Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2369

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa” (COM(2018) 237 final)

    EESC 2018/02369

    ĠU C 440, 6.12.2018, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”

    (COM(2018) 237 final)

    (2018/C 440/08)

    Relatur:

    Giuseppe GUERINI

    Relatur:

    Gonçalo LOBO XAVIER

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    4.9.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.9.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    537

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    199/1/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jemmen li l-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-proċessi ta’ awtomatizzazzjoni għandhom potenzjal enormi biex itejbu s-soċjetà Ewropea f’termini ta’ innovazzjoni u trasformazzjoni pożittiva, iżda joħolqu wkoll sfidi, riskji u tħassib sinifikanti. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet Ewropej jibdew jiżviluppaw u jirregolaw malajr u b’mod komprensiv l-IA f’mod sħiħ.

    1.2.

    Approċċ avvanzat għall-IA fl-Ewropa jeħtieġ li jkopri diversi oqsma, inklużi: i) l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-infrastrutturi diġitali avvanzati; ii) l-implimentazzjoni ta’ regoli leġislattivi ġodda jew l-adattament tar-regoli applikabbli eżistenti; iii) l-iżvilupp ta’ għarfien u sensibilizzazzjoni adatti fost iċ-ċittadini u l-konsumaturi; u iv) programmi ta’ taħriġ apposta għall-ħaddiema.

    1.3.

    B’mod partikolari, l-isfidi marbuta mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw fil-kuntest ta’ teknoloġiji diġitali emerġenti għandhom jiġu identifikati u indirizzati b’mod sistematiku fil-livelli internazzjonali, tal-UE u tal-Istati Membri, u l-KESE jixtieq jikkollabora mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE kollha dwar l-obbligazzjonijiet, is-sikurezza tal-prodotti u r-responsabbiltà ċivili li jistħoqqilhom bidliet adatti.

    1.4.

    Il-KESE jaqbel mal-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kapaċità industrijali u teknoloġika tal-UE favur id-diffużjoni tal-IA fis-suq intern. L-isforz meħtieġ biex jinżamm il-pass mal-atturi globali l-oħra tant huwa kbir li hemm bżonn kbir ta’ koordinazzjoni bejn l-istrumenti u l-finanzjament disponibbli kollha fil-livelli Ewropej u nazzjonali.

    Fid-dawl ta’ dan, il-valuri u l-prinċipji tal-UE m’għandhomx ikunu ssagrifikati minħabba l-kompetittività globali.

    1.5.

    Fir-rigward tal-għan tal-Kummissjoni tat-twassil tal-IA lill-utenti potenzjali kollha, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u medji, il-KESE huwa tal-fehma li sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-kompetittività globali, jeħtieġ li l-IA tkun aċċessibbli għall-akbar ammont ta’ entitajiet possibbli. Għalhekk, huwa kruċjali li din issir disponibbli għall-forom differenti kollha ta’ intrapriżi attivi fis-suq uniku Ewropew, inklużi l-SMEs, il-bdiewa, l-intrapriżi soċjali, il-kooperattivi, in-negozji individwali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

    1.6.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex ifasslu linji gwida dwar l-etika tal-intelliġenza artifiċjali, u f’dan l-isforz għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati pubbliċi u privati relevanti kollha. Dawn il-linji gwida jridu jkunu jinkludu l-prinċipji tat-trasparenza fl-użu tas-sistemi tal-IA għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema u għall-valutazzjoni jew kontroll tal-prestazzjoni tagħhom. Barra mill-prinċipji tal-etika, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi żviluppat qafas legali ċar, armonizzat u obbligatorju fil-livell Ewropew għar-regolazzjoni tal-IA kif dovut u għall-aġġornar tar-regoli eżistenti affetwati mill-IA, b’attenzjoni partikolari għal dawk relatati mar-responsabbiltà tal-produttur u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jixtieq jikkollabora mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE, li fil-futur se tkun tirrikjedi bidliet minħabba l-iżvilupp fl-IA.

    1.6.1.

    Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha wkoll twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-effetti tal-IA fuq is-suq tax-xogħol. L-analiżi trid tqis kemm is-sostituzzjoni possibbli ta’ xi ħaddiema minn apparat elettroniku jew robots kif ukoll il-fatt li ċerti funzjonijiet, filwaqt li mhumiex awtomatizzati għalkollox, se jinbidlu b’mod radikali mit-teknoloġiji l-ġodda.

    1.7.

    Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li x-xewqa murija li “ħadd ma għandu jitħalla l-art” m’għandhiex tibqa’ sempliċi proposta jew appell iżda jeħtieġ tissarraf bil-fatti.

    1.8.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-programmi ta’ taħriġ edukattivi fil-protezzjoni tal-ħaddiema tal-Ewropa li joperaw f’ambjent li qiegħed jinbidel b’mod profond bil-wasla progressiva tal-IA. Iċ-ċittadini tal-Ewropa għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adatta li tippermettilhom ikunu utenti responsabbli u informati fir-rigward tal-apparat u tal-applikazzjonijiet li jsiru disponibbli permezz tal-iżvilupp teknoloġiku rapidu.

    1.9.

    F’każijiet fejn miżuri ġodda jippermettu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw it-teknoloġija biex jieħdu deċiżjonijiet organizzattivi u jagħmlu għażliet b’mod aktar rapidu, se jkun meħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-responsabbiltà legali effettiva għal tali deċiżjonijiet fi ħdan qafas legali ċar li jiggarantixxi r-responsabbiltà sħiħa tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini.

    1.10.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ekonomija soċjali biex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva tan-nies fil-proċessi ekonomiċi u soċjali li, bis-saħħa tal-intelliġenza artifiċjali, se jsaħħu l-parteċipazzjoni fis-soċjetajiet tagħna. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi soċjali jista’ jkollhom rwol importanti biex irawmu l-fehim u l-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji mill-individwi, b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmi kollaborattivi li jippermettu l-involviment tan-nies fit-trasformazzjoni diġitali attwali.

    1.11.

    Ir-rivoluzzjoni teknoloġika attwali ma tistax u m’għandhiex titwettaq mingħajr l-inklużjoni sinifikanti u attiva tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet soċjali, u l-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu orjentati b’tali mod li jiżguraw parteċipazzjoni akbar u aktar responsabbli minn ċittadini infurmati sew. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda li, meta tkun qed tistabbilixxi l-Alleanza Ewropea għall-IA, il-Kummissjoni Ewropea tqis il-ħtieġa li tinħoloq pjattaforma inklużiva, multiprofessjonali u rappreżentattiva għall-partijiet interessati differenti li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li se jkollhom jinteraġixxu ma’ magni intelliġenti (1).

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-apparat diġitali u l-magni ta’ tagħlim awtomatiku fuq skala kbira qegħdin ta’ kuljum isaħħu l-kapaċità tal-algoritmi biex jaħdmu b’ammonti enormi ta’ data, u din il-kapaċità aktarx se tkompli tikber fil-futur, bis-saħħa ta’ “netwerks newrali” (li jintużaw diġà, pereżempju, mill-ismartphones biex jagħrfu b’mod viżiv l-oġġetti, l-uċuħ u l-immaġnijiet).

    2.2.

    Dawn l-iżviluppi qed jittrasformaw il-metodu tradizzjonali ta’ “tagħlim” li kienu jużaw s’issa l-magni tal-IA, peress li m’għadhomx limitati għal tagħlim permezz tal-estrazzjoni ta’ regoli mid-data, iżda qed jiżviluppaw ukoll kapaċità ta’ tagħlim flessibbli u adattiv. Dan il-proċess se jżid il-kapaċità tal-IA biex titgħallem u taġixxi fid-dinja reali.

    2.3.

    Fid-dawl tat-tibdil teknoloġiku mgħaġġel ħafna li jinsab għaddej, issa huwa kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex iwettqu analiżi bir-reqqa tal-isfidi emerġenti li jirriżultaw mill-iżvilupp rapidu tal-IA filwaqt li jinvolvu lill-partijiet interessati pubbliċi u privati rilevanti fil-proċess u mingħajr ma jipperikolaw l-opportunitajiet għall-progress u l-iżvilupp teknoloġiku.

