Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE6928

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa” [COM(2016) 769 final]

    ĠU C 345, 13.10.2017, p. 120–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/120


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa”

    [COM(2016) 769 final]

    (2017/C 345/20)

    Relatur:

    Laure BATUT

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Kompetenza

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    14.6.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    5.7.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    527

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    127/15/4

    1.   Rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq ifakkar li l-pakkett Ewropew dwar l-enerġija għandu l-għan li jqiegħed lill-konsumatur fil-qalba, u jixtieq li dan il-kunċett jiġi definit u implimentat. Il-konsumatur jista’ biss jassumi r-rwol ġdid tiegħu jekk ikun jista’ jistrieħ fuq dokumenti ċari li jagħtuh il-mezzi biex jagħmel dan. Il-KESE huwa tal-fehma li sabiex l-“unjoni tal-enerġija” tkun ta’ suċċess hemm bżonn ta’ viżjoni orjentata lejn il-ġejjieni dwar dak li ċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej għandhom x’jiggwadanjaw minn dan il-proġett, bħal pereżempju li jkunu aktar ugwali.

    1.2.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-azzjoni fuq id-domanda għall-enerġija permezz tas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u tal-professjonisti (edukazzjoni, taħriġ) tista’ tagħmilhom responsabli tal-għażliet tagħhom u tal-imġiba tagħhom relatata mal-enerġija.. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista’ tiddaħħal fil-karta tal-bilanċ relatata mal-enerġija, tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-konsum u, għaldaqstant, ikollha impatt fuq l-ispejjeż, anke meta l-prezzijiet jogħlew. Madankollu, din waħedha ma tistax issolvi l-problemi marbutin mat-tibdil fil-klima, mas-sigurtà tal-provvista jew mal-faqar. (1) L-effikaċja fl-enerġija u n-nuqqas ta’ konsum ma humiex sors ta’ enerġija.

    1.3.

    Il-KESE jirrakkomanda li titwessa’ l-analiżi tad-data fis-snin li ġejjin billi jiġu inklużi studji dwar aktar sorsi ta’ enerġija, u jirrakkomanda li jittieħed interess fi tliet tipi ta’ konsum: dak tad-djar, dak tal-industriji u dak tal-industriji tas-servizzi.

    1.4.

    Ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tat-tweġibiet għad-domanda tal-enerġija sabiex tkun magħrufa ir-rata li biha jiġu sodisfati l-ħtiġijiet reali bi prezz sostenibbli (Artikolu 14 tat-TFUE).

    1.5.

    Il-KESE jirrakkomanda li r-rapport jiffoka fuq l-ammonti li l-intrapriżi u/jew il-konsumaturi jonfqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u sabiex iqiegħdu fil-prattika r-riżultati tar-riċerka dwar il-ħażna tal-enerġija. Dan għandu jiġi rifless fil-prezz tal-enerġija u fl-ispejjeż tal-finanzjament tan-netwerks.

    1.6.

    L-ispiża tal-ħsara ambjentali għandha tiġi vvalutata u tkun aċċessibbli faċilment minn kulħadd.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li fil-bidu tar-rapporti biennali tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija jkun hemm glossarju sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jinftehmu mill-konsumaturi kollha.

    1.8.

    Għall-iskop ukoll tat-trasparenza, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex iżżid dikjarazzjoni għal kull Stat Membru studjat li tkun tinkludi ħames punti ta’ referenza għal kull sors ta’ enerġija:

    id-differenza fil-prezz annwali bejn il-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa u l-prezz tal-bejgħ bl-imnut,

    il-komponenti “materja prima”, “netwerk” u “fiskali” fil-prizz għall-konsumatur,

    ir-rata ta’ profitt li l-intrapriżi tal-katina ta’ valur ikollhom annwalment, speċjalment il-fornituri nazzjonali;

    il-proporzjon u d-distribuzzjoni tal-għajnuna Ewropea lill-Istat u lill-intrapriżi u

    is-sehem tat-tariffi regolati u t-tariffi soċjali fit-total tal-prezzijiet bl-imnut.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea fformulat l-ewwel rapport dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (UE); l-imperfezzjoni tad-data miġbura wasslitha biex tipproponi regolament (2) dwar l-istatistika Ewropea fir-rigward tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku.

    2.2.

    L-għan huwa li jiġi vverifikat il-livell ta’ żvilupp tas-suq intern tal-enerġija li għadu mhux komplut, u li jiġu definiti l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, f’dan il-qasam ta’ kompetenza kondiviża.

