Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52017IE0807

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil industrijali fl-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 345, 13.10.2017, S. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/32


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil industrijali fl-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 345/05)

    Relatur:

    José Manuel ROCHE RAMO

    Korelatur:

    Estelle BRENTNALL

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    26.1.2017

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-CCMI

    22.6.2017

    Adottata fil-plenarja

    5.7.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    527

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    111/1/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE qed tħejji għal waħda mill-akbar bidliet fl-istorja tagħha: it-tmiem tal-kwoti ta’ produzzjoni fl-1 ta’ Ottubru 2017. It-tmiem tal-kwoti jippreżenta opportunitajiet għall-manifatturi taz-zokkor tal-pitravi tal-UE, b’mod partikolari l-possibbiltà li jiġi prodott aktar zokkor għall-użu fl-ikel u ssir esportazzjoni mingħajr limiti. Biex tibbenefika minn dawn l-opportunitajiet, l-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE ħadmet ħafna biex iżżid il-kompetittività tagħha. Madankollu, it-tmiem tal-kwoti ta’ produzzjoni joħloq ukoll riskji addizzjonali u inċertezzi u jista’ jqiegħed is-settur taħt pressjoni. Il-kompetizzjoni se tintensifika, u b’hekk titfa’ pressjoni fuq il-prezzijiet kemm għall-kultivaturi u kif ukoll għall-proċessuri, filwaqt li l-isoglukożju huwa mistenni jieħu sehem akbar mis-suq. Il-manifatturi u l-bdiewa taz-zokkor tal-pitravi tal-UE anqas kompetittivi jistgħu jsibuha diffiċli biex jissopravivu f’ambjent tas-suq eħrex u aktar volatili. Dan jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-ħaddiema, għall-impriżi, għall-bdiewa u għall-komunitajiet rurali. Huwa essenzjali li dawk li jfasslu l-politika jibqgħu viġilanti fir-rigward tal-futur tas-settur.

    1.2.

    L-għajnuna għall-ħżin privat taz-zokkor se tkun l-uniku strument speċifiku li jibqa’ bħala għażla biex jappoġġja l-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE wara t-tmiem tal-kwoti ta’ produzzjoni. Madankollu, fil-każ ta’ kriżi tas-suq fis-settur taz-zokkor tal-pitravi tal-UE, mhuwiex ċar taħt liema ċirkostanzi din l-għajnuna tista’ tiġi introdotta. Il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat iridu jkunu ddefiniti aħjar sabiex is-sistema tkun adegwata għall-fini tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra li tiddefinixxi livell limitu oġġettiv għall-prezz li jkun jiskatta l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-attivazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Dan jagħmel il-proċess anqas suġġettiv, u jippromwovi l-introduzzjoni rapida u uniformi ta’ tali għajnuna fi żminijiet ta’ kriżi. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ kriżi, bħall-Artikolu 222 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, għandhom jiġu esplorati wkoll bħala għażla. Dan il-kumitat jilqa’ l-istabbiliment tal-Osservatorju tas-Suq taz-Zokkor; sakemm il-kompożizzjoni tiegħu tkun ibbilanċjata u jitlaqqa’ fil-ħin jekk jinħolqu d-diffikultajiet fis-suq.

    1.3.