    2.4.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018) 237 tfittex li ssaħħaħ il-kapaċità industrijali u teknoloġika tal-UE u li tħeġġeġ id-diffużjoni tal-IA fl-ekonomija Ewropea, kemm fis-settur privat kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika. Kif innutat qabel f’opinjoni fuq inizjattiva proprja (2), il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li fil-fatt fil-Komunikazzjoni tagħha tinkorpora għadd kbir ta’ suġġerimenti preċedenti tal-Kumitat, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi fil-pront u b’mod deċiżiv.

    2.5.

    L-adozzjoni ta’ approċċ Ewropew effettiv għall-IA jinvolvi l-inkoraġġiment favur investiment sinifikanti fir-riċerka u fl-innovazzjoni inklużi l-infrastrutturi diġitali, li huma meħtieġa fit-tħejjija għall-bidliet soċjoekonomiċi prinċipali li l-avvanzi f’teknoloġiji ġodda se jġibu għas-soċjetà u s-swieq Ewropej fis-snin li ġejjin.

    2.6.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex ifasslu ċerti linji gwida dwar l-etika tal-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li jinvolvu lill-partijiet interessati pubbliċi u privati relevanti kollha.

    2.7.

    Fl-istess waqt, fil-livell Ewropew, jeħtieġ jiġi approvat qafas legali armonizzat li jkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mal-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE. Il-qafas regolatorju l-ġdid għandu jkun fih regoli preċiżi li jindirizzaw ir-riskji li jġib miegħu t-tagħlim awtomatiku, bħal nuqqas ta’ trasparenza tas-suq, nuqqas ta’ kompetizzjoni, diskriminazzjoni, prattiki kummerċjali inġusti, theddid għaċ-ċibersigurtà u għas-sikurezza tal-prodotti.

    B’mod partikolari, is-salvagwardji regolatorji għandhom ikunu stretti f’sitwazzjonijiet fejn id-data li tixpruna s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali tinkiseb b’mod awtomatiku meta jintużaw l-apparat elettroniku u l-kompjuters.

    2.8.

    Il-KESE jinnota li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2018) 137 mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni janalizza kif dovut l-implikazzjonijiet tal-IA għal-leġislazzjoni tal-UE u jidentifika l-isfidi tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw fil-kuntest ta’ teknoloġiji diġitali emerġenti.

    2.9.

    Barra minn hekk, se jkunu meħtieġa pjani ta’ azzjoni komprensivi sabiex i) iservu ta’ bażi għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ permezz tat-trawwim tal-ħiliet il-ġodda meħtieġa mis-suq tax-xogħol tal-futur u ii) jiżguraw protezzjoni ta’ livell għoli għaċ-ċittadini u għall-ħaddiema mill-isfidi mistennija (3).

    2.10.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproċedi malajr b’azzjoni ulterjuri sabiex tirregola u tħeġġeġ l-investiment: il-pass mgħaġġel attwali tal-bidla jirrikjedi ritmi ta’ adattament rapidi.

    3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea: appoġġ Ewropew u investiment fl-intelliġenza artifiċjali

    3.1.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tħabbar li se tappoġġja d-diffużjoni tal-IA kemm fir-riċerka bażika kif ukoll f’applikazzjonijiet industrijali. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu involuti t-tipi kollha ta’ atturi f’tali proċess, inklużi l-SMEs, il-kumpaniji ta’ servizzi, l-intrapriżi soċjali, il-bdiewa, il-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni aktar anzjani.

    3.2.

    Fir-rigward tal-għan tal-Kummissjoni tat-“twassil tal-IA lill-utenti potenzjali kollha, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u medji”, il-KESE huwa tal-fehma li sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-kompetittività globali, jeħtieġ li l-IA tkun aċċessibbli għall-akbar ammont ta’ entitajiet possibbli. Minbarra dak li diġà ppjanat il-Kummissjoni sabiex tiġi żviluppata “pjattaforma tal-IA on-demand”, huwa importanti wkoll li jiġu stabbiliti forom adatti ta’ involviment u konsultazzjoni tad-diversi partijiet interessati, inklużi SMEs, netwerks tal-ekonomija soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (dawn tal-aħħar għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-involviment taċ-ċittadini Ewropej b’mod infurmat u attiv).

