' tali aċċess miftuħ;

    43.

    Jirrakkomanda bil-qawwa li l-UE tfittex sħubijiet ġodda ma' sħab tal-istess fehma u tikkonsolida dawk eżistenti; iqis li l-ftehimiet kummerċjali plurilaterali ma' għadd limitat ta' sħab u l-iffukar fuq kwistjonijiet strateġiċi joffru triq aħjar u aktar konkreta għall-implimentazzjoni tal-kunċett ta' awtonomija strateġika miftuħa u jattiraw appoġġ fost is-soċjetà ċivili;

    44.

    Jisħaq, madankollu, li fejn il-kooperazzjoni ma tkunx possibbli, l-UE għandha ssegwi l-interessi tagħha permezz ta' miżuri awtonomi biex tħares il-valuri tagħha u tiġġieled kontra prattiki kummerċjali inġusti bi qbil mad-dritt internazzjonali;

    45.

    Jilqa' l-affermazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali dwar il-multilateraliżmu u l-proposti estensivi magħmula għar-riforma dettaljata meħtieġa tad-WTO fil-funzjonijiet kollha tagħha;

    46.

    Jikkondividi l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fil-viżjoni tagħha għar-riforma tad-WTO dwar l-irkupru ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, is-sussidji statali inġusti u l-kummerċ diġitali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi kollha biex timplimenta l-aġenda tagħha, inklużi għanijiet dwar il-ġeneri, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol;

    47.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-konnessjoni rapida tad-WTO ma' organizzazzjonijiet oħra fis-sistema multilaterali bħad-WHO, jintlaħaq kunsens f'Ġinevra, jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jaħdmu b'mod konġunt fuq il-ħakma tal-isfidi globali, u jiġu konklużi n-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO;

    48.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-inizjattiva kummerċjali u klimatika tad-WTO u jtenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim dwar il-prodotti ambjentali; jilqa', f'dan il-kuntest, l-approċċ tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-WTO u jistenna li l-Kummissjoni tappoġġjaha bil-qawwa sabiex tipprovdi impetu ġdid lill-organizzazzjoni sabiex tkun tista' tindirizza l-isfidi li s-sistema kummerċjali multilaterali qed tiffaċċja bħalissa;

    49.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' soluzzjoni ta' tilwim effettiva biex jiġu stabbiliti l-istabbiltà u l-prevedibbiltà fis-sistema kummerċjali multilaterali u l-ħtieġa li tissolva s-sitwazzjoni attwali tal-Korp tal-Appell f'kooperazzjoni mal-Istati Uniti, sabiex jerġa' jsir operattiv u b'dan il-mod jiżgura li t-tilwim kummerċjali jkun jista' jiġi solvut kif xieraq; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi bħala parti mill-inizjattiva kummerċjali u klimatika tagħha tad-WTO l-inklużjoni ta' għarfien espert ambjentali fil-kuntest tas-soluzzjoni ta' tilwim, fejn rilevanti;

    50.

    Jenfasizza li l-qawmien mill-ġdid tal-funzjoni ta' negozjar tad-WTO se jkollu rwol ewlieni fi kwalunkwe riforma sostanzjali tal-organizzazzjoni; jinnota, b'mod partikolari, li d-distorsjonijiet kompetittivi kkawżati minn sussidji industrijali u intrapriżi tal-istat, b'mod partikolari fiċ-Ċina, jeħtieġ li jiġu indirizzati u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tidentifika u tiddifferenzja l-kategoriji ta' sussidji skont il-kontribut tagħhom għal għanijiet pubbliċi leġittimi;

    51.

    Jissottolinja li sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-funzjoni ta' negozjar tad-WTO, l-UE jeħtiġilha taħdem flimkien ma' sħab tal-istess fehma biex isibu bażi komuni għar-riforma tad-WTO fl-aktar sens wiesa'; jafferma mill-ġdid li progress sinifikanti fir-riforma tad-WTO jeħtieġ kunsens wiesa' u koalizzjonijiet ta' sħab tal-istess fehma; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha f'negozjati plurilaterali bħala pass lejn ftehimiet multilaterali; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jinbdew negozjati dwar ftehim plurilaterali dwar in-newtralità kompetittiva ma' sħab tal-istess fehma; huwa konvint li t-tmexxija tal-UE u l-kooperazzjoni transatlantika huma kruċjali biex tirnexxi kwalunkwe riforma sinifikanti tad-WTO;

    52.

