This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017XE2874(01)
Resolution of the European Economic and Social Committee on ‘The Commission’s White Paper on the Future of Europe and beyond’
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn”
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn”
ĠU C 345, 13.10.2017, p. 11–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 345/11 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn”
(2017/C 345/02)
Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Lulju 2017 (laqgħa tal-5 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-riżoluzzjoni li ġejja b’226 vot favur, 16 voti kontra u 15-il astensjoni.
Lejn sens ta’ għan komuni
Il-fehma tal-KESE dwar il-ġejjieni tal-Ewropa (1)
1. |
Is-soċjetà u ċ-ċittadini Ewropej jitolbu UE kredibbli, leġittima u reżiljenti. Għal aktar minn għaxar snin, l-UE ġiet sfidata minn skossi politiċi, ekonomiċi u soċjali, u dan rawwem attitudni ta’ qtigħ il-qalb u inċertezza fost iċ-ċittadini. L-UE teħtieġ strateġiji globali biex tippromwovi l-benesseri taċ-ċittadini tagħha, investimenti robusti u sostenibbli, il-kreattività u l-intraprenditorija, u strateġiji biex tindirizza d-distakk dejjem jikber bejn is-sinjuri u l-foqra, il-faqar u l-inugwaljanza tal-ġid. L-irkupru ekonomiku attwali bl-ebda mod m’għandu jkun ta’ skuża sabiex wieħed jibqa’ passiv. Għall-kuntrarju, il-KESE jħeġġeġ li tinstab triq ’il quddiem ponderata u koeżiva sabiex tissaħħaħ il-fiduċja, kif ukoll sabiex tiffoka fuq riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini u fuq il-potenzjal enormi tal-Ewropa. |
2. |
L-aspettattivi foloz għandhom jiġu evitati. Fuq kollox, l-għan għandu jkun UE li kapaċi tagħti riżultati fil-provvediment ta’ opportunitajiet kompletament indaqs għal kulħadd. Il-fatturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali huma interrelatati. Huwa essenzjali li l-kontinent ikun jista’ jaġġusta l-proċess ta’ trasformazzjoni profond tiegħu u l-kompetizzjoni ħarxa madwar id-dinja, u li l-globalizzazzjoni tiġi ffurmata b’mod effettiv skont il-valuri tal-UE. |
3. |
Il-logħba ta’ “tort ta’ Brussell”, li lagħbu u għadhom jilgħabu wisq nies, trid tieqaf. Huwa indispensabbli li jkun hemm impenn komuni min-naħa tal-Istituzzjonijiet Ewropej u minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fosthom l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Il-KESE jenfasizza li l-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-UE fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kwalità tal-proċess demokratiku. |
4. |
It-triq ’il quddiem tista’ tiġi segwita b’suċċess biss jekk tiġi ispirata mill-istess sens ta’ għan komuni li kien turija tal-konvinzjoni tal-missirijiet fundaturi, u aktar tard ġie rifless f’pass kbir ’il quddiem. L-UE għandha timmobilizza l-għodod leġislattivi, il-gwida, il-finanzjament u l-kooperazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex l-UE tkun tista’ tavvanza fid-dimensjonijiet mixtieqa kollha. It-Trattat ta’ Lisbona jwitti t-triq. |
Ix-xenarji tal-White Paper
5. |
Il-KESE ma jemminx li għażla bejn xenarji (2) huwa metodu ta’ suċċess għall-promozzjoni ta’ sens ta’ għan komuni jew sabiex tiġi definita t-triq għall-ġejjieni. L-ewwel nett, l-Ewropa mhijiex qiegħda tibda mill-bidu. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-proposti tagħha fuq analiżi profonda tal-istorja tal-UE – il-kisbiet u n-nuqqasijiet tagħha – bħala sors siewi għall-ġejjieni. L-impenji tal-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma huma punt ta’ tluq pożittiv u tajjeb (3). Il-ħames xenarji huma indirizzati lill-Istati Membri, b’enfasi fuq it-tibdil istituzzjonali, u b’hekk m’għandhomx rilevanza diretta għaċ-ċittadini Ewropej. Dawn jidhru wkoll artifiċjali. |
6. |
Għall-KESE, l-ewwel xenarju, jew kif jarah hu, konfużjoni sħiħa, mhuwiex għażla. Ix-xenarju 5 jattira numru ta’ nies, iżda attwalment mhuwiex realistiku. Ix-xenarju 2, b’fokus esklużiv fuq is-suq komuni, huwa limitat wisq. Ix-xenarju 4 jeħtieġ ftehim bejn is-27 Stat Membru, li jista’ jwassal għal paraliżi tal-UE u jippromwovi xejriet ċentrifugali, u b’hekk jpoġġi f’periklu l-miri u l-valuri tal-Unjoni. Skont ix-xenarju 3, il-mekkaniżmi għall-integrazzjoni differenzjata, bħal kooperazzjoni msaħħa, jistgħu jkunu strument utli biex jingħelbu l-ostakli f’oqsma partikolari u biex tiġi promossa dinamika pożittiva fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE. Madankollu, dawn huma strumenti għall-kisba ta’ objettivi ta’ politika aktar milli għan fih innifsu. Filwaqt li għandhom jiġu rrakkomandati bħala mod biex jingħelbu l-paraliżi jew l-ostakli għal leġislazzjoni mixtieqa tal-UE, il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa l-konverġenza fi ħdan l-Unjoni u li jiġu miġġielda l-frammentazzjoni u d-diviżjoni. Għaldaqstant, ftehim bejn dawk minn ta’ quddiem nett jew il-pajjiżi katalizzaturi għandu dejjem ikun miftuħ għal dawk li huma lesti filwaqt li għandu jkun prevalenti sens ta’ għan komuni. |