    3.3.

    Il-Kummissjoni ħabbret li se tappoġġja l-innovazzjoni bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali permezz ta’ proġett pilota stabbilit mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li għandu baġit ta’ EUR 2,7 biljuni għall-2018-2020.

    3.4.

    Il-KESE jemmen li din l-inizjattiva tista’ tkun utli għall-iżvilupp tal-IA, iżda fl-istess waqt jenfasizza li l-finanzjament tar-riċerka għandu jgħaddi malajr mill-fażi tal-esperimentazzjoni għall-istadju strutturali. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni tħeġġeġ lid-diversi ċentri ta’ riċerka li bħalissa jinsabu madwar l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw netwerk kollaborattiv f’livell Ewropew li jkun iddedikat għall-intelliġenza artifiċjali.

    3.5.

    Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha żżid l-investiment fl-IA taħt il-programm Orizzont 2020 għal madwar EUR 1,5 biljun sa tmiem l-2020. Jekk jiġi adottat malajr mis-sħubiji pubbliċi-privati attwali, dan l-approċċ ikun jista’ jiġġenera investiment ulterjuri ta’ EUR 2,5 biljuni fi żmien sentejn. L-istess approċċ jeħtieġ jiġi adottat ukoll fil-programm qafas Ewropew futur tal-Orizzont.

    3.6.

    Minn perspettiva differenti, huwa sinjal tajjeb li l-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li għandu jkollu rwol ċentrali ta’ tmexxija biex jappoġġja l-iżvilupp tal-IA fl-UE, nedew il-programm VentureEU, fond ta’ kapital ta’ riskju ta’ EUR 2,1 biljuni biex jagħti spinta lill-investiment f’ditti innovattivi madwar l-Ewropa.

    3.7.

    Madankollu, tant hu qawwi l-isforz meħtieġ biex jinżamm il-pass mal-atturi globali l-oħra li hemm bżonn kbir ta’ koordinazzjoni u sinerġija bejn l-istrumenti kollha u l-finanzjament disponibbli fil-livelli Ewropej u nazzjonali. Huwa ċar li l-kompetizzjoni maċ-Ċina u l-Istati Uniti fil-qasam tal-IA titlob li jitlaqqgħu flimkien il-forzi tal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha li joperaw fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-UE jkollha rwol ewlieni fuq skala globali.

    3.8.

    Sabiex jiġi sfruttat ir-rwol kompetittiv tal-UE fir-rigward tal-IA, se jkun importanti wkoll li jsiru biżżejjed investimenti f’softwer u ħardwer tal-IT adatti u f’infrastrutturi diġitali li jkunu jistgħu jiggarantixxu rwol kredibbli għall-UE f’dan ir-rigward.

    3.9.

    L-investiment fl-IA għandu jqis il-fatt li l-kumpaniji Ewropej huma partikolarment f’saħħithom fl-oqsma tal-awtomatizzazzjoni u r-robotika. Għalhekk, dawn is-setturi, li huma parti tal-AI b’mod ġenerali, jistgħu jkunu tassew importanti biex jiggarantixxu rwol dinji sinifikanti għall-UE fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku li għaddej bħalissa u għalhekk jistħoqqilhom attenzjoni speċifika.

    4.   L-intelliġenza artifiċjali u l-impatt tagħha fuq in-nies u l-ħaddiema

    4.1.

    M’hemmx dubju li l-iżvilupp tal-IA qed javvanza b’pass mgħaġġel ħafna. Huwa għalhekk li l-istituzzjonijiet Ewropej, meta jkunu qed jivvalutaw l-impatt ta’ kull miżura regolatorja fuq l-intelliġenza artifiċjali, jeħtieġ jadottaw approċċ multidixxiplinari li jikkunsidra mhux biss l-aspetti amministrattivi, legali u ekonomiċi, iżda anke dawk antropoloġiċi, psikoloġiċi, soċjoloġiċi u teknoloġiċi.

    4.2.

