Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62018CN0132

    Kawża C-132/18 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-5 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-728/16, Tuerck vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 161, 7.5.2018, p. 38—39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/38


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-5 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-728/16, Tuerck vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-132/18 P)

    (2018/C 161/42)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, B. Mongin, L. Radu Bouyon, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: Sabine Tuerck

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-728/16, Tuerck vs Il-Kummissjoni;

    Tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

    Tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza;

    Tikundanna lil S. Tuerck għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fir-rigward tal-proċeduri ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti f’fond nazzjonali lejn is-sistema tal-pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Radek Časta (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, C-166/12, punti 24, 28 u 31) li skontha t-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-konverżjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskema nazzjonali fi snin ta’ servizz biex tiġi kkunsidrata fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni. Din it-tranżazzjoni tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-apprezzament tal-kapital bejn l-applikazzjoni u d-data tat-trasferiment attwali previst mir-Regolamenti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa sabiex twettaq tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u t-trasferiment attwali tal-kapital. Meta qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza sabiex twettaq dawn it-tnaqqisijiet, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, injorat il-kompetenza rrikonoxxuta lill-Kummissjoni minn dan l-artikolu u wettqet żball ta’ liġi.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li t-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital seta’ jsir b’rata differenti minn dik prevista mir-Regolamenti tal-Persunal u biss abbażi tal-kapital trasferibbli. Issa, it-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital għandu jsir b’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, u dawn jimponu l-osservanza tal-bilanċ attwarjali u jipprevedu li, sabiex dan isir, għandha tiġi applikata r-rata ta’ 3,1 %. Barra minn hekk, billi rreferiet għall-mument “trasferibbli” filwaqt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi li t-trasformazzjoni tal-ammonti li jirrappreżentaw id-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna kkonċernata fi snin ta’ servizz għandha ssir abbażi tat-trasferiment attwali, il-Qorti Ġenerali marret kontra dan it-test u naqset milli tosserva s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fuq appell fit-13 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergij (T-104/14 P).

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-għoti ta’ prijorità lid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fuq ir-Regolamenti tal-Persunal stess, li huwa ġerarkikament superjuri għal dawn id-dispożizzjonijiet, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tat lid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni interpretazzjoni li tmur kontra l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni statutorja li dawn id-DĠI huma intiżi li jimplimentaw, u marret kontra l-prinċipju li skontu r-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Radek Časta, ma jippermettux li jiġu ttrasformati fi snin ta’ servizz ammonti li fattwalment ma jirrappreżentawx drittijiet għall-pensjoni. Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, u dan billi permezz ta’ raġunijiet kontradittorji sostniet li l-fond nazzjonali kien wera l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni u dik tat-trasferiment attwali.

    Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta identifikat arrikkiment indebitu li ma jeżistix. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun hemm arrikkiment indebitu meta tiġi kkonvertita fi snin ta’ servizz parti biss mill-kapital ittrasferit, filwaqt li dan it-trasferiment għandu jiġi evalwat fid-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u sussegwentement isegwi s-sistema tal-fondi “kunċettwali” bbażata fuq sistema ta’ kapitalizzazzjoni. Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni: il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien jeżisti arrikkiment indebitu mingħajr ma spjegat il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni fid-dawl tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ammont li kien jeċċedi l-applikazzjoni tar-rata ta’ 3,1 % kien ġie rrimborsat lill-uffiċjal ikkonċernat.


    Início