Il-fehma tal-KESE dwar il-ġejjieni
A. Metodu
7. |
It-temi strateġiċi għandhom jitpoġġew f’perspettiva komuni sabiex tiġi evitata Europe à la carte imminenti jew tendenzi ċentrifugali. Il-KESE jirrakkomanda żvilupp li permezz tiegħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni tal-poter politiku bejn kulħadd b’mod aħjar. Dan kollu jiddependi primarjament fuq ir-rieda politika u bħala tali din għandha tkun kwistjoni ewlenija f’dibattitu ġenwin dwar il-futur. |
8. |
Id-distinzjoni tradizzjonali bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-UE għandha titneħħa. L-isfidi komuni u r-realtajiet minsuġa madwar il-kontinent jenfasizzaw il-ħtieġa għal missjoni komuni. Flimkien maċ-ċittadinanza nazzjonali dawn jirrikjedu wkoll rikonoxximent ta’ ċittadinanza Ewropea. It-tfassil ta’ politiki għandu jinkludi u jinvolvi l-livelli kollha tas-soċjetà. L-objettivi għandhom jiġu kondiviżi u l-impatt tad-deċiżjonijiet u l-politiki għandu jiġi evalwat ukoll b’mod sistematiku fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkiseb l-appoġġ taċ-ċittadini. |
9. |
Il-Parlament Ewropew (PE) għandu jkollu rwol ewlieni fit-tiswir tad-direzzjoni futura tal-Ewropa. Barra minn hekk, hemm bżonn fundamentali li jiġi promoss l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, kif ukoll l-interazzjoni tagħhom mal-PE. |
10. |
L-objettivi ċentrali għandhom ikunu akkumpanjati minn ftehim bejn l-Istati Membri dwar:
|
B. Politiki
11. |
Irrispettivament minn liema opzjoni tiġi magħżula għall-ġejjieni tal-Ewropa, il-KESE jrid Unjoni Ewropea koeżiva u koerenti. Bosta politiki attwali huma parti mill-approfondiment tal-integrazzjoni, proċess fit-tul li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ. Kważi dwarhom kollha, pjuttost reċentement, il-KESE għamel kummenti dettaljati u proposti għall-ġejjieni. |
12. |
Is-suq uniku fid-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali kollha tiegħu, kif ukoll fil-qafas ta’ mudell ta’ żvilupp sostenibbli huwa l-pedament indispensabbli tal-integrazzjoni Ewropea. Dan għandu jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ġenwini. Bl-istess mod, l-UEM ġiet meqjusa bħala pass deċiżiv ’il quddiem. Madankollu, minkejja progress impressjonanti, l-arkitettura tagħha għadha fraġli. L-UEM hija fil-qalba tal-iżviluppi futuri fl-UE; għalhekk l-approfondiment tagħha huwa kruċjali. Il-KESE jiffavorixxi perkors gradwali lejn unjoni politika b’firxa ta’ miżuri u dispożizzjonijiet makroekonomiċi u mikroekonomiċi kif ukoll dimensjoni soċjali b’saħħitha. L-ikkompletar tal-UEM jitlob governanza ekonomika ġenwina, inkluż l-immaniġġjar tal-UE tas-settur finanzjarju, riformi organizzati tajjeb fl-Istati Membri kkonċernati, u approċċi kondiviżi għall-politiki tas-suq tax-xogħol. Governanza mtejba għandha ssaħħaħ il-bażi għal aktar konverġenza kif ukoll solidarjetà madwar iż-żona tal-euro. Is-servizzi pubbliċi kompetenti ferm fl-UE jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Iż-żona tal-euro għandha tibda kooperazzjoni aktar mill-qrib f’oqsma oħra. |
13. |
Il-KESE jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa għal governanza aktar koeżiva, integrazzjoni aktar profonda u impenn sħiħ tal-Istati Membri fl-oqsma li ġejjin:
|
14. |
Fil-fehma tal-KESE, il-kwistjonijiet soċjali u l-edukazzjoni għandhom bl-istess mod jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku fil-livell tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet konvinċenti. Is-sigurtà soċjali u l-edukazzjoni huma soġġetti l-aktar għall-principju tas-sussidjarjetà, u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-proċessi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li spiss jinkludu l-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali. Il-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri jridu jiġu applikati b’mod aħjar fl-affarijiet soċjali. Minħabba tensjonijiet akbar fis-suq tax-xogħol minħabba r-revoluzzjoni diġitali, id-dgħufijiet strutturali fis-swieq tax-xogħol u l-globalizzazzjoni, il-KESE jitlob involviment Ewropew viżibbli bil-għan li titħeġġeġ aktar konverġenza b’rabta ma’ ċerti kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol, filwaqt li tgħin fil-promozzjoni tal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, mobilità ġusta u impenn pożittiv miċ-ċittadini. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ u l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili inġenerali u d-djalogu soċjali huma ta’ importanza fundamentali. |