    Sabiex jiġu appoġġjati dawn l-innovazzjonijiet, iżda fuq kollox biex jiġu orjentati f’mod li jiżgura li fih il-bnedmin jibqgħu fiċ-ċentru tal-interess, huwa importanti li l-Unjoni Ewropea taġixxi biex tikseb livell għoli ta’ kompetittività teknoloġika mingħajr ma tinjora l-aspetti etiċi, soċjali u umani essenzjali.

    4.3.

    Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li: i) il-privatezza individwali u l-ipproċessar responsabbli tad-data tal-individwi jiġu rregolati minn leġislazzjoni adatta, bħat-tnedija effettiva tal-GDPR (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) il-ġdid li, f’każ ta’ bżonn ikollu jiġi aġġornat kontinwament biex ilaħħaq mal-pass mgħaġġel ta’ żvilupp tal-IA; ii) partijiet importanti tal-leġislazzjoni tal-UE applikabbli jiġu evalwati u, jekk ikun meħtieġ, adattati għax-xenarji l-ġodda li ġġib magħha l-IA, u iii) jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet li n-nies, l-amministrazzjonijiet u l-kumpaniji tal-Ewropa għandhom bżonn biex jibbenefikaw b’mod effettiv mill-vantaġġi tal-intelliġenza artifiċjali.

    4.4.

    Fit-tnedija tal-analiżi għandu jitqies li l-IA hija bbażata fuq l-użu u l-ipproċessar ta’ ammonti kbar ta’ data, li jiffurmaw il-bażi ta’ kwalunkwe applikazzjoni msejsa fuq teknoloġiji ġodda. Fid-dawl ta’ dan, l-isfida ewlenija għar-regolatur Ewropew hija l-istabbiliment ta’ aċċess trasparenti u rregolat għall-użu tad-data tal-utent aħħari.

    4.5.

    Aktar ma l-kwalità tad-data pproċessata tkun aħjar, aktar jittejbu l-preċiżjoni u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-IA. Madankollu, ma jridx jintesa li d-data li tikkonċerna lill-individwi trid tinkiseb b’mod legali kif ukoll tintuża f’modi li jkunu magħrufa għal dawk direttament ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat li d-data personali tintuża għal għanijiet predeterminati u trasparenti li għalihom l-utent ikun ta l-kunsens adatt u infurmat tiegħu.

    4.6.

    Tajjeb jiġi nnotat li diversi partijiet importanti tal-leġislazzjoni Ewropea – pereżempju dawk li jirreferu għal reklamar onlajn, prattiki kummerċjali żleali, sikurezza tal-prodotti u responsabbiltà, drittijiet tal-konsumaturi, klawżoli kuntrattwali inġusti, bejgħ u garanziji, assigurazzjoni, u indikazzjoni tal-prezzijiet – jista’ jkollhom bżonn li jitbiddlu u jiġu adattati kif dovut għax-xenarji l-ġodda li jinħolqu minn użu aktar estensiv u rfinat tal-intelliġenza artifiċjali sabiex jiġu protetti l-konsumaturi finali.

    4.7.

    Il-kwistjoni deċiżiva ta’ sikurezza tal-prodotti u ta’ responsabbiltà ġiet ikkunsidrata kif dovut mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ ħidma tagħha SWD (2018) 137 permezz tal-analiżi ta’ studji ta’ każijiet u permezz ta’ lista ta’ partijiet ta’ leġislazzjoni tal-UE li jistħoqqilhom aktar analiżi u valutazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex tkompli din il-ħidma u jinsab lest li jagħti l-kontribut tiegħu f’dan ir-rigward.

    4.8.

    Huwa importanti li jiġu enfasizzati r-rwol ta’ taħriġ kulturali, edukattiv u akkademiku, minn naħa waħda, u l-għoti ta’ informazzjoni adatta lill-pubbliku ġenerali, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-progress tal-AI. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġu żgurati t-trasparenza u l-korrettezza fil-ġestjoni tal-algoritmi tal-IA u tal-bażijiet tad-data li joperaw fihom.

    4.9.

    Għalhekk, huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-Ewropa jirċievu taħriġ adatt, kif ukoll informazzjoni sempliċi u li tinftiehem li jippermettulhom ikunu utenti responsabbli u infurmati ta’ apparat u applikazzjonijiet li jsiru disponibbli permezz tal-iżvilupp teknoloġiku rapidu li jinsab għaddej u li qed jinfirex dejjem aktar fil-livelli kollha.