    Jitlob li l-Kummissjoni tfittex b'mod attiv soluzzjoni għad-diskrepanza bejn il-livell ta' żvilupp u l-livell ta' impenji meħuda fis-sistema ta' kummerċ internazzjonali; jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u r-riforma tad-WTO;

    53.

    Iqis li huwa essenzjali li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss tindirizza r-reġim tas-sanzjonijiet biex jiġi evitat li l-konsegwenzi tal-ksur tar-regoli kummerċjali internazzjonali minn xi membri jitħallsu minn setturi li mhumiex responsabbli għan-nuqqas ta' konformità;

    54.

    Jikkondividi s-suġġeriment li sar fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali li l-G20 għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni u jikkoordina l-isforzi fit-triq tagħhom lejn in-newtralità karbonika u aspetti oħra tal-Patt Ekoloġiku; jisħaq, madankollu, li sabiex dan l-approċċ ikun effettiv, uħud mill-membri tal-G20 se jkollhom iżidu l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera effiċjenti;

    55.

    Jappoġġja l-aġenda transatlantika ġdida li tħares 'il quddiem ibbażata fuq interessi komuni u valuri u għanijiet kondiviżi, li għandha l-għan li tikkontrobilanċja l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali fil-Paċifiku, tikseb riforma sinifikanti tad-WTO u ssib soluzzjonijiet komuni għal problemi komuni;

    56.

    Jirrikonoxxi li fl-istess ħin għad hemm ċerti interessi diverġenti; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti jikkooperaw mill-qrib fil-kuntest politiku l-ġdid biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għan-negozji sabiex jiżdied l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE, ikomplu jesploraw ftehimiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-eliminazzjoni tat-tariffi industrijali, jaqblu dwar standards soċjali, teknoloġiċi u ambjentali ambizzjużi, u jibnu fuq l-esperjenza ta' xulxin sabiex jippromwovu tali standards b'mod aktar effiċjenti fix-xena globali;

    57.

    Iħeġġeġ liż-żewġ naħat isolvu t-tilwim kummerċjali bilaterali, jappoġġja s-sospensjoni tat-tariffi Airbus-Boeing u jħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi solvuta b'mod permanenti sabiex tinstab soluzzjoni għat-taxxi diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jneħħu d-dazji tat-Taqsima 232 fuq l-azzar u l-aluminju;

    58.

    Jappella għal sforzi konġunti biex il-ħaddiema u l-kumpaniji jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika kummerċjali sabiex joħorġu mill-pandemija, iħaffu l-irkupru ekonomiku u jiffaċilitaw il-kummerċ fil-vaċċini u l-oġġetti mediċi essenzjali; itenni li għandna naħdmu flimkien biex niksbu riforma sinifikanti tad-WTO u nerġgħu ndaħħlu Korp tal-Appell li jiffunzjona sew; iħeġġeġ liż-żewġ naħat iżommu mal-impenji tad-WTO skont il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) u jsibu soluzzjonijiet komuni għal problemi komuni, iżda jissottolinja l-ħtieġa li l-UE taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ;

    59.

    Jappoġġja l-komunikazzjoni konġunta bit-titolu “Aġenda ġdida UE-Stati Uniti għal bidla globali” u jappella għall-istabbiliment rapidu ta' Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija ġdid bejn l-UE u l-Istati Uniti; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar teknoloġiji emerġenti u fixkiela, inklużi restrizzjonijiet konġunti fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni fil-konfront ta' stati awtoritarji;

    60.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-kummerċ, il-klima u r-riformi relatati fil-qalba tar-relazzjonijiet transatlantiċi, filwaqt li jinnota l-livell għoli ta' ambizzjoni li l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti qed turi f'dan il-qasam, li għandhom ikunu bbażati wkoll fuq approċċi ġodda bħal dawk introdotti mill-Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Messiku (USMCA);

    61.

    Huwa konxju tal-importanza tar-relazzjoni kummerċjali tal-UE maċ-Ċina, li fl-2020 saret l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE f'termini tal-kummerċ tal-merkanzija; jemmen bis-sħiħ li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jirrikjedu approċċ aktar bilanċjat u reċiproku; jisħaq li l-proċess ta' ratifika tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment (CAI) bejn l-UE u ċ-Ċina jista' jibda biss ladarba l-UE tkun laħqet progress sostanzjali fl-elaborazzjoni ta' miżuri awtonomi xierqa u effettivi li jridu jintużaw fi sforzi li jiġġieldu l-prattiki li joħolqu distorsjoni tas-suq u li jiddefendu l-interessi tal-UE strateġiċi, inklużi projbizzjoni fuq prodotti magħmula permezz ta' xogħol furzat, sett ta' għodod aġġornat għad-difiża tal-kummerċ u mekkaniżmu ta' sanzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem li jiffunzjona;

    62.

