EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016) 766 final)

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 85–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata”

(COM(2016) 766 final)

(2017/C 288/12)

Relatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi ġuridika

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.5.2017

Adottata fil-plenarja

31.5.2017

Sessjoni plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

150/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (COM(2016) 766) (l-Istrateġija) u l-għan ambizzjuż tagħha li timplimenta l-ewwel sett ta’ servizzi (servizzi tal-Jum 1) fl-2019 li għandu jiġi segwit mill-iżvilupp tat-tieni sett ta’ servizzi (servizzi tal-Jum 1.5).

1.2

Il-KESE jieħu nota tal-bosta benefiċċji potenzjali wara l-implimentazzjoni tal-Istrateġija, inkluż trasport aktar effiċjenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija, anke fin-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, aktar effiċjenzja fl-enerġija, emissjonijiet imnaqqsa u inqas riskju ta’ inċidenti fil-qasam tat-trasport bit-triq. L-Istrateġija hija pass importanti lejn l-iżvilupp tas-C-ITS u, finalment, lejn mobbiltà awtomatizzata. Il-KESE japprova dan il-proġett u jieħu nota tal-livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn setturi differenti bħat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati sistemi tat-trasport diġitali inklużi l-infrastruttura, il-vetturi u servizzi innovattivi.

1.3

Il-KESE japprezza l-valur miżjud għall-mobbiltà tas-servizzi tal-Jum 1 u l-Jum 1.5, b’mod partikolari għat-trasport tal-passiġġieri u dak tal-merkanzija inklużi s-sistemi ta’ distribuzzjoni u jieħu nota ta’ diversi proġetti ta’ prova għaddejjin bħalissa fl-agglomerazzjonijiet Ewropej li jmorru lil hinn mill-Istrateġija u li diġà jinvolvu l-ittestjar ta’ vetturi awtomatiċi għat-trasport tal-passiġġieri. F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota wkoll l-importanza li tagħti l-Istrateġija li jiġu evitati r-riperkussjonijiet bħaż-żieda fit-traffiku u fl-emissjonijiet permezz ta’ miżuri sabiex il-vetturi konnessi, kooperattivi u awtomatizzati jiġu integrati fil-mobbiltà sostenibbli u l-ippjanar loġistiku u l-promozzjoni tat-trasport pubbliku.

1.4

Il-KESE jieħu nota wkoll tal-effetti favorevoli fuq il-livell ta’ kompetenza fl-IT, l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u kompetittività mtejba tal-industriji tal-UE fl-oqsma tad-data, il-karozzi u t-trasport, b’mod partikolari f’perspettiva fit-tul.

1.5

Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-importanza tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li diġà tqajmet fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-ITS (1). Din tenfasizza li d-data tas-C-ITS jenħtieġ li tintuża għal skopijiet ta’ C-ITS biss u mhux tinżamm jew tintuża għal finijiet oħra, ħlief bil-kunsens tal-utent. Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza vitali li dan jiġi ċċarat permezz ta’ dispożizzjonijiet legalment vinkolanti bħala mod biex tinħoloq fiduċja fis-sistema u f’konformità mal-leġislazzjoni tal-UE, inkluż l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (2).

1.6

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ standards komuni u interoperabbiltà transkonfinali bħala kwistjoni ta’ implimentazzjoni tas-suq diġitali intern u sabiex jiġi żgurat trasport transkonfinali effiċjenti.

1.7

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tħalli lok għal soluzzjonijiet lokali u/jew speċifiċi għall-kumpaniji, anke, meta jkun debitament ġustifikat u proporzjonat, għad-detriment tal-garanzija ġenerali tar-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà u ta’ trasparenza, kull meta soluzzjonijiet bħal dawn ikollhom valur miżjud. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti ta’ standardizzazzjoni u ta’ trasparenza ma jridux ikunu implimentati b’mod li jfixklu l-innovazzjoni.