    Il-PAK għandha tinkludi għodda tas-suq li tappoġġja l-produzzjoni kontinwa taz-zokkor fl-Istati Membri tal-UE. L-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-ħolqien tax-xogħol u għall-attività ekonomika, kif ukoll għall-kompetittività tal-industrija tal-ikel u x-xorb. Bħalissa l-PAK tippermetti lill-Istati Membri jagħtu appoġġ akkoppjat lil dawk is-setturi jew ir-reġjuni fejn tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi li huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali jgħaddu minn ċerti diffikultajiet. Dan huwa l-każ għall-kultivazzjoni tal-pitravi taz-zokkor f’reġjuni vulnerabbli. Il-pagamenti diretti akkoppjati għandhom ikunu ffokati fuq it-tnaqqis tar-riskju ta’ tnaqqis fil-produzzjoni tal-pitravi taz-zokkor u/jew l-abbandun tagħha f’dawn ir-reġjuni sabiex tiġi evitata d-deżertifikazzjoni rurali u tiġi preservata l-bijodiversità. Fil-kuntest ta’ żieda fil-volatilità, l-appoġġ dirett għall-bdiewa għandu jiġi ssupplimentat b’aċċess aħjar għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju. L-interdipendenza tal-proċessuri u tal-bdiewa hija r-raġuni għall-qafas kuntrattwali speċifiku li jirregola r-relazzjoni bejn il-kultivaturi u l-proċessuri fis-settur.

    1.4.

    Fil-każ ta’ żviluppi mhux favorevoli fis-suq taz-zokkor tal-UE mill-1 ta’ Ottubru 2017, jista’ jkun hemm xi sensji. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tesplora l-adegwatezza tad-diversi Fondi Strutturali u ta’ Investiment (SIE) sabiex tappoġġja l-impjiegi reġjonali jew lokali, b’mod partikolari għall-ħaddiema u l-bdiewa milquta minn għeluq possibbli tal-utilitajiet. Jista’ jkun meħtieġ li jsiru eċċezzjonijiet rigward il-kriterji għall-introduzzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-fondi.

    1.5.

    Mill-1 ta’ Ottubru 2017, il-manifatturi taz-zokkor tal-pitravi tal-UE se jkunu obbligati li jinnotifikaw kemm il-prezz tal-bejgħ tal-prodott prinċipali tagħhom kif ukoll il-prezz tax-xiri tal-input primarju tagħhom. Dan il-grad ta’ trasparenza tas-suq mhuwiex qed jaqbel mat-trasparenza aktar ’l isfel fil-katina ta’ provvista u mill-produtturi tal-isoglukożju. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tas-Swieq Agrikoli biex testendi t-trasparenza tas-suq downstream sal-utenti taz-zokkor, biex tingħata stampa aħjar ta’ kif il-valur miżjud huwa maqsum tul il-katina ta’ provvista. It-trasparenza tas-suq – kemm għall-produtturi taz-zokkor u tal-isoglukożju jew għall-utenti taz-zokkor – m’għandhiex taffettwa l-pożizzjonijiet kompetittivi ta’ dawk l-impriżi affettwati.

    1.6.

    Iż-żieda fl-esportazzjonijiet taz-zokkor se tkun kruċjali għall-industrija taz-zokkor tal-UE wara t-tmiem tal-kwoti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-esportazzjonijiet taz-zokkor tal-UE u tisfida l-impożizzjoni arbitrarja ta’ strumenti għad-difiża tan-negozju minn importaturi ta’ pajjiż terz. Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżerċita kawtela fis-segwitu tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-kuntest tan-negozjati tal-UE dwar il-kummerċ ħieles. Hija għandha tisfida l-politiki ta’ appoġġ li jgħawwġu l-kummerċ tal-produtturi u l-esportaturi taz-zokkor dinjija ewlenin b’mod aktar assertiv, kemm fid-WTO u kemm waqt negozjati kummerċjali bilaterali.

    1.7.

    It-trawwim ta’ żbokki alternattivi għall-produtturi tal-pitravi taz-zokkor – bħal bijoetanol, għalf tal-annimali, il-bijoplastik, u sustanzi kimiċi li għandhom bażi bijoloġika – se jkun essenzjali għall-kompetittività futura tas-settur. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżomm il-limitu massimu ta’ 7 fil-mija fuq il-bijokarburanti li jistgħu jingħaddu lejn il-mira ta’ 10 fil-mija għal enerġija rinnovabbli fit-trasport. L-Anness IX tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE), li tikklassifika l-għasel iswed bħala materja prima avvanzata għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, m’għandux jinbidel. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jaħdmu biex jistimolaw u jsaħħu l-innovazzjoni fil-qasam ta’ koprodotti oħrajn b’bażi bijoloġika. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ Fond ta’ Innovazzjoni tal-UE u programm ta’ self b’imgħax baxx.