    Jissottolinja li r-ratifika tas-CAI hija inkonċepibbli fil-kuntest tad-dinamika li qed tevolvi fir-relazzjoni usa' bejn l-UE u ċ-Ċina u jqis b'dispjaċir kbir l-eskalazzjoni inaċċettabbli taċ-Ċina li poġġiet Membri eletti tal-Parlament Ewropew u entitajiet Ewropej taħt sanzjonijiet, peress li din tkompli tnaqqas il-fiduċja u xxekkel il-kooperazzjoni bilaterali; jissottolinja li l-proċess ta' ratifika tas-CAI mhux se jibda qabel ma jitneħħew is-sanzjonijiet Ċiniżi kontra l-Membri u l-korpi tal-Parlament;

    63.

    Jissottolinja li l-Parlament se jeżamina l-ftehim bir-reqqa, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-iżvilupp sostenibbli, u jfakkar lill-Kummissjoni li se jqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong, meta jintalab japprova l-ftehim ta' investiment;

    64.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bi ftehim ta' investiment mat-Tajwan, li juri impenn għal involviment sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment u li jieħu l-passi meħtieġa lejn valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjonijiet pubbliċi u eżerċizzju dwar l-ambitu qabel tmiem l-2021; itenni l-importanza tad-djalogu strutturali bilaterali, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-multilateraliżmu u d-WTO, it-teknoloġija u s-saħħa pubblika, kif ukoll il-kooperazzjoni essenzjali dwar provvisti kritiċi bħas-semikondutturi;

    65.

    Jilqa' l-impenn tar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali fil-konfront tal-Afrika u l-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar b'mod effettiv, sostnut u kostruttiv u jappella għal passi konkreti għall-approfondiment tar-relazzjonijiet tal-UE ma' dawn is-sħab, inkluż fil-qasam tal-enerġija;

    66.

    Itenni l-importanza ta' sħubija strateġika u sostenibbli max-Xlokk tal-Asja u mal-Indja; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tibqa' tikkollabora mar-reġjun u tippromwovi b'mod proattiv relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq ir-regoli għal strateġija komprensiva u ambizzjuża għar-reġjun Indo-Paċifiku;

    67.

    Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 issottolinjat is-sinifikat ta' sħubija ġdida mal-kontinent Afrikan li trawwem approċċ ta' politika inklużiv u sostenibbli; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tnaqqis tad-dejn u l-kanċellazzjonijiet tad-dejn; jisħaq li l-UE jeħtieġ li tappoġġja b'mod attiv id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-valur interni tal-Afrika;

    68.

    Jilqa' d-dħul fis-seħħ taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA) bħala strument li jakkumpanja attivament l-integrazzjoni reġjonali, ekonomika u politika tal-Afrika u li jtejjeb l-aċċess tagħha għas-swieq globali;

    69.

    Jissottolinja l-importanza tal-impenn tal-UE għar-relazzjonijiet kummerċjali tagħna mal-Amerika Latina u l-Karibew, inklużi l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej; jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-COVID-19, speċjalment fuq in-nisa, f'dan ir-reġjun;

    70.

    Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jżommu bħala prijorità l-kooperazzjoni kummerċjali u għall-iżvilupp tagħna u l-iżvilupp ta' reżiljenza akbar għall-pandemiji u l-emerġenzi tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni żżomm djalogu strutturali mas-sħab fir-reġjuni msemmija hawn fuq għal dan il-għan;

    o

    o o

    71.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0337.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0277.

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0261.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0109.

    (5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0071.

    (6)  Testi adottati, P9_TA(2021)0073.

    (7)  Testi adottati, P9_TA(2021)0040.

    (8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0321.

    (9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0252.

    (10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0212.

    (11)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

    (12)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 22.

    (13)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.

    (14)  Fond Monetarju Internazzjonali, World Economic Outlook: Managing Divergent Recoveries, April 2021.

    (15)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (17)   Aċċessat f'“the Netherlands at International Organisations (in-Netherlands fl-Organizzazzjonijiet Internazzjonali) (permanentrepresentations.nl). Dokument informali min-Netherlands u Franza dwar il-kummerċ, l-effetti ekonomiċi soċjali u l-iżvilupp sostenibbli ”.


    Top