1.8

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ standards għoljin ta’ sigurtà sabiex jiġu evitati l-hacking u ċ-ċiberattakki, standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data u valutazzjoni tal-konformità effiċjenti. Għall-istess raġunijiet, ta’ spiss, is-soluzzjonijiet tas-sigurtà ddedikati jeħtieġ li jibqgħu kunfidenzjali.

1.9

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tista’ tkun proċess diffiċli ħafna fejn il-metodu ta’ koordinazzjoni magħżul jesiġi komunikazzjoni, monitoraġġ u segwitu kostanti min-naħa tal-Kummissjoni. Il-bini ta’ fiduċja kemm fost l-imsieħba tal-proċess tal-implimentazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pubbliku ġenerali, inklużi l-konsumaturi, jista’ jkun deċiżiv għal implimentazzjoni b’suċċess. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità għall-integrazzjoni, kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Il-KESE jfakkar li r-rabtiet tiegħu mas-soċjetà ċivili jistgħu jagħmluh imsieħeb utli fl-istabbiliment ta’ djalogu dwar l-implimentazzjoni.

1.10

Fir-rigward tal-miżuri leġislattivi msemmija fl-Istrateġija, il-KESE jenfasizza li huwa importanti li dawn ma jkunux preskrittivi żżejjed. Għalhekk, l-interoperabbiltà u l-istandards komuni ma jridux isiru għan fihom infushom, iżda jenħtieġ li japplikaw biss meta jservu skop li jġib valur miżjud u ma jfixklux l-innovazzjoni u l-ħtieġa li jiġu solvuti problemi speċifiċi lokalment jew fil-livell tal-kumpaniji.

1.11

L-Istrateġija tindirizza l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tas-C-ITS b’effetti komparattivament limitati fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (servizzi tal-Jum 1 u l-Jum 1.5) Jidher probabbli li din ser tiġi segwita mill-użu ta’ vetturi awtomatizzati b’effetti aktar sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol. Għal din ir-raġuni, u sabiex tinħoloq klima ta’ fiduċja reċiproka, il-KESE jqis li huwa importanti li jingħata bidu għal djalogu soċjali fi stadju bikri biex jiġu indirizzati kwistjonijiet possibbli dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

1.12

Il-KESE jenfasizza l-urġenza li jittieħed il-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tas-C-ITS, jiġifieri, li jiġu żviluppati sistemi li jinkludu wkoll il-komunikazzjoni bejn vettura u oħra u l-ġestjoni tat-traffiku. Il-proġetti ta’ prova u l-ippjanar leġislattiv jidhru li għaddejjin ġmielhom fl-Istati Membri b’industrija tal-karozzi u skont il-KESE, iż-żmien huwa għalhekk propizju jekk l-UE tixtieq li jkollha parti sinifikanti fil-promozzjoni ta’ sforz Ewropew.

1.13

Il-Pjattaforma C-Roads stabbilita f’Ottubru 2016 għandu jkollha rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija. S’issa għadhom ma aderixxewx l-Istati Membri kollha magħha. Il-KESE jqis li huwa urġenti li l-Istati Membri kollha jaderixxu ma’ dan il-korp.

1.14

Il-KESE japprezza r-rieda tal-Kummissjoni li tappoġġja l-implimentazzjoni permezz ta’ appoġġ finanzjarju. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitħalla lok għal ippjanar adegwat ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-kumpaniji, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, ir-restrizzjonijiet finanzjarji fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

1.15

Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ ppjanar ta’ żmien ċar għas-servizzi tal-Jum 1.5 u lil hinn. Il-KESE jiddispjaċih ukoll għan-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapportar tal-pjattaforma C-ITS fih elementi li jippermettu evalwazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Istrateġija, iżda skont il-KESE dan mhuwiex biżżejjed.

2.   Sfond

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) [COM(2016) 766] (l-Istrateġija) hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari mal-Aġenda tagħha għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment, is-Suq Uniku Diġitali, u l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Din ġiet ippreżentata bħala parti mill-hekk imsejjaħ “Pakkett tax-Xitwa” tal-enerġija li jinkludi prinċipalment proposti dwar it-tfassil tas-suq intern tal-elettriku, l-effiċjenza fl-enerġija u l-fjuwils rinnovabbli.

