This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014IE0574
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Industrial changes in the European packaging sector’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Bidliet Industrijali fis-Settur Ewropew tal-Imballaġġ” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Bidliet Industrijali fis-Settur Ewropew tal-Imballaġġ” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 230, 14.7.2015, p. 33–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 230/33 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Bidliet Industrijali fis-Settur Ewropew tal-Imballaġġ”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2015/C 230/05)
Relatur: |
is-Sur LOBO XAVIER |
Korelatur: |
is-Sur KONSTANTINOU |
Nhar it-22 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Bidliet Industrijali fis-Settur Ewropew tal-Imballaġġ.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Novembru 2014.
Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’119-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-industrija Ewropea tal-imballaġġ qed taffaċċja diversi sfidi. Ir-rwol kritiku tagħha f’għadd ta’ setturi tpoġġi l-industrija f’pożizzjoni ċentrali fir-rigward tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Hemm bżonn li l-Ewropa żżomm it-tmexxija ta’ din l-industrija u għandha tappoġġja x-xejriet dwar kwistjonijiet tas-sostenibbiltà ambjentali, tas-sikurezza u tal-użu tal-marki marbuta mal-imballaġġ. Il-KESE jemmen li din it-tmexxija għandha tkun ibbażata fuq erba’ pilastri: l-effiċjenza fir-riżorsi, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, id-djalogu soċjali, is-sostenibbiltà u l-adattament. |
1.1.1. L-effiċjenza fir-riżorsi
Minħabba li l-prodotti tas-settur jintużaw biex iżommu, jipproteġu u jikkonservaw oġġetti konsumabbli oħra, u wara spiss jintremew, is-settur għandu rwol ċentrali biex iżid ir-rati tar-riċiklaġġ tal-Istati Membri tal-UE. Madanakollu, il-kumpaniji għandhom bżonn l-appoġġ biex jiksbu dan u l-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tipprovdi għajnuna dwar din il-kwistjoni billi tagħti iktar informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli. Dan jista’ jsir ukoll bl-appoġġ tar-rispett għall-kwistjonijiet ambjentali mill-partijiet interessati, inkluż dawk b’operat ibbażat barra l-Ewropa. L-effiċjenza fir-riżorsi huwa element kruċjali fil-proċess tal-imballaġġ u huwa wkoll ta’ tħassib għall-ambjent. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tipprovdi qafas ta’ politika biex tappoġġja t-tranżizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u toħloq u żżomm industrija tal-imballaġġ b’kuxjenza ambjentali.
1.1.2. Sfidi
Il-KESE huwa konxju mill-isfidi għall-industrija li jiġu mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, mhux biss fir-rigward tal-prestazzjoni tagħha ta’ kuljum, iżda wkoll il-proċess ta’ riċiklaġġ. Il-KESE jinnota li l-proċess ta’ riċiklaġġ kruċjali għall-industrija tal-imballaġġ huwa organizzat ġewwa iżda wkoll barra mill-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li l-kwistjoni tal-prezz ibbilanċjat tal-enerġija għandha tkun prijorità tal-politika tal-UE fir-rigward ta’ din l-industrija speċifika.
Biex jikkontribwixxi aktar għall-miri ta’ emissjonijiet tal-karbonju tal-UE, kull settur tal-industrija għandu jistabbilixxi miri realistiċi għar-riċiklaġġ, f’konformità ma’ dawk definiti mil-liġi tal-UE (id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) assoċjati mal-Istrateġija Ewropa 2020 u wara dan jipprovdi dikjarazzjonijiet annwali li jkejlu l-progress. Minkejja l-isforzi ta’ kull Stat Membru biex jipprovdi d-data, li hija ppubblikata kull sena mill-Eurostat, għad hemm element nieqes fil-valutazzjoni tad-data. Il-KESE jemmen li l-prattika li jintuża aktar materjal ta’ imballaġġ milli meħtieġ hija ħela ta’ riżorsi u għandu jiġi kkontestat mill-industrija u għandha tkun ukoll parti mill-kuxjenza tal-konsumaturi. Kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika tista’ tkun għażla wkoll biex tixpruna l-“ħtiġijiet essenzjali” ddefiniti mid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ fir-rigward tal-imballaġġ żejjed. Bħala eżempju, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda preċiża li skontha titlob il-projbizzjoni sħiħa tal-basktijiet tal-plastik li jintremew wara l-ewwel użu