    4.10.

    Għal dawn it-talbiet kollha, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ joffru soluzzjonijiet ċari u effettivi, jiġifieri billi jippromovu sistema ta’ edukazzjoni moderna u billi jestendu b’mod kostanti t-taħriġ tul il-ħajja fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà ċivili.

    4.11.

    Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-effetti tal-IA fuq is-suq tax-xogħol. Dan huwa tħassib prinċipali għal ħafna ħaddiema Ewropej li jinsabu f’pożizzjoni avvanzata fil-karriera tagħhom, iżda li għadhom ’il bogħod mill-età tal-irtirar u li jħarsu lejn il-bidliet li qegħdin isiru b’nuqqas ta’ fiduċja u biża’. L-analiżi jeħtieġ tqis kemm is-sostituzzjoni possibbli ta’ xi ħaddiema permezz ta’ apparat elettroniku jew robots kif ukoll il-fatt li ċerti funzjonijiet, filwaqt li mhumiex awtomatizzati għalkollox, se jinbidlu b’mod radikali mit-teknoloġiji l-ġodda. Għalhekk, din l-analiżi u l-evalwazzjoni għandhom ikunu ffukati mhux biss fuq it-tibdil inevitabbli u mistenni fil-linji ta’ produzzjoni, iżda wkoll fuq proċess ta’ riflessjoni dwar il-proċessi organizzattivi u l-objettivi tan-negozju abbażi ta’ djalogu soċjali adatt mal-ħaddiema.

    4.12.

    F’ċerti sitwazzjonijiet, kif jiġri u kif ġara b’ħafna teknoloġiji oħra, huwa rakkomandabbli li l-IA tiġi ttestjata f’fażijiet u fi gradi ta’ adattament suċċessivi qabel tintuża b’mod sħiħ, sabiex dawk li jkunu involuti jkunu jistgħu jħossuhom komdi bit-teknoloġiji l-ġodda – inkluż permezz ta’ perkorsi ta’ taħriġ xierqa – u sabiex jitranġa kwalunkwe żball fl-adattament matul il-proċess (4).

    4.13.

    L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda f’kumpaniji tirrikjedi djalogu soċjali bejn l-imsieħba differenti involuti. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet u l-junjins tal-ħaddiema se jkun hemm bżonn li jkunu infurmati u kkonsultati kontinwament.

    5.   L-intelliġenza artifiċjali, l-amministrazzjoni pubblika u s-soċjetà ċivili

    5.1.

    L-IA hija innovazzjoni teknoloġika u soċjali li għandha l-kapaċità li tittrasforma b’mod radikali lis-soċjetà kollha, u tbiddel lis-settur pubbliku għall-aħjar u ttejjeb ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni pubblika. L-opportunitajiet li ġġib l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jżidu kemm l-effiċjenza amministrattiva kif ukoll is-sodisfazzjon taċ-ċittadini permezz ta’ servizzi li jingħataw mill-amministrazzjoni pubblika u bit-tħaddim effettiv ta’ dik l-amministrazzjoni.

    5.2.

    Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, huwa essenzjali li l-impjegati taċ-ċivil ikunu ppreparati wkoll biex jaffaċċjaw il-bidliet u l-isfidi li l-IA se ġġib fis-soċjetà Ewropea. L-impjegaturi u l-kapijiet tal-amministrazzjoni pubblika – flimkien mal-għalliema, dawk li jħarrġu u l-persunal tal-università msemmija hawn fuq – għandhom ikunu kapaċi jifhmu b’mod sħiħ il-fenomenu tal-IA u jiddeċiedu liema għodod ġodda jintroduċu fil-proċeduri amministrattivi.

    5.3.

    L-introduzzjoni tal-IA fis-setturi pubbliċi u privati tirrikjedi t-tfassil ta’ proċeduri li jrawmu l-fehim u l-aċċettazzjoni ta’ teknoloġiji mill-utent permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jippermettu liċ-ċittadini jikkontribwixxu, jekk ikun possibbli permezz ta’ sistemi ta’ governanza parteċipatorja, għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji bbażati fuq l-IA.

