Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0368

Kawża C-368/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-14 ta’ Lulju 2015 – Ilves Jakelu Oy

ĠU C 311, 21.9.2015, pp. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/34


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-14 ta’ Lulju 2015 – Ilves Jakelu Oy

(Kawża C-368/15)

(2015/C 311/40)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ilves Jakelu Oy

Konvenut: Ministeru tat-Trasport u tat-Telekomunikazzjoni

Domandi preliminari

1)

Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva Postali 97/67/KE (1), kif emendata bid-Direttivi 2002/39/KE (2) u 2008/6/KE (3), id-distribuzzjoni ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati għandha titqies li hija servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali skont l-Artikolu 9(1) jew servizz li jaqa’ fl-ambitu tas-servizz universali skont l-Artikolu 9(2), fil-każ li l-impriża postali tiftiehem mal-klijenti tagħha l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kunsinna u timponilhom ħlas miftiehem b’mod individwali?

2)

Fil-każ li d-distribuzzjoni hawn fuq imsemmija ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati tkun tinvolvi servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali, l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 2(14) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ tali servizzi postali, taħt ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tista’ tiġi suġġetta għal liċenzja individwali, skont kif previst fil-liġi dwar is-servizzi postali?

3)

Fil-każ li d-distribuzzjoni hawn fuq imsemmija ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati tkun tinvolvi servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali, l-Artikolu 9(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ tali servizzi tista’ tiġi suġġetta biss għal termini intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 2(19) tad-Direttiva Postali u li awtorizzazzjonijiet fir-rigward ta’ tali servizzi ma jistgħux jiġu suġġetti għal termini dwar il-kwalità, id-disponibbiltà jew l-eżekuzzjoni tas-servizzi rilevanti skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva?

4)

Fil-każ li awtorizzazzjonijiet fir-rigward tad-distribuzzjoni hawn fuq imsemmija ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati jistgħu jiġu suġġetti biss għal termini intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali, termini bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tas-servizz postali li jirregolaw il-kunsinna, il-frekwenza tad-distribuzzjoni ta’ oġġetti, is-servizz tal-bdil tal-indirizz u tas-sospensjoni tal-kunsinna, l-ittikkettjar tal-oġġetti u l-postijiet tal-ġbir – jistgħu jitqiesu li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 2(19) u neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 9(1)?


(1)  Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, p. 14).

(2)  Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316).

(3)  Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3).


Top