    3.   Sommarju tar-rapport tal-Kummissjoni

    3.1.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni eżaminat huwa għalhekk it-tieni wieħed. Dan jevalwa s-sitwazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija fis-setturi tal-gass, tal-elettriku u tal-prodotti taż-żejt, u l-konsegwenzi tagħhom għall-familji u l-industriji, u jenfasizza l-politiki strateġiċi tal-UE sabiex tikseb l-unjoni tal-enerġija.

    4.   Il-prezz tal-elettriku

    4.1.

    Il-Kummissjoni ssemmi xi rekwiżiti biex tinfluwenza l-prezz tiegħu: li tiġi żviluppata l-effiċjenza fl-enerġija u jintużaw l-enerġiji alternattivi, li fihom l-Unjoni tixtieq tkun il-mexxej globali.

    4.2.

    Fil-fatt, l-importazzjonijiet netti mill-Istati tal-Unjoni tal-elettriku minn karburanti fossili kif ukoll id-dipendenza tagħhom żdiedu, u dan qajjem dibattiti diffiċli dwar il-gass u ż-żejt tax-shale.

    4.3.

    Sa mill-2008, il-prezzijiet bl-ingrossa naqsu b’mod kostanti u kkonverġew fis-suq uniku, li wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-faħam u tal-gass. Madankollu, bosta fatturi nazzjonali jipprevjenu l-impatt ta’ dan it-tnaqqis fuq il-prezzijiet bl-imnut li jibqgħu jgħolew, minħabba li l-prezz medju għall-familji żdied bi 3,2 % fuq l-istess perjodu:

    il-komponent “enerġija” naqas bi 15 % bejn l-2008 u l-2015;

    il-komponent “netwerk” żdied bi 3,3 % fis-sena;

    il-komponent “taxxi u imposti”, li huwa maqsum f’10 subkomponenti (3) li jinkludu l-VAT, it-tariffi soċjali, l-impjiegi, il-kumpensi, is-sigurtà tal-provvista, il-ħlasijiet tal-konċessjonijiet, eċċ., żdied b’10 punti, minn 28 għal 38 % tal-prezzijiet.

    4.4.

    Il-prezz tal-elettriku għall-intrapriżi żdied bi ftit: bejn 0,8 u 3,1 % fis-sena, mill-2008 sal-2015, filwaqt li l-konsumaturi “kbar” setgħu jibbenefikaw minn tariffi adattati.

    4.5.

    Il-Kummissjoni tindika li jeżistu differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri, fejn id-distakk jista’ jittripla għall-familji, minħabba l-fattur “taxxi u imposti” (59 % fid-Danimarka, 5 % f’Malta).

    4.6.

    Bħala medja, l-elettriku Ewropew huwa aktar għoli milli fl-Istati Uniti, iżda ħafna orħos milli fil-Ġappun.

    5.   Il-prezz tal-gass

    5.1.

    Il-gass jirrappreżenta 23 % tal-konsum tal-enerġija primarja fl-Unjoni, li 15 % minnu huwa ddedikat għall-produzzjoni tal-elettriku; dan jirrappreżenta terz tal-bżonnijiet tal-enerġija tal-familji u tal-intrapriżi.

    5.2.

    L-UE tiddependi 69 % fuq l-importazzjonijiet tal-gass u fuq il-ftit fornituri tagħha, għalhekk hija mġiegħla tlaħħaq mal-varjazzjonijiet tat-tendenzi globali tal-prezzijiet.

    5.3.

    Il-prezzijiet bl-ingrossa niżlu b’50 % mill-2013, partikolarment minħabba n-nuqqas tad-domanda globali, il-produzzjoni Amerikana tal-gass tax-shale u l-indiċjar tal-prezz tal-gass fuq dawk taż-żejt.

    5.4.

    Sa mill-2008, il-prezzijiet bl-imnut għall-familji żdiedu bi 2 % fis-sena. Barra minn hekk, il-komponent “taxxi u imposti” huwa importanti u żdied b’4,2 % fis-sena u jispjega, flimkien mal-ispejjeż tan-netwerk, id-differenza kbira bejn l-Istati Membri, fejn l-ogħla prezz (fl-Iżvezja) huwa erba’ darbiet aktar mill-prezz l-aktar baxx (fir-Rumanija).

    5.5.