    2.   L-importanza tal-produzzjoni taz-zokkor tal-pitravi għal żoni rurali u l-ambjent

    2.1.

    L-Unjoni Ewropea hija l-produttur ewlieni fid-dinja taz-zokkor tal-pitravi. Bħala medja, 17,2 miljun tunnellata ġew prodotti kull sena bejn l-2011/12 u l-2015/16. Il-kumpaniji li jipproduċu z-zokkor jixtru madwar 107 miljun tunnellata ta’ pitravi taz-zokkor kull sena mingħand il-137 000 kultivatur Ewropew. Il-pitrava taz-zokkor hija ttrasformata l-aktar f’zokkor, imma kwantità konsiderevoli minnha tiġi pproċessata fi prodotti oħra, bħall-għalf tal-annimali, l-etanol rinnovabbli u l-prodotti b’bażi bijoloġika. Prodotti bħal dawn jista’ jkollhom rwol importanti bħala riżerva f’każ ta’ provvista żejda.

    2.2.

    Il-fabbriki taz-zokkor tal-pitravi fil-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu f’żoni rurali kkaratterizzati minn livelli baxxi ta’ attività industrijali. Huma spiss is-sinsla ekonomika tar-reġjuni fejn ikunu jinsabu, bi ftit alternattivi industrijali eżistenti. Is-settur taz-zokkor tal-UE jipprovdi kważi 28 000 impjieg dirett, li huma prinċipalment ikkonċentrati fir-reġjuni l-aktar kompetittivi li jipproduċu l-pitrava taz-zokkor. Dawn l-impjiegi għandhom tendenza li jkunu relattivament b’ħiliet għolja, u l-ħaddiema fl-industrija taz-zokkor igawdu rimunerazzjoni ogħla mill-biċċa l-kbira tas-setturi agrikoli l-oħra. Minbarra l-impjiegi diretti, l-attività ekonomika ġġenerata mill-industrija tipprovdi 150 000 impjieg indirett ieħor, pereżempju fit-trasport, fil-loġistika u fil-kostruzzjoni.

    2.3.

    Huwa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna li jkun possibbli li terġa’ tinbeda l-produzzjoni taz-zokkor meta faċilità tal-produzzjoni taz-zokkor tkun ingħalqet. Dan għaliex il-kostruzzjoni ta’ fabbrika taz-zokkor tinvolvi spejjeż kapitali għoljin, tipikament ta’ bosta mijiet ta’ miljuni ta’ euro. F’ħafna mill-każijiet, l-għeluq ta’ faċilità waħda tfisser it-telf permanenti ta’ attività industrijali essenzjali, li tirriżulta fit-telf ta’ mijiet ta’ impjiegi diretti u indiretti. It-tfittxija għal impjieg industrijali alternattiv jista’ jwassal għal migrazzjoni rurali u d-depopolazzjoni.

    2.4.

    Is-sitwazzjoni hija simili għall-kultivaturi. Il-pitrava taz-zokkor trid tiġi kkultivata fi prossimità ġeografika għall-fabbriki li jipproċessawha. Dan minħabba l-ispiża relattivament għolja tat-trasport tal-pitravi – sitta sa seba’ tunnellati ta’ pitravi huma meħtieġa biex jipproduċu tunnellata waħda ta’ zokkor. Meta fabbrika taz-zokkor tal-pitravi ma tibqax fin-negozju, il-bdiewa jiġu deprivati minn suq disponibbli għall-pitrava taz-zokkor tagħhom. Sakemm ma jkunx hemm fabbrika oħra f’distanza ekonomikament vijabbli, huma jiġu sfurzati jaqilbu għal għelejjel oħra. Dan ikollu impatt negattiv sostanzjali fuq il-profitti finanzjarji tal-bdiewa kkonċernati, li ħafna minnhom ikunu għamlu investimenti sostanzjali f’tagħmir speċifiku bħall-ħsad tal-pitravi, li mhux applikabbli għal għelejjel oħra. Barra minn hekk, il-konverżjoni f’salt għal għelejjel oħra minn numru kbir ta’ bdiewa tista’ tqiegħed pressjoni konsiderevoli fuq is-swieq agrikoli lokali.

