EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0251

Kawża T-251/15: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2015 – Espírito Santo Financial (il-Portugall) vs Bank Ċentrali Ewropew

ĠU C 245, 27.7.2015, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/34


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2015 – Espírito Santo Financial (il-Portugall) vs Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża T-251/15)

(2015/C 245/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Espírito Santo Financial (Portugal), SGPS, SA (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: R. Oliveira, N. Cunha Barnabé u S. Estima Martins, avukati)

Konvenut: Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mogħtija fl-4 ta’ Marzu 2015 skont l-Artikolu 8(3) tad-deċiżjoni BĊE/2004/3 (Deċiżjoni impliċita), li ma tagħtix aċċess komplet għad-deċiżjoni tal-BĊE tal-1 ta’ Awwissu 2014, li tissospendi l-istatus ta’ kontroparti, fil-kuntest tal-politika monetarja tal-Eurosistema, ta’ Banco Espírito Santo SA u tobbliga lill-imsemmi bank jirrimborsa d-dejn kollu tiegħu fil-konfront tal-Eurosistema, tal-ammont ta’ EUR 10 biljuni, kif ukoll id-dokumenti kollha fil-pussess tal-BĊE marbuta b’mod jew ieħor mal-imsemmija deċiżjoni;

tannulla d-deċiżjoni espliċita tal-BĊE, tal-1 ta’ April 2015 (id-deċiżjoni espliċita), li ma tagħtix aċċess komplet għad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq id-deċiżjoni impliċita, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni impliċita, sa fejn ma tipprovdi l-ebda raġuni li tiġġustifika r-rifjut li tagħti aċċess komplet għad-dokumenti tal-BĊE mitluba, ma tosservax l-obbligu ta’ motivazzjoni u għaldaqstant għandha tiġi annullata.

2.

It-tieni motiv dwar id-deċiżjoni espliċita, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni espliċita li tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni mitluba għandha tiġi annullata minħabba li tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn (i) hija ppreżentat biss kunsiderazzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-eċċezzjonijiet invokati li huma elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 u, b’mod partikolari, (ii) ma tatx ir-raġunijiet għalfejn l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni tiġġustifika restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv dwar id-deċiżjoni espliċita, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel, it-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3.

4.

Ir-raba’ motiv dwar id-deċiżjoni espliċita, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

5.

Il-ħames motiv dwar id-deċiżjoni espliċita, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-proposti tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Ir-rikorrenti ssosti li d-deċiżjoni espliċita għandha tiġi annullata minħabba li tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn (i) hija ppreżentat kunsiderazzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-eċċezzjonijiet invokati li huma elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3; (ii) hija ma indikatx ir-raġunijiet partikolari li għalihom l-aċċess għall-informazzjoni speċifika mitluba mir-rikorrenti hija rrifjutata (iii) hija ma immotivatx ir-rifjut li tiżvela l-informazzjoni abbażi tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3; (iv) hija ma immotivatx ir-rifjut li tiżvela l-informazzjoni abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni, u (v) hija ma immotivatx ir-rifjut li tiżvela l-informazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija deċiżjoni.


Top