    Għall-industriji u l-konsumaturi industrijali “kbar”, il-prezzijiet naqsu, u huwa l-komponent “enerġija” li huwa l-aktar importanti fl-ipprezzar, għaldaqstant l-impatt tal-prezzijiet bl-ingrossa fuq il-prezzijiet bl-imnut jippermetti ħafna aktar konverġenza fis-suq uniku.

    5.6.

    Fil-livell dinji, sa mill-2013, l-Ewropa tinsab fil-medja tal-konverġenzi b’tendenza ta’ tnaqqis, għalkemm tibqa’ ogħla mill-prezzijiet tal-Istati Uniti u tar-Russja.

    6.   Il-prezzijiet taż-żejt

    6.1.

    Minn Mejju 2014 sa’ Jannar 2016, f’19-il xahar, il-prezz taż-żejt mhux raffinat f’dollari naqas b’77 %, imbagħad reġa’ żdied, dan filwaqt li l-prezz baqa’ n-nofs tal-prezzijiet tal-2014.

    6.2.

    Il-prezzijiet bl-imnut ġew affettwati xi ftit inqas minħabba li l-euro ddgħajfet meta mqabbla mad-dollaru u t-taxxi u l-imposti baqgħu komponent importanti tal-prezz.

    L-Unjoni stabbiliet rati minimi tad-dazju tas-sisa (4), iżda l-Istati Membri ġeneralment jagħżlu li jaqbżuhom: fl-2015, it-taxxi kienu jirrappreżentaw 63 % tal-prezz medju bl-imnut tal-petrol u 57 % tad-diżil, b’differenzi skont l-Istati.

    6.3.

    Fil-qosor, il-prezzijiet tat-tliet sorsi naqsu mir-rapport preċedenti u t-tnaqqis affettwa l-prezzijiet bl-ingrossa. Dan affettwa wkoll il-prezz bl-imnut ta’ prodotti taż-żejt, filwaqt li dawk tal-gass u tal-elettriku żdiedu minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tan-netwerk u speċjalment it-taxxi u l-imposti.

    7.   L-ispejjeż tal-enerġija tal-familji

    7.1.

    Għat-tliet sorsi, sa mill-2008, il-konsum tal-familji kien pjuttost stabbli.

    L-infiq tagħhom żdied minħabba żieda fil-prezzijiet bl-imnut, tal-gass u tal-elettriku (minbarra t-trasport). Fir-rigward tas-sehem tar-riżorsi ddedikat għall-enerġija jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri, li bla dubju jolqot l-aktar lill-familji foqra: 8,6 % fl-2016 meta mqabbel mas- 6,2 % fl-2004. Il-konsum tal-familji naqas b’4 % matul il-perjodu.

    7.2.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa tal-miżuri soċjali għall-konsumaturi vulnerabbli biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku.

    8.   L-ispejjeż tal-enerġija tal-intrapriżi

    8.1.

    F’paragun, għal 14-il settur industrijali ta’ konsum intensiv, bejn l-2008 u l-2013 l-ispejjeż tal-enerġija naqsu għall-intrapriżi, u f’dawn l-aħħar snin, is-sehem tal-ispiża tal-enerġija fl-ispejjeż tal-produzzjoni kien bħala medja bejn 5 u 10 %. Dan huwa minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet għall-konsumaturi kbar, għall-eżenzjonijiet u għat-tnaqqis fit-taxxa u mhux b’mod partikolari għall-miżuri indirizzati lejn l-effiċjenza fl-enerġija.

    8.2.

    Il-Kummissjoni tqis li, fil-livell internazzjonali, l-Unjoni mhijiex ekonomija li tuża ħafna enerġija u li l-kompetittività u l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-enerġija għandhom jippermettu l-provvista tal-enerġija meħtieġa lill-intrapriżi u lill-familji bl-aktar mod kost-effettiv possibbli, filwaqt li jiġi evitat kull effett inflazzjonarju u fin-nuqqas ta’ għotjiet mill-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għal distorsjonijiet mhux ġustfikati fis-suq: EUR 113-il biljun imħallsa fl-2012, li minnhom 17,2 huma għotjiet diretti, EUR 263 biljun ta’ taxxi fl-2014, jiġifieri 1,88 % tal-PDG tal-UE.

    9.   Kummenti ġenerali

    9.1.