    2.5.

    Il-produzzjoni taz-zokkor tal-pitravi hija ambjentalment sostenibbli. Il-pitrava taz-zokkor dejjem titkabbar f’rotazzjoni ma’ uċuħ tar-raba’ oħra. In-newba tal-uċuħ tar-raba’ tgħin biex tikkonserva l-fertilità tal-ħamrija u tnaqqas il-livelli tal-patoġeni u tal-pesti fil-ħamrija u għalhekk tnaqqas ir-rekwiżit għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-iżvilupp u d-disseminazzjoni tal-prattiki tajba hija mifruxa fost ir-reġjuni tal-UE li jkabbru l-pitravi. L-użu tal-ħuxlief (mulch) u t-tnaqqis fil-ħdim tar-raba’ huma inkoraġġiti fis-settur biex tiġi promossa l-fertilità tal-ħamrija u titnaqqas l-erożjoni. Fil-fabbriki, l-użu tal-enerġija huwa minimizzat billi jintużaw sistemi ta’ sħana u enerġija kkombinati (CHP) u permezz tal-irkupru tas-sħana u l-konservazzjoni tal-ilma.

    3.   Il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE

    3.1.

    Is-settur taz-zokkor tal-UE investa ħafna fit-titjib tekniku u fit-tnaqqis fl-infiq, kif ukoll fil-kapital uman, fir-riċerka, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Matul dawn l-aħħar 26 sena, il-medja tal-UE tal-ispiża tal-produzzjoni għaz-zokkor tal-kwota żdiedet b’biss 0,4 % fis-sena, meta mqabbel mar-rata ta’ inflazzjoni ta’ 2,2 % fis-sena. Dan jissarraf fi tnaqqis kontinwu tal-ispejjeż b’mod relatttiv għall-inflazzjoni fuq żewġ deċennji (1). Dawn il-kisbiet ikkontribwew għaż-żieda tal-kompetittività tal-użu taz-zokkor tal-UE fl-industrija tal-ikel u x-xorb.

    3.1.1.

    Il-produzzjoni ta’ pitravi ħelwin żdiedet b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar snin minħabba kombinazzjoni ta’ titjib tekniku u fil-varjetà taż-żerriegħa, xprunata minn kooperazzjoni bejn l-industrija, dawk li jkabbru, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-kummerċ taż-żerriegħa. Ir-rendimenti medji taz-zokkor tal-pitravi (tunnellati ta’ zokkor/ettaru) żdiedu bi 2,4 % fis-sena għal dawn l-aħħar 26 sena, u din ix-xejra hija projettata li tkompli fil-perjodu ta’ wara l-2017. Ir-rendimenti taz-zokkor tal-UE għal kull ettaru issa huma ogħla minn dawk fl-Awstralja jew fir-reġjun taċ-Ċentru-Nofsinhar tal-Brażil, li jingħaddu fost l-aktar reġjuni kompetittivi fid-dinja. Erbgħa fost l-ikbar għaxar kumpaniji fid-dinja li jipproduċu z-zokkor huma bbażati fl-UE (2).

    3.2.