2.2

L-Istrateġija ma tindirizzax b’mod dirett il-kwistjonijiet marbuta mal-enerġija. Hija tindirizza primarjament l-iżvilupp, u l-aspetti prattiċi u legali tal-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport kooperattivi, inklużi l-karozzi konnessi/il-vetturi awtomatiċi u l-infrastruttura. Hija marbuta wkoll mal-implimentazzjoni tas-Suq Intern Diġitali u l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi.

2.3

L-Istrateġija tenfasizza l-potenzjal tal-iżvilupp tas-C-ITS sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea b’potenzjal għal suq kbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE jsegwi minn volumi akbar f’suq akbar bi standards komuni. L-iżvilupp tas-C-ITS huwa l-ewwel pass lejn il-vetturi awtomatizzati. Is-servizzi tas-C-ITS għandhom ikunu bbażati fuq standards komuni u għandhom jiġu implimentati sal-2019 u lil hinn. Huma bbażati fuq komunikazzjoni bejn vettura u oħra u bejn vettura u infrastruttura u ma għandhomx bżonn ta’ sewwieq.

2.4

L-Istrateġija tiddefinixxi għadd ta’ servizzi tas-C-ITS li jistgħu jintużaw mill-ewwel (lista tas-servizzi tas-C-ITS tal-Jum 1) u servizzi oħra li jintużaw fit-tieni fażi minħabba li l-ispeċifikazzjonijiet jew l-istandards sħaħ jistgħu ma jkunux lesti biex jintużaw sal-2019 (lista tas-servizzi tas-C-ITS tal-Jum 1.5). Il-lista tal-Jum 1 tkopri notifiki ta’ lok perikoluż u applikazzjonijiet għas-sinjalar u l-lista tal-Jum 1.5 tkopri funzjonijiet bħal informazzjoni dwar l-istazzjonijiet tal-fjuwil u tal-iċċarġjar, il-ġestjoni u l-informazzjoni tal-parking (fit-triq u barra mit-triq), informazzjoni dwar il-’park and ride’, informazzjoni konnessa u kooperattiva ġol-belt u barra minnha, informazzjoni dwar it-traffiku u rotot intelliġenti.

2.5

L-Istrateġija tenfasizza n-natura transsettorjali tal-implimentazzjoni tas-C-ITS li tikkonċerna l-mezzi kollha tat-trasport, l-industrija u t-telekomunikazzjonijiet. Il-faċilitazzjoni tat-trasport li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija ma tridx twassal għal aktar trasport u aktar emissjonijiet.

2.6

Ġew stabbiliti għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija. Huma jkopru t-tmien oqsma li ġejjin.

L-implimentazzjoni fuq skala kbira fl-2019 ta’ mill-inqas is-servizzi tal-Jum 1 permezz ta’ azzjoni mill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, il-manifatturi tal-vetturi, l-operaturi tat-triq u l-industrija tal-ITS b’assistenza finanzjarja (CEF, FEIS, FSIE). Is-servizzi tal-Jum 1.5 u aktar żvilupp tas-C-ITS għadhom mhumiex lesti u l-iżvilupp ser ikun appoġġjat mill-Kummissjoni permezz tal-programm Orizzont 2020 u l-FSIE, fejn ikun possibbli, u l-lista ta’ servizzi ser tiġi aġġornata permezz ta’ proċess kontinwu tal-pjattaforma C-ITS.

Ser tiġi segwita politika komuni dwar is-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati rilevanti kollha. Din ser tkun ukoll pedament biex jiġi indirizzat livell ogħla ta’ servizz (bejn vettura u oħra, bejn vettura u infrastruttura). Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ Mudell ta’ Fiduċja Ewropew tas-C-ITS u rwol potenzjali ta’ governanza tal-Kummissjoni għandhom jiġu analizzati mill-Kummissjoni.