    L-enerġija hija element ċentrali għall-ekonomiji u l-familji. Il-konsum tagħha jikkawża l-emissjonijiet tas-CO2 li jagħmel ħsara lill-klima u l-esseri ħajjin. L-Unjoni bdiet it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Il-fehim ta’ mekkaniżmi tal-iffissar tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-enerġija għandu jkun fattur ta’ tranżizzjoni aħjar u ta’ ġlieda kontra l-faqar enerġetiku (5).

    9.2.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni inkwistjoni juri li, fl-Unjoni m’hemmx prezz uniku tal-enerġija, iżda prezzijiet għall-vetturi differenti tal-enerġija li jvarjaw skont il-qagħda ġeografika, il-prattiki nazzjonali, iż-żmien u l-modi tal-użu tal-utenti.

    9.3.

    “Barometru tal-prezzijiet tal-enerġija” (European Climate Foundation) għall-familji huwa ppubblikat f’diversi pajjiżi Ewropej, u min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, ippubblikat ir-rapporti tagħha minn sentejn ilu.

    10.   Il-vetturi

    10.1.

    Iż-żejt, il-faħam u l-gass, li għadhom jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-enerġija globali użata, permezz tal-enerġija tal-bijomassa, l-enerġija nukleari u l-elettriku, ma jistgħux jinħażnu u jiġu ttrasportati bl-istess mod:

    iż-żejt jiġi ttrasportat faċilment: il-prezz tiegħu jista’ jkun omoġenju f’żoni ġeografiċi kbar;

    il-gass irid ikun likwifikat: dan jeħtieġ infrastrutturi għaljin li huma sostnuti minn korpi differenti;

    l-elettriku, prodott “derivat” li ġej minn sorsi oħra tal-enerġija, ma jistax jinħażen, jirrikjedi infrastrutturi relatati mal-produzzjoni u mat-trasport u għandu spejjeż finali differenti għall-utenti u l-industriji.

    10.2.

    Il-prezz tal-enerġija għandu impatt fuq il-kompetittività ta’ settur, skont ir-rata tal-enerġija diretta użata u tal-enerġija inkorporata fil-konsum intermedju tiegħu għall-produzzjoni ta’ oġġett. Spiża baxxa tal-enerġija tista’ tinfluwenza l-kompetittività (jiġifieri l-gass tax-shale Amerikan) mingħajr ma tkun fattur strutturali tal-produttività.

    10.3.

    Bosta Stati Membri jimpurtaw l-enerġija mill-ġirien tagħhom tal-Unjoni jew mill-pajjiżi tal-viċinat: is-sitwazzjoni ġeopolitika taffettwa s-sigurtà tal-provvista u l-prezz.

    10.4.

    Il-prezz ta’ barmil żejt dejjem huwa pprezzat bid-dollaru: ir-rati tal-kambju, u b’hekk is-sitwazzjoni tal-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea għandha rwol fil-kompetizzjoni u fl-ipprezzar għall-konsumatur finali.

    10.5.

    L-impatt tal-prezz tal-enerġija mħallas mill-industriji u l-familji jinħass fuq id-domanda globali. Fil-kummerċ tal-UE, ħafna mill-iskambji tal-oġġetti huma intra-Ewropej u jikkonsistu f’oġġetti pproċessati li huma sensittivi għall-varjazzjonijiet fil-prezz tal-enerġija.

    11.   Prezzijiet u spejjeż

    11.1.    *Prezzijiet

    11.1.1.

    Spiża jew prezz? Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, faċilment nużaw waħda minflok l-oħra. Ir-rapport tal-Kummissjoni [COM(2017) 769] kien ikun aktar ċar li kieku beda b’dan il-punt.

    11.1.2.

    L-aktar evidenti huwa l-prezz. Il-prezz huwa l-espressjoni tal-valur ta’ skambju ta’ unità ta’ oġġett jew servizz tal-enerġija. F’suq kompletament “ħieles”, dan ikun il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda.

    11.1.3.

    F’suq globali sofistikat, jeżistu prezzijiet daqs kemm jeżistu swieq. U f’kull stadju tat-tranżazzjonijiet, l-elementi esterni jinfluwenzawh (esternalitajiet). Imbagħad jintervjenu l-elementi ta’ politika interna tal-Istati Membri, bħall-istruttura tas-settur, it-tassazzjoni, il-klima, il-kapaċità tal-akkwist tal-familji, il-kompetittività tal-intrapriżi, eċċ.

    11.1.4.

    L-unjoni tal-enerġija tista’, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tiffaċilita dawn l-elementi ta’ differenza u ta’ inġustizzja fost l-Ewropej.