    Dawn il-gwadanji kompetittivi huma parzjalment minħabba r-ristrutturar sostanzjali tas-settur li seħħ bejn l-2006 u l-2009. Wara r-riforma fl-2006, l-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE għalqet kważi nofs il-fabbriki tagħha bit-telf ta’ 4,5 miljun tunnellata ta’ kapaċità ta’ produzzjoni, ’il fuq minn 24 000 impjieg dirett u 165 000 fornitur ta’ azjendi agrikoli (3). Din it-trasformazzjoni għamlet is-settur taz-zokkor tal-pitravi tal-UE aktar ekonomikament sostenibbli, minkejja li bi spiża soċjali għolja. Sa mis-sena tas-suq 2008/2009, l-impjiegi baqgħu relattivament stabbli, bħal ma baqa’ n-numru ta’ fabbriki.

    3.3.

    Ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-proċessuri taz-zokkor u l-impjegati ġew sostnuti mid-djalogu soċjali fit-tul fuq livell Ewropew u nazzjonali. Id-Djalogu Soċjali tas-Settur taz-Zokkor tal-UE ilu jeżisti sa mill-1968, u kien fattur ewlieni biex tkun żgurata tranżizzjoni soċjalment adegwata fi żminijiet diffiċli, bħal dawk li segwew ir-riforma fil-politika dwar iz-zokkor tal-UE tal-2006. Billi jikkontribwixxi għal sens ta’ sjieda konġunta, id-Djalogu Soċjali jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija.

    3.4.

    Aktar gwadanji fil-kompetittività se jiġu segwiti mill-2017, b’mod partikolari hekk kif il-manifatturi jistgħu jfittxu li jnaqqsu l-ispejjeż fissi billi joperaw fabbriki b’kapaċità sħiħa. Dan jista’ jimplika kampanji itwal ta’ pproċessar tal-pitravi u għalhekk riskji ogħla kemm għall-proċessuri kif ukoll għall-kultivaturi, minħabba inċertezzi relatati mal-ħsad u l-ħżin tal-pitravi fiż-żmien tax-xitwa.

    3.5.

    Biex tiġi evitata l-ħela, il-proċessuri taz-zokkor tal-UE jużaw il-pitravi taz-zokkor kollha biex jipproduċu firxa ta’ prodotti minbarra z-zokkor, pereżempju: il-ġebel u l-ħamrija mill-pitravi mnaddfa jinbiegħu lill-industrija tal-kostruzzjoni; il-materjal fibruż mill-pitravi (“il-polpa tal-pitravi”) u l-melassa jiġu estratti u pproċessati għall-użu fl-għalf tal-annimali; u l-melassa u ġulepp ieħor li ġejjin mill-produzzjoni taz-zokkor, jistgħu jintużaw biex jipproduċu etanol rinnovabbli. Dejjem aktar, il-produtturi taz-zokkor qegħdin ukoll jiddiversifikaw fil-produzzjoni ta’ ingredjenti għall-prodotti b’bażi bijoloġika għal industriji bħall-plastiks, it-tessuti, il-farmaċewtika u s-sustanzi kimiċi.

    4.   Ir-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista taz-zokkor

    4.1.

    Il-proċessuri taz-zokkor tal-pitravi u l-bdiewa tal-pitravi taz-zokkor huma dipendenti b’mod reċiproku. Il-bdiewa huma dipendenti fuq kumpaniji li jipproduċu z-zokkor biex jipprovdu l-kapital fiss u l-għarfien espert biex jagħmlu estrazzjoni taz-zokkor mill-pitravi tagħhom, u l-proċessuri huma dipendenti fuq il-bdiewa kuntrattati tagħhom biex ifornu l-għelejjel. Biex jiġu mminimizzati l-ispejjeż tat-trasport tal-pitravi, il-bdiewa jeħtieġu wkoll li jkunu jinsabu fi prossimità ġeografika għall-fabbrika taz-zokkor li jfornu. Barra minn hekk, ħafna mill-akbar kumpaniji li jipproduċu z-zokkor huma kooperattivi li jippermettu lill-bdiewa fornituri jkollhom sehem dirett fl-industrija.

    4.1.1.