15. |
Hija meħtieġa aktar konverġenza ekonomika u soċjali fl-UE. Minkejja dan, iridu jitqiesu d-diskrepanzi bejn l-ekonomiji, il-kultura u t-tradizzjonijiet nazzjonali tas-sistemi soċjali. Il-KESE jenfasizza li l-UE m’għandhiex tibqa’ tħares iżda għandha terfa’ responsabbiltà definita tajjeb. Qabel ma tkun tista’ tiġi definita direzzjoni komuni ’l quddiem, l-ewwel huma meħtieġa diskussjonijiet xierqa bejn l-imsieħba soċjali (u partijiet interessati oħrajn). Barra minn hekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li d-direttivi soċjali tal-UE jiġu implimentati b’mod effettiv mill-Istati Membri. |
16. |
L-edukazzjoni wkoll hija soġġetta għas-sussidjarjetà. Madankollu, wieħed ma jistax jinnega l-fatt li l-ġejjieni soċjali u ekonomiku tal-Ewropa u l-involviment taċ-ċittadini huma marbutin mill-qrib ma’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aġġornati fil-livelli kollha. Il-futur tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiddependi bil-kbir fuq l-edukazzjoni. Il-ħiliet huma kruċjali kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet aktar kbar fl-età. Għalhekk, l-UE għandha tieħu sehem attiv fil-proċess ta’ modernizzazzjoni li għaddej bħalissa. L-edukazzjoni għandha wkoll rwol importanti fil-komunikazzjoni tal-Ewropa: il-KESE jenfasizza l-bżonn ta’ informazzjoni u edukazzjoni adegwata dwar l-UE – inklużi dwar il-valuri u ċ-ċittadinanza tal-Ewropa – fl-iskejjel primarji u sekondarji. |
17. |
Il-moviment liberu ta’ persuni fiż-żona Schengen irid jiġi stabbilit mill-ġdid. Fid-definizzjoni, dan ifisser li l-fruntieri komuni jridu jiġu kkontrollati b’mod aktar effettiv. B’mod parallel, trid tiġi indirizzata ż-żieda inaċċettabbli fit-terroriżmu internazzjonali, inklużi l-qtil kif ukoll iċ-ċiberkriminalità, li hija kawża serja ta’ inċertezza pubblika. Aktar minn qatt qabel, hija meħtieġa kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji. |
18. |
Dawn l-oqsma huma direttament relatati mal-politika barranija u mal-problema kbira ta’ stati li qed ifallu u gwerer ċivili fil-viċinat tal-Ewropa, kif ukoll mal-flussi migratorji li jirriżultaw minn dan, li attwalment qed jieħdu prevalenza fuq il-kwistjonijiet Ewropej l-oħra kollha. Il-KESE huwa ferm favur politika konġunta dwar il-migrazzjoni li toffri protezzjoni lir-refuġjati skont il-liġi internazzjonali, Sistema Komuni tal-Asil, azzjoni sabiex jiġu miġġielda l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, u l-promozzjoni ta’ rotot legali lejn l-UE. Fl-istess kuntest, l-UE għandha tistabbilixxi sħubijiet xierqa mal-pajjiżi ġirien, u b’mod partikolari għandha tniedi mill-ġdid politika Ewro-Mediterranja reali. |
19. |
L-Ewropa qed taffaċċja l-isfida li tieħu ħsieb l-affarijiet tagħha stess daqs qatt qabel mill-1945. Ir-relazzjonijiet fi ħdan in-NATO u mal-Istati Uniti, u l-ġestjoni Ewropea komuni u effettiva tal-problemi li jinqalgħu fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea, kollha jeħtieġu b’urġenza l-approfondiment tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE, li sigurtà interna u esterna ta’ suċċess bilfors tkun tiddependi fuqhom. |
Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) B’din ir-riżoluzzjoni, li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2017, il-KESE qed isegwi t-talba tal-4 ta’ April 2017 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li talab lill-KESE biex jistabbilixxi l-ideat u l-prijoritajiet tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Ewropa għall-iżvilupp ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-UE.
(2) Ara l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, Marzu 2017.
(3) Dikjarazzjoni mill-mexxejja tas-27 Stat Membru u mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Marzu 2017:
http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/03/25-rome-declaration/