    11.2.    *Spejjeż

    11.2.1.

    L-ispejjeż jikkorrispondu għall-prezz ta’ materja prima tal-enerġija meħtieġa għall-produzzjoni ta’ oġġett jew ta’ servizz u biex dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi (“Les prix et les coûts des sources d’énergie” (Il-prezzijiet u l-ispejjeż tas-sorsi tal-enerġija), Jean-Marie Martin-Amouroux, 20.2.2017). Jista’ jkun hemm differenzi kbar ħafna fl-ispejjeż skont l-għażla tal-katina tal-produzzjoni tal-enerġija użata (SWD/2016/420 final).

    11.2.2.

    Fil-każ tal-SMEs, li jirrappreżentaw 90 % tan-nisġa ekonomika Ewropea, anke jekk mhumiex ikklassifikati bħala konsumaturi kbar tal-enerġija, l-ispiża tal-enerġija li huma jakkwistaw u dik tal-enerġija inkorporata fil-prodotti bażiċi li huma jipproċessaw jista’ jkollhom impatt qawwi fuq il-prezz tal-ispejjeż ta’ oġġetti prodotti u fuq il-bejgħ tagħhom.

    11.2.3.

    Barra minn hekk, l-ispiża tal-enerġija mhijiex fattur li jista’ jiġi modifikat faċilment, iżda hija nefqa limitata; peress li hija fattur importanti fl-ispiża tal-produzzjoni, din titfa’ piż fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ oġġetti, il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi hija affettwata u ż-żieda fid-domanda tista’ b’hekk tiddgħajjef (il-każ tal-vetturi). Għall-intrapriża, is-sorsi tal-enerġija jibqgħu sostitwibbli: jekk iż-żejt jogħla, jibda jintuża l-gass, eċċ.

    11.2.4.

    Il-kwistjoni dwar l-ispiża tal-enerġija tirreferi għal kwistjonijiet tad-diplomazija Ewropea, tad-definizzjoni ta’ politika industrijali Ewropea, u mhux biss għall-industriji tas-setturi li jużaw ħafna enerġija.

    12.   Kummenti speċifiċi

    12.1.

    Dan id-dokument huwa parti mill-pakkett tal-“Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha” (6), fejn il-Kummissjoni tipprovdi aġġornament tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa. Il-KESE jiddispjaċih li l-prospett tat-transizzjoni mhijiex affirmata b’mod iktar sod fil-pakkett. L-ispejjeż differenti skont is-sorsi differenti ta’ produzzjoni tal-elettriku kieku jinftehmu aħjar. Il-kontenut tal-enerġija ta’ oġġett jiddependi fuq il-katina kollha ta’ produzzjoni u fuq l-ispejjeż tal-enerġija. Il-kompetittività tal-intrapriżi hija mhedda, u lil hinn minn dan, hija mhedda wkoll il-kapaċità tagħhom li joħolqu impjiegi sostenibbli u li jħarsu l-ambjent.

    12.2.

    It-testi Ewropej differenti għamlu lill-UE referenza komuni fil-ġlieda tal-Istati kontra l-gass b’effett ta’ serra (GHG), għall-effiċjenza fl-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli. Iżda l-għażla ta’ “taħlita” hija f’idejn l-Istati Membri. Bejniethom jeżistu xi diverġenzi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni u l-orjentazzjonijiet tagħhom tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Din hija sitwazzjoni responsabbli għad-dumping u li tagħmel l-governanza tal-unjoni tal-enerġija diffiċli (7).

    12.3.

    Approċċ ta’ “kull kompetizzjoni”, skont it-twemmin tat-tmeninijiet, ma jqisx ir-realtà globali tas-settur tal-enerġija u lanqas id-direzzjonijiet ġodda tal-Unjoni: il-konsumatur jitqiegħed fiċ-ċentru tas-sistema, ma jistax jintwera dispjaċir dwar “l-imperfezzjoni tas-suq”, u lanqas dwar il-firxa wiesgħa tal-interventi pubbliċi għas-settur tal-enerġija li jikkostitiwixxu ħafna “għotjiet”, u lanqas dwar il-bażi għad-dħul mit-taxxa importanti għad-dħul tal-Gvern. Dan jista’ jissejjaħ ir-ridistribuzzjoni li tikkumpensa l-ispiża soċjali tal-enerġija li saret intollerabbli għal bosta ċittadini.

    12.4.

    Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u b’mod partikolari tal-elettriku, jista’ jkollha effett ta’ rilokazzjoni tal-impjieg; l-istabbiltà fil-politiki pubbliċi hija indispensabbli għall-impjegati, l-intrapriżi u l-investituri.

    12.5.

    L-inugwaljanzi bejn in-nies u bejn l-Istati Membri jibqgħu evidenti. Huma jeżistu wkoll bejn l-intrapriżi, il-konsumaturi kbar u oħrajn, u bejn l-individwi u l-intrapriżi. Il-liberalizzazzjoni tas-suq Ewropew, li qerdet il-monopolji nazzjonali sabiex tiġi introdotta l-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi, wasslet għaż-żieda fil-kontijiet tal-konsum finali tal-gass u tal-elettriku u ma fixklitx il-ħolqien ta’ oligopolji mhux kompetittivi. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kunċett tal-ugwalizzazzjoni bejn il-“konsumaturi”, li jissejjaħ ukoll sussidju inkroċjat, jista’ jkun kunċett Ewropew.

    12.6.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna t-tħaffif tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa (8), is-“sistema ta-enerġija” laħqet punt li minnu m’hemmx ritorn fl-Ewropea u fejn l-enerġiji rinnovabbli qed isiru dejjem aktar kompetittivi. Il-Kunsill Ewropew adotta miżuri dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji u l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija. Is-sorsi rinnovabbli jirrappreżentaw sehem dejjem jikber tal-produzzjoni tal-elettriku u r-rati tal-intensità tal-enerġija – li jkejlu l-konsum tal-enerġija b’rabta mal-prestazzjoni ekonomika – li qed jonqsu, b’mod partikolari fl-ekonomiji żviluppati.

    12.7.

    Il-komunikazzjoni inkwistjoni tippreżenta pakkett ta’ miżuri leġislattivi bbażat fuq tliet għanijiet prinċipali:

    li tingħata prijorità lill-effiċjenza fl-enerġija;

    tkun fuq quddiem nett fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli;

    jingħata trattament ġust għall-konsumaturi.

    12.8.

    L-approċċ ta’ kwistjonijiet tal-prezzijiet u tal-ispejjeż mill-Unjoni għandu jinbidel radikalment u għandu jitqies il-każ ta’ konsumaturi vulnerabbli u sa liema punt il-politiki pubbliċi għandhom jiffinanzjaw l-enerġiji rinnovabbli sabiex il-familji ma jiġux intaxxati ħafna. Il-Kummissjoni ssemmi approċċ reġjonali aktar intuwittiv u qrib il-konsumaturi, bil-għan li nimxu lejn suq uniku.

    12.9.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa tal-miżuri soċjali għall-konsumaturi vulnerabbli biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku. Dan kollu huwa tajjeb, iżda dawn il-miżuri mhumiex iffinanzjati mill-marġni ta’ profitt tal-intrapriżi l-kbar fis-setturi tal-enerġija, iżda miċ-ċittadini l-oħra u t-taxxi tagħhom, u mill-baġits tal-Istati Membri.

    12.10.

    Il-Kumitat jenfasizza li r-rapport jagħti għadd kbir ta’ informazzjoni miġbura minn numru ta’ atturi iżda jiddispjaċih li din it-trasparenza kem dwar il-prezz kif ukoll dwar l-ispejjeż mhux qed tilħaq lill-famillji: għall-enerġija rinnovabbli, l-ispejjeż tan-netwerk jistgħu jammontaw għal 50 % (Rapport taċ-Ċentru tal-Analiżi Strateġika, 2012, Franza). Statistika tajba, kif propost fil-proposta għal regolament tal-Kummissjoni (ara nota f’qiegħ il-paġna nru 1), hija meħtieġa għall-għażliet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-konsumaturi. Din għandha tinkludi l-ispiża tal-ħsara ambjentali u tkun faċilment aċċessibbli għal dawk li għalihom ittieħdu dawn il-miżuri u li jridu jifhmu għaliex u kif huma jiksbu u jħallsu għall-enerġija.

    Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” (ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64).

    (2)  ĠU L 311, 17.11.2016, p. 1.

    (3)  COM(2016) 769 final, p. 7, nota f’qiegħ il-paġna Nru 8.

    (4)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    (5)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21.

    (6)  COM(2015) 80 final.

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (ĠU C 246, 28.7.2017, p. 34).

    (8)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni għal enerġija nadifa (TEN/619), għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


    Top