    L-interdipendenza tal-proċessuri u l-bdiewa tirrikjedi qafas kuntrattwali speċifiku biex jibbilanċja d-drittijiet u l-obbligi bejn iż-żewġ sħab. Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-bdiewa tal-pitravi taz-zokkor u l-proċessuri taz-zokkor wara l-2017 huma stabbiliti fl-Artikolu 125 u fl-Anness X tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Dawn ir-regoli reċentement ġew issupplimentati minn Regolament Delegat, li jippermetti klawżoli ta’ qsim tal-valur biex ikomplu jiġu inklużi fil-kuntratti tal-pitravi fuq bażi volontarja (4). Il-maġġoranza tal-industriji taz-zokkor reċentement qablu dwar kuntratti tal-pitravi għall-2017/18 u lil hinn li jinkludu xi forma ta’ rabta bejn il-prezzijiet tal-pitravi taz-zokkor u l-prezzijiet tas-suq taz-zokkor.

    4.1.2.

    Il-manifatturi taz-zokkor tal-pitravi ilhom obbligati li jirrapportaw kull xahar dwar il-prezzijiet, il-produzzjoni u l-istokkijiet, u dan l-obbligu se jibqa’ fil-perjodu ta’ wara l-kwoti. Mill-1 ta’ Ottubru 2017, il-prezzijiet tal-pitravi taz-zokkor għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u ppubblikati fuq bażi annwali. Dan il-grad ta’ trasparenza tas-suq li jikkaratterizza s-settur tal-ipproċessar taz-zokkor mhuwiex qed jaqbel mat-trasparenza aktar ’l isfel fil-katina ta’ provvista u mill-produtturi tal-isoglukożju. L-evidenza tissuġġerixxi li t-trażmissjoni tal-prezzijiet tul il-katina ta’ provvista taz-zokkor hija baxxa (5), u jista’ jkun hemm mertu li tiġi esplorata l-fattibbiltà ta’ trasparenza akbar għall-utenti taz-zokkor tal-pitravi tal-UE.

    4.2.

    Ir-raffinaturi taz-zokkor tal-kannamieli huma attivi wkoll fis-suq taz-zokkor tal-UE. Ir-raffinaturi taz-zokkor tal-kannamieli ma jittrasformawx il-pitrava taz-zokkor, iżda huma dipendenti fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar. L-UE tippermetti importazzjonijiet bla dazju bla limiti ta’ zokkor mill-pajjiżi l-anqas żviluppati taħt l-Iskema “Kollox ħlief Armi” (EBA) u mill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku li kkonkludew Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-UE. Ir-raffinaturi taz-zokkor tal-pitravi mhux raffinat tal-UE jibbenefikaw minn konċessjonijiet għall-aċċess tas-suq bla dazju taħt ftehimiet bilaterali mal-Amerika Ċentrali, il-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador u l-Afrika t’Isfel li bħalissa jammontaw għal 420 000 tunnellata fis-sena. Id-disponibbiltà annwali ta’ zokkor mhux raffinat għar-raffinar taħt il-kwota CXL b’dazju mnaqqas, li hija maqsuma bejn il-Brażil, l-Awstralja, Kuba u l-pajjiżi terzi kollha (“Erga Omnes”) – tammonta għal aktar minn 700 000 tunnellata u hija mistennija li tilħaq kważi 800 000 f’2017/18. Fin-negozjati dwar il-kummerċ ħieles li tlestew reċentement u li għadhom għaddejjin l-UE qed toffri aċċess addizzjonali għall-pajjiżi terzi għas-suq taz-zokkor tal-UE.

    5.   It-tmiem tal-kwoti ta’ produzzjoni

    5.1.