Il-fornituri tas-servizzi tas-C-ITS jenħtieġ li joffru lill-utenti finali termini ċari u li jinftiehmu. Fl-2018, il-Kummissjoni ser tippubblika l-ewwel sett ta’ linji gwida dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-inizjattivi dwar l-użu tas-C-ITS jenħtieġ li jinfurmaw u joħolqu fiduċja fost l-utenti finali, juru l-valur miżjud tal-użu tad-data personali u jikkonsultaw mal-Awtoritajiet tal-UE għall-Protezzjoni tad-Data biex jiżviluppaw mudell għall-valutazzjoni tal-protezzjoni tad-data.

Miżuri mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati rilevanti biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet li jiffunzjonaw fuq banda ta’ frekwenzi pprovduta mill-Kummissjoni.

L-użu tal-Pjattaforma C-Roads sabiex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tas-C-ITS fil-livell operazzjonali, inklużi l-ittestjar u l-validazzjoni. Aktar Stati Membri huma mħeġġa jingħaqdu mal-pjattaforma.

Żvilupp u pubblikazzjoni mill-inizjattivi tas-C-ITS ta’ proċess marbut mal-valutazzjoni tal-konformità għas-servizzi tal-Jum 1. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa mudell għal dan il-proċess.

Sal-2018, f’konformità mad-Direttiva dwar l-ITS, il-Kummissjoni ser tadotta atti delegati dwar il-kontinwità u s-sigurtà tas-servizzi tas-C-ITS, dwar l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tas-C-ITS, dwar approċċ ta’ komunikazzjoni ibrida, u dwar l-interoperabbiltà b’rabta mal-proċessi għall-valutazzjoni tal-konformità.

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-C-ITS.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija u jieħu nota tal-bosta effetti pożittivi potenzjali tal-implimentazzjoni b’suċċess tagħha, bħalma huma t-trasport aktar effiċjenti, kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri, effiċjenza fl-enerġija mtejba u emissjonijiet imnaqqsa, sigurtà fit-toroq imsaħħa u l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali.

3.2

L-Istrateġija hija interkonnessa ma’ diversi strateġiji importanti attwali, jiġifieri s-Suq Uniku Diġitali, l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Enerġija u l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, li lkoll kemm huma ntlaqgħu b’sodisfazzjon mill-KESE. Il-KESE jappoġġja wkoll l-approċċ transsettorjali tal-Istrateġija, u d-dimensjoni l-ġdida li dan jagħti lill-politika tat-trasport.

3.3

F’dan il-kuntest, il-KESE jieħu nota tar-rabta mal-Istrateġija għad-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea fir-rigward ta’ vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati bħala suġġett ta’ prijorità biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-istima tas-suq potenzjali ta’ tali vetturi b’“għexieren ta’ biljuni ta’ euro kull sena u ħolqien ta’ impjiegi f’mijiet ta’ eluf”. Il-KESE jqis li f’dan il-kuntest huwa xieraq li jirrepeti l-istqarrija tiegħu fl-Opinjoni tiegħu TEN/574 dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali” li kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ riżultati potenzjali ta’ dan it-tip tista’ tkun riskju bla bżonn u, fl-agħar każ, taffettwa b’mod negattiv il-fiduċja, b’mod partikolari f’każ bħal dan fejn l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija tiddependi ħafna mill-interess tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, l-industrija tal-karozzi u partijiet interessati oħra.

3.4

Bl-istess mod, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-Istrateġija għal mobbiltà effiċjenti, inkluża l-mobbiltà urbana u l-aħħar u l-ewwel mil tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

3.5

Il-KESE jagħti wkoll importanza lill-interoperabbiltà transkonfinali tas-servizzi li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġi żgurat fluss tat-traffiku bla xkiel fil-konnessjonijiet transkonfinali. Kemm is-servizzi li huma faċilment disponibbli bħalissa (servizzi ta’ tal-Jum 1) kif ukoll dawk kważi lesti biex jintużaw u lesti biex jibdew jintużaw mill-2019, għalkemm mhux kompletament lesti għal impjieg fuq skala kbira (servizzi tal-Jum 1.5) ser ikunu ta’ għajnuna kbira għall-implimentazzjoni effiċjenti tat-TEN-T, b’mod partikolari l-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T.

