Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0086

    Kawża C-86/18: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    ĠU C 161, 7.5.2018, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/19


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    (Kawża C-86/18)

    (2018/C 161/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek, F. Thiran, G. von Rintelen, aġenti)

    Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    Talbiet

    Tikkonstata li, billi ma daħħalx fis-seħħ, mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1), jew fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva;

    Timponi fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 12 920 għal kull ġurnata mid-data meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE;

    Tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    1.

    L-Istati Membri kienu obbligati, skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2014/23/UE li jdaħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016. Fl-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva mill-Lussemburgu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    2.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi pagamenti ta’ penalità għal kull ġurnata ta’ EUR 12 920 imposti fuq il-Lussemburgu. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ġie kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-effett dissważiv skont il-kapaċità ta’ pagament ta’ dan l-Istat Membru.


    Top