    Sa mill-1968, il-produzzjoni taz-zokkor u tal-isoglukożju tal-UE għall-użu fl-ikel kienet limitata mill-kwoti ta’ produzzjoni. Il-kwoti ta’ produzzjoni se jieqfu jeżistu fl-1 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri fil-bidu tas-sena tas-suq taz-zokkor tal-UE 2017/2018. Minn dakinhar ’il quddiem, il-produtturi taz-zokkor u tal-isoglukożju tal-UE se jkunu liberi li jipproduċu zokkor u isoglukożju għall-użu fl-ikel mingħajr limiti. Il-limitu massimu eżistenti tal-esportazzjoni wkoll mhux se jibqa’ jeżisti (6). Bħala konsegwenza, l-operaturi fis-settur taz-zokkor tal-UE se jkunu liberi li jesportaw iz-zokkor mingħajr limiti mill-1 ta’ Ottubru 2017.

    5.2.

    Il-produzzjoni taz-zokkor hija mistennija tiżdied fl-2017/18. Din iż-żieda fil-produzzjoni hija mistennija tkun strutturali. Barra minn hekk, l-isoglukożju huwa mistenni li jokkupa sehem akbar tas-suq tas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa tal-UE; il-manifatturi tal-isoglukożju għandhom l-għan li jipproduċu bejn 2 u 3-il miljun tunnellata “matul iż-żmien”, li ħafna minnhom jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku (soft drinks) (7). Bħala paragun, il-konsum taz-zokkor tal-UE qed jonqos xi ftit.

    5.3.

    Iż-żieda fil-produzzjoni taz-zokkor domestiku u sehem akbar tas-suq għall-isoglukożju jistgħu jkollhom piż fuq il-prezzijiet taz-zokkor abjad tal-UE fil-perjodu ta’ wara l-kwoti. Il-Prospetti fuq Terminu Medju tal-Kummissjoni Ewropea għas-Swieq Agrikoli 2016-2026 jissuġġerixxu li l-prezzijiet taz-zokkor abjad tal-UE se jkunu taħt il-livell limitu ta’ referenza ta’ EUR 404/tunnellata għall-biċċa l-kbira tal-perjodu ta’ wara l-kwoti, jiġifieri taħt l-ispejjeż medji tal-produzzjoni taz-zokkor u tal-kultivazzjoni tal-pitravi taz-zokkor.

    5.3.1.

    Fl-2015, il-prezzijiet taz-zokkor abjad tal-UE laħqu l-aktar livell baxx tagħhom sa minn meta bdiet is-sistema ta’ rapportar tal-prezzijiet fl-2006 (8). Din is-sitwazzjoni kellha effett sever fuq ir-riżultati finanzjarji rrapportati tal-produtturi taz-zokkor tal-UE, li ħafna minnhom ma setgħux jagħmlu profitt fis-sena fiskali 2015/16. Il-produtturi taz-zokkor fl-Italja kienu taħt pressjoni partikolari, bi produttur wieħed jagħżel li ma jipproduċix għas-sena tas-suq 2015/16. L-uniku produttur taz-zokkor tal-Greċja wkoll jinsab f’diffikultà serja.

    5.4.

    Mill-1 ta’ Ottubru 2017, il-produtturi taz-zokkor tal-UE se jkunu liberi li jesportaw mingħajr limiti. Din tista’ tkun opportunità biex jiżdied id-dħul biex jikkumpensa għal prezzijiet taz-zokkor aktar baxxi fl-UE. Il-konsum dinji taz-zokkor huwa projettat li jikber b’rata ta’ 1,5-2 % kull sena (madwar 2-3 miljun tunnellata fis-sena), għalhekk għandu jkun hemm biżżejjed domanda għal żieda fl-esportazzjonijiet taz-zokkor tal-UE.

    5.4.1.

    Madankollu, żieda f’esportazzjonijiet taz-zokkor tal-UE tiddependi fuq aċċess suffiċjenti għas-swieq ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem biex tiftaħ is-swieq taz-zokkor tal-importaturi taz-zokkor nett fin-negozjati tal-kummerċ ħieles tagħha, kemm permezz tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali u l-ftuħ ta’ kwoti tariffarji. Hija għandha tkompli telimina d-dazji fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti li fihom ħafna zokkor fl-UE, u jappoġġjaw regoli tal-oriġini għal tali prodotti sabiex jassiguraw li l-produtturi taz-zokkor fl-UE jibbenefikaw minn żieda fl-esportazzjonijiet.