3.6

Minħabba li l-Istrateġija hija ppreżentata bħala parti mill-politika dwar l-enerġija tal-Pakkett tax-Xitwa, il-KESE kien japprezza mhux biss ripetizzjoni taċ-ċifri magħrufa sew tas-sehem tal-emissjonijiet tat-trasport bit-triq, iżda wkoll xi indikazzjoni tal-effetti mistennija tal-Istrateġija fil-forma ta’ effiċjenza fl-enerġija mtejba u emissjonijiet imnaqqsa.

3.7

Fil-parti l-kbira tagħha, l-Istrateġija għandha tiġi implimentata permezz ta’ metodu kollaborattiv, li jinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-industrija. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-pjattaforma C-Roads stabbilita f’Ottubru 2016 u attwalment b’adeżjoni ta’ 12-il Stat Membru tal-UE biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-użu tas-Servizzi tas-C-ITS, l-ittestjar u l-validazzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà u biex jiġu żviluppati testijiet tas-sistema. Il-Kummissjoni ser tappoġġja l-iżvilupp bl-użu ta’ proċess għall-valutazzjoni tal-konformità. Il-KESE jaqbel li funzjoni ta’ koordinazzjoni hija indispensabbli għal proċess ta’ implimentazzjoni b’suċċess iżda jiddispjaċih li mhux l-Istati Membri kollha ingħaqdu mal-pjattaforma C-Roads li tidher li għandha nuqqas konsiderevoli fil-kapaċità tagħha li taġixxi bħala forum ta’ koordinazzjoni effiċjenti (attwalment tmien Stati Membri Ewlenin u erba’ Stati Membri Assoċjati). Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħmel pressjoni b’mod urġenti fil-livell politiku fuq l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata adeżjoni sħiħa mal-pjattaforma.

3.8

Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu miżuri sabiex tiżgura koerenza fuq għadd ta’ punti importanti. Hija pereżempju ser tippubblika “linji gwida” fir-rigward tal-politika Ewropea dwar is-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni tas-C-ITS fl-2017 u linji gwida fir-rigward tal-protezzjoni tad-data fl-2018. Il-Kummissjoni ser tirriżerva wkoll il-banda ta’ frekwenzi li attwalment tintuża għas-servizzi tal-Istandard ta’ Telekomunikazzjoni Ewropea (3) għas-Servizzi tas-C-ITS. Madankollu, il-KESE jieħu nota wkoll li l-Kummissjoni ser tqis ukoll, fejn xieraq, li fl-2018 tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2010/40/UE dwar l-ITS dwar is-sigurtà tal-ITS, il-protezzjoni tad-data, l-approċċ tal-komunikazzjoni u l-interoperabbiltà. Barra minn hekk, tista’ tiġi adottata leġislazzjoni dwar il-kontinwità tas-Servizzi tal-ITS u l-valutazzjoni tal-konformità. Il-KESE jiddispjaċih li ma hemm xejn li jindika fuq liema bażi l-Kummissjoni ser tiddeċiedi jekk tilleġislax jew tiqafx sal-linji gwida li mhumiex legalment vinkolanti. Fir-rigward tal-pjani tal-Kummissjoni li tadotta atti leġislattivi delegati skont id-Direttiva 2010/40/UE dwar l-ITS, il-KESE jirrepeti l-punt li diġà sar fl-Opinjoni tiegħu dwar dik id-Direttiva li l-limiti għal atti bħal dawn stipulati fl-Artikolu 290 tat-TFUE jridu jiġu osservati. Il-KESE jenfasizza wkoll l-urġenza li jiġi estiż il-limitu ta’ seba’ snin tal-mandat biex jiġu adottati atti delegati skont id-Direttiva 2010/40/UE peress li l-mandat biex jiġu adottati atti bħal dawn jiskadi f’Awwissu 2017.

