Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 62017CN0128

    Kawża C-128/17: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 151, 15.5.2017, p. 24-25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/24


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-128/17)

    (2017/C 151/31)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

    Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Diċembru 2016, dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (1)

    sussidjarjament, tannulla parzjalment id-Direttiva, sa fejn din tikkonċerna l-istabbiliment ta’ impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-motivi li ġejjin kontra d-direttiva kkontestata

    1.   Ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE).

    L-Istituzzjonijiet konvenuti ħadmu fuq l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata b’mod mhux trasparenti, b’hekk ittrattaw lill-Istati Membri b’mod mhux ugwali u imponew esklużivament fuq ċerti Stati Membri impenji għat-tnaqqis addizzjonali li ma kinux iġġustifikati permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ nfiq effettiv jew tas-suppożizzjonijiet li ġew adottati għall-metodoloġija ta’ allokazzjoni ta’ impenji. L-impożizzjoni fuq il-Polonja (u fuq żewġ Stati Membri oħra) – qabel ma ntlaħaq ftehim finali mal-Parlament Ewropew – ta’ livelli ġodda għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet intiżi sabiex jintlaħaq livell iktar ambizzjuż ta’ tnaqqis ġenerali kellha l-effett li kważi teskludi lill-Polonja min-negozjati li ddeterminaw l-għamla finali tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem.

    Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet konvenuti ċaħħdu lill-Polonja mill-opportunità li effettivament tivvalida d-data li tikkonċerna lill-Polonja, liema serviet bħala l-bażi għall-istabbiliment tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem, u b’dan il-mod kisret id-dritt tal-Polonja li l-pożizzjoni tagħha tkun ikkunsidrata.

    2.   Ksur tal-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza (Artikolu 15 TFUE) u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti (Artikolu 296 TFUE).

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-suppożizzjonijiet li fformaw il-bażi għall-istabbiliment tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem ma kinux disponibbli jew ippubblikati. L-ebda informazzjoni ma ngħatat dwar il-projezzjonijiet dwar l-istruttura teknoloġika għal setturi individwali, minkejja li dawn is-suppożizzjonijiet kienu min-naħa tagħhom użati fil-projezzjonijiet ta’ emissjonijiet għall-2030. Fl-assenza ta’ din l-informazzjoni, huwa impossibbli li tiġi vvalidata l-affidabiltà tal-projezzjonijiet ta’ emissjonijiet li kienu ġew adottati għall-2030. It-tieni nett, ma huwiex ċar liema formula ntużat biex jiġi kkalkolat l-għan ġenerali tas-saħħa għat-tnaqqis tal-imwiet fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ impenn għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u għall-Istati Membri individwali.

    Bħala konsegwenza, ir-raġunament tal-Istituzzjonijiet li adottaw id-Direttiva ma ġiex ippreżentat b’mod ċar u mhux ambigwu fir-rigward tal-impenji għat-tnaqqis imsemmija hawn fuq.

    3.   Ksur tal-obbligu li titwettaq analiżi xierqa tal-effett tad-direttiva kkontestata fuq Stati Membri individwali u li b’mod suffiċjenti jiġi evalwat l-impatt tal-implementazzjoni tagħha.

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, minħabba fl-effetti wiesgħa mistennija mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà tal-Istati Membri, l-evalwazzjoni tal-impatt imħejji mill-Kummissjoni huwa insuffiċjenti.

    L-evalwazzjoni tal-impatt tindika rabta bejn il-kisba tal-għanijiet tad-direttiva u l-bidliet strutturali intiżi għat-tnaqqis tas-sehem tal-faħam bħala karburant fis-setturi tal-enerġija u dak muniċipali u residenzjali. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-impatt ma tinkludix analiżi ddettaljata ta’ jekk l-effett mistenni ta’ implementazzjoni tal-impenji se jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv mill-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u mill-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu. Dan huwa partikolarment importanti minħabba li konferma tal-effett sinjifikattiv ikun ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu jadottata d-direttiva kkontestata fuq bażi legali differenti, jiġifieri fuq il-bażi tal-Artikolu 192(2) TFUE, minflok fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) TFUE.

    4.   Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE).

    L-Istituzzjonijiet konvenuti ma ħadux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż soċjoekonomiċi serji li ser jiġu ġġenerat bl-implementazzjoni tal-obbligi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti speċifiċi mill-2030 fil-Polonja. Bħala riżultat ta’ dan, l-implementazzjoni mill-Polonja tal-impenji għat-tnaqqis mill-2030 ’il quddiem jista’ jkollha konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi serji għall-Polonja. In-nefqa mġarrba sabiex dawn l-impenji jiġu implementati taf tkun sproporzjonata għall-effetti mistennija.

    Ovvjament ma kienx meħtieġ li jiġu stabbiliti fid-Direttiva tali impenji nazzjonali għoljin għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva.

    5.   Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri (Artikolu 4(2) TUE) u tal-prinċipju ta’ żvilupp bilanċjat (ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(3) flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE).

    L-obbligi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet imposti fuq Stati Membri individwali għall-perijodu mill-2030 ma jieħdux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika diversa, il-kundizzjonijiet teknoloġiċi u l-kundizzjonijiet soċjali tal-Istati Membri, inkluż id-daqs tal-investimenti meħtieġa fir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea. L-impenji għat-tnaqqis kienu stabbiliti permezz tal-użu ta’ metodu standard, mingħajr rigward għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali reali u diversa ta’ Stati Membri individwali.

    Barra minn hekk, bl-istabbiliment ta’ impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-Istati Membri individwali mill-2030 ’il quddiem, l-Istituzzjonijiet konvenuti probabbilment ma ħadux korrettament inkunsiderazzjoni l-influss transkonfinali ta’ kwantitajiet sinjifikattivi ta’ inkwinanti minn żoni fil-viċinanza immedjata tal-Unjoni Ewropea f’xi Istati Membri, li jaf jagħtu lok għal trattament mhux ugwali tal-Istati Membri li għandhom fruntieri ma’ pajjiżi terzi meta mqabbla ma’ Stati li ma humiex ikkonċernati bil-problema ta’ inkwinanti li jidħlu minn barra l-Unjoni Ewropea.


    (1)  ĠU 2016 L 344, p. 1.


    Sus