    5.4.2.

    L-esportazzjonijiet taz-zokkor tal-UE xi kultant jiffaċċjaw l-isfida mill-impożizzjoni ta’ strumenti għad-difiża tan-negozju minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel dak kollu possibbli biex tiġġieled dawn il-miżuri meta s-settur ma jibqax irregolat mill-1 ta’ Ottubru 2017 u s-settur irid joffri l-appoġġ meħtieġ għal kwalunkwe proċedimenti miftiehma.

    5.5.

    Fin-negozjati dwar il-kummerċ ħieles li tlestew reċentement u li għadhom għaddejjin, l-UE qed toffri aċċess għall-pajjiżi terzi għas-suq taz-zokkor tal-UE. Il-ftuħ tas-suq qed jesponi l-prezzijiet taz-zokkor abjad tal-UE għal pressjoni ’l isfel u għal żieda fil-volatilità. Is-suq dinji attwali huwa suq ta’ dumping residwu soġġett għal volatilità għolja li spiss jinnegozja taħt il-medja tal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ anke l-aktar industriji globali effiċjenti. Dan huwa fil-parti l-kbira minħabba l-miżuri ta’ appoġġ li jfixklu l-kummerċ ta’ xi wħud mill-produtturi u mill-esportaturi ewlenin taz-zokkor, bħall-Brażil u t-Tajlandja. Ir-riżultat huwa li l-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE mhijiex qed tikkompeti b’kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-produtturi taz-zokkor f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni trid tittratta z-zokkor bħala sensittiv fin-negozjati tagħha dwar il-kummerċ ħieles billi żżomm id-dazji tal-UE fuq iz-zokkor. In-negozjati li għaddejjin mal-Mercosur jippreżentaw riskju gravi għas-settur, minħabba li l-Brażil huwa l-produttur u l-esportatur dominanti fid-dinja. Il-Kummissjoni trid tkun ippreparata biex tisfida lill-partijiet ewlenin li jissussidjaw iz-zokkor fil-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim fid-WTO u matul in-negozjati kummerċjali.

    Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Iċ-ċifri meħuda mill-istħarriġ annwali tal-Ispejjeż tal-Manifattura tas-CEFS, li jsir fuq bażi annwali biex tiġi kkalkulata l-ispiża medja tal-produzzjoni għaz-zokkor tal-pitravi tal-kwota tal-UE.

    (2)  F.O. Licht’s International Sugar and Sweetener Report. 18 ta’ Mejju 2017 Vol. 149, Nru 14. Dawn l-erba’ kumpaniji li jipproduċu z-zokkor huma: Südzucker, Tereos, ABSugar, u Nordzucker.

    (3)  Statistika tas-CEFS.

    (4)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta’ Mejju 2016 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta’ Ottubru 2017.

    (5)  Areté, Ottubru 2012. Studju dwar it-trażmissjoni tal-prezzijiet fis-settur taz-zokkor. Rapport finali. Kummissjoni Ewropea, DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali. Offerta Nru AGRI-2011-EVAL-03.

    (6)  Cf. DS266. Bħalissa l-UE tista’ tesporta madwar 1,35 miljun tunnellata ta’ zokkor f’kull sena tas-suq, jiġifieri 10 % tal-kwota tal-produzzjoni taz-zokkor.

    (7)  Din hija ċ-ċifra mogħtija minn assoċjazzjoni tal-industrija tal-lamtu StarchEurope.

    (8)  Fi Frar u f’Ġunju tal-2015 il-prezzijiet kienu fl-aktar livell baxx b’EUR 414/tunnellata.


    nach oben