3.9

Il-KESE japprova l-għan li jkun hemm implikazzjoni transsettorjali u b’diversi saffi min-naħa ta’ dawk ikkonċernati mill-użu tas-Servizzi tas-C-ITS, jiġifieri, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, il-manifatturi tal-vetturi u l-operaturi tat-trasport. Is-suċċess fl-implikazzjoni ta’ dawn l-elementi fl-attivitajiet tal-implimentazzjoni jista’ jipprovdi l-possibbiltà li tinħoloq fiduċja fis-servizzi l-ġodda u tagħtihom bidu tajjeb. F’dan il-kuntest, il-KESE jsemmi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità għall-integrazzjoni, kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) adottata nhar it-13 ta’ Diċembru 2006.

3.10

Il-KESE japprova l-importanza mogħtija lil lingwa ċara u li tinftiehem fir-relazzjonijiet kollha mal-utenti finali, enfasizzata bħala mezz importanti biex tinkiseb il-fiduċja fis-servizzi proposti. Il-leġislazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-programm ta’ leġislazzjoni aħjar.

3.11

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ma tkunx preskrittiva żżejjed. Huwa importanti li jkun hemm lok għal soluzzjonijiet paralleli jew dedikati għal għanijiet speċifiċi jew għall-innovazzjoni. Rekwiżiti dettaljati wisq u mhux flessibbli hawnhekk jistgħu jkunu ta’ xkiel u b’hekk ikunu kontroproduttivi.

3.12

Il-KESE jieħu nota b’mod favorevoli tal-importanza mogħtija lill-finanzjament u r-rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tagħmel riżorsi finanzjarji mill-finanzjament tal-UE bħas-CEF, il-FEIS u l-FSIE disponibbli għall-użu tas-servizzi tas-C-ITS li diġà huma disponibbli mil-lat operazzjonali u l-finanzjament tal-Orizzont 2020 disponibbli għal servizzi li għadhom fl-istadju ta’ żvilupp. Il-KESE jenfasizza l-importanza li ssir valutazzjoni tal-valur miżjud tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi limitati. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-kompetizzjoni b’saħħitha fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li hija enfasizzata b’mod partikolari fl-Istrateġija u li tiffaċilita l-previdibbiltà u l-lok għal ippjanar fit-tul tal-investimenti meħtieġa biex jiġu installati jew aġġornati l-komponenti tas-C-ITS.

3.13

Il-parti introduttorja tal-Istrateġija tagħti ħafna attenzjoni lill-iżvilupp tas-sewqan awtomatiku, jiġifieri vetturi li ma jirrikjedux intervent tas-sewwieq biex jiċċaqilqu. Madankollu, il-KESE jifhem li l-Istrateġija ma tmurx lil hinn mill-implimentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn vettura u oħra u bejn vettura u infrastruttura. Is-servizzi tal-Jum 1, li għandhom jiġu żviluppati fl-2019, se jittrattaw identifikazzjoni ta’ lok perikoluż u applikazzjonijiet ta’ sinjali filwaqt li s-servizzi tal-Jum 1.5 se jittrattaw l-ippjanar tat-toroq, informazzjoni dwar l-istazzjonijiet tal-fjuwil/l-iċċarġjar, informazzjoni dwar il-parking eċċ. Għaldaqstant, skont il-KESE, il-kwistjonijiet importanti ta’ responsabbiltà għal żbalji jew funzjonament ħażin fis-sistema jew il-kwistjonijiet soċjali importanti li jidhru meta l-impjegati jiġu sostitwiti minn robots ma jinsabux hawnhekk, peress li s-servizzi indirizzati mill-Istrateġija ser jitħaddmu u jiġi ssorveljati minn bnedmin. Madankollu, f’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jenfasizza li meta jiġu żviluppati sistemi tas-C-ITS, inklużi vetturi awtomatizzati kompletament, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.

