Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0087

    Kawża C-87/18: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    ĠU C 161, 7.5.2018, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/20


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    (Kawża C-87/18)

    (2018/C 161/22)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek, F. Thiran, G. von Rintelen, aġenti)

    Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li billi ma daħħalx fis-seħħ, l-iktar tard, fit-18 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonforma mad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, (ĠU L 94, p. 65), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 90(1) tal-imsemmija direttiva;

    timponi fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ pagament ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 11 628 għal kull jum b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża għal nuqqas tal-obbligu tal-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE;

    tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    1.

    L-Istati Membri kienu obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, li jdaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva l-iktar tard fit-18 ta’ April 2016. Fin-nuqqas tal-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva mil-Lussemburgu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja.

    2.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 11 628 jkun impost fuq il-Lussemburgu. L-ammont tal-pagament ta’ penalità ġie kkalkolat fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-effett dissważiv skont il-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.


    Top