    5.4.

    Sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti f’dan ir-rigward, jaf tkun ħaġa utli li jiġu żviluppati modi ta’ kollaborazzjoni u sħubija dejjem aktar affidabbli bejn is-settur pubbliku u dak privat bl-għan li jisfruttaw l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet teknoloġiċi, mill-intelliġenza artifiċjali u mir-robotika.

    5.5.

    L-isfida għall-amministrazzjoni pubblika hija partikolarment diffiċli f’termini legali u ta’ leġittimità, peress li se jkollu jinstab il-bilanċ tajjeb bejn l-interessi pubbliċi (li jinvolvu l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika) u dawk individwali (manifestazzjoni speċifika tal-libertà tal-individwu). Fuq din in-nota, pereżempju, l-użu tal-IA mill-amministrazzjonijiet pubbliċi se jirrikjedi r-rikonċiljazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi mal-protezzjoni tad-data personali u mad-dritt tal-individwu għall-privatezza fi ħdan qafas regolatorju ċar u prevedibbli.

    5.6.

    F’każijiet fejn miżuri ġodda jippermettu lill-amministrazzjoni pubblika tuża t-teknoloġija biex tieħu deċiżjonijiet organizzattivi tagħmel għażliet aktar rapidi – bħall-għażla ta’ kuntrattur f’sejħa għal offerti, il-ġestjoni ta’ lista ta’ stennija għal servizzi partikolari jew ir-reklutaġġ ta’ impjegati ġodda għall-amministrazzjoni pubblika – se jkun meħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-responsabbiltà legali effettiva għal dawk id-deċiżjonijiet fi ħdan qafas legali ċar li jiggarantixxi r-responsabbiltà sħiħa tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadin.

    5.7.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi soċjali jaqdu rwol importanti biex irawmu l-fehim u l-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji mill-individwi, b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmi kollaborattivi li jippermettu l-involviment fil-proċessi tat-trasformazzjoni. L-importanti hawnhekk hija l-possibbiltà li jinħolqu sistemi ta’ governanza parteċipatorja, pereżempju f’forma kooperattiva, għal dawn l-istrumenti, l-ewwel bil-pjattaformi diġitali li diġà qegħdin jintużaw sabiex jinbnew forom ġodda ta’ relazzjoni ekonomika fil-ġestjoni tax-xogħol.

    5.8.

    L-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-suq għandu jkollhom l-għarfien espert u s-setgħat biex jipproteġu l-kompetizzjoni ġusta, id-drittijiet tal-konsumatur, kif ukoll is-sikurezza u d-drittijiet tal-impjegati. Il-korpi pubbliċi jew indipendenti għandhom ikunu responsabbli għall-awditjar algoritmiku. Fl-istess ħin, il-kumpaniji jeħtieġ jintroduċu mekkaniżmi effikaċi għall-awditjar tal-użu tad-data mill-IA.

    Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Ara l-Opinjoni adotta tal-KESE INT/845 – L-intelliġenza artifiċjali: l-antiċipazzjoni tal-impatti tagħha fuq ix-xogħol biex tiġi żgurata transizzjoni ġusta (Opinjoni fuq inizjattiva proprja), relatur: is-Sinjura Salis-Madinier (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  INT/806 tal-31 ta’ Mejju 2017 – L-intelliġenza artifiċjali – Il-konsegwenzi tal-intelliġenza artifiċjali fuq is-suq uniku (diġitali), il-produzzjoni, il-konsum, l-impjiegi u s-soċjetà (ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1).

    (3)  Il-KESE adotta l-Opinjoni SOC/578 – Ġestjoni tat-tranżizzjoni f’dinja tax-xogħol diġitalizzata (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15).

    (4)  Ara l-Opinjoni adotta tal-KESE INT/845 – L-intelliġenza artifiċjali: l-antiċipazzjoni tal-impatti tagħha fuq ix-xogħol biex tiġi żgurata transizzjoni ġusta (Opinjoni fuq inizjattiva proprja), relatur: is-Sinjura Salis-Madinier (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top