3.14

Il-KESE jieħu nota b’mod favorevoli tal-koerenza prevista fl-użu tal-Istrateġija permezz tal-viżjoni transettorjali meħuda tar-rwol tas-C-ITS fis-sistema tat-trasport permezz tas-sinerġiji bejn il-modi u t-titjib potenzjali tal-ippjanar tal-mobbiltà/l-ippjanar loġistiku li jagħmlu possibbli ċerti servizzi tas-C-ITS u bis-saħħa tal-iżvilupp ta’ diversi ħiliet.

3.15

Il-KESE jieħu nota wkoll tal-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ppreżentata f’Jannar 2016 fir-Rapport Finali tal-Pjattaforma C-ITS u li tantiċipa riżultat potenzjali tal-użu b’suċċess tas-servizzi tal-Jum 1 tul perjodu mill-2018 sal-2030 fejn il-benefiċċji jkunu ħafna akbar mill-ispejjeż fuq bażi annwali bi proporzjon ta’ 3:1 meta jkunu evalwati tul il-perjodu kollu. L-analiżi tikkonkludi wkoll li l-benefiċċji jibdew jakkumulaw bejn ħames u għaxar snin wara l-investimenti inizjali u li r-riżultat mixtieq jiddependi mill-użu estensiv tas-servizzi. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-ebda analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-Istrateġija ma jidher li twettqet mill-Kummissjoni.

3.16

Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-importanza li ssir pressjoni attiva u kontinwa fuq il-proċess tal-implimentazzjoni sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tal-implimentazzjoni li s’issa ma kellhiex suċċess tas-Sistema Ewropea ta’ Pedaġġ Elettroniku Stradali, li oriġinarjament ittieħdet deċiżjoni dwarha fl-2004, u li għadha ma ġietx implimentata, minkejja l-isforzi ripetuti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jieħu nota tar-referenza tal-konnessjoni bejn il-karozzi konnessi u s-Sistemi Ewropej ta’ Navigazzjoni bis-Satellita, EGNOS u GALILEO, u jenfasizza li l-kapaċità tal-vetturi li jikkomunikaw mas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita trid tkun teknoloġikament newtrali u, għalhekk, is-sistemi kollha ta’ navigazzjoni bis-satellita jenħtieġ li jkunu konnessibbli, għalkemm, fejn possibbli, għandha tingħata preferenza lis-sistemi Ewropej.

4.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinfetaħ djalogu mal-imsieħba soċjali fi stadju bikri, sabiex tiġi stabbilita atmosfera ta’ trasparenza u fiduċja. Skont il-KESE, dan huwa diġà ta’ importanza kbira fl-istadju attwali tal-implimentazzjoni tas-C-ITS fejn jidher li l-effetti fuq il-kundizzjonijiet soċjali u/jew tal-impjieg ikunu insinifikanti jew ma jkun hemm l-ebda, sabiex tiġi stabbilita klima ta’ fiduċja minħabba l-effetti ferm iżjed sinifikanti li se tiġġenera l-introduzzjoni tal-karozzi awtomatiċi. Il-KESE f’dan il-kuntest ukoll, jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-privatezza u l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-data li tikkonċerna l-privatezza ma tintużax għal finijiet għajr dawk ta’ C-ITS mingħajr kunsens. Għandu jiġu żviluppat qafas speċifiku u legalment vinkolanti dwar din il-kwistjoni.

4.3

Il-KESE jieħu nota b’mod favorevoli tal-attenzjoni mogħtija lis-sigurtà, inkluż ir-riskju ta’ hacking u ċiberattakki. Skont il-KESE, din hija kwistjoni importanti ħafna u huwa ferm importanti li standards daqstant għoljin ta’ sigurtà jiġu applikati fl-Istati Membri kollha u abbażi ta’ arranġamenti potenzjali ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-obbligu li ssir pubbliċità b’rabta mal-miżuri relatati mas-sigurtà jista’ jdgħajjef l-għan proprju ta’ sistemi bħal dawn.

4.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kontinwità meta jiġu implimentati sistemi ta’ komunikazzjoni sabiex kemm jista’ jkun jiġi evitat it-telf ta’ investimenti.

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1) u (ĠU C 277, 17.11.2009, p. 85).

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, u ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE (ĠU L 220, 15.8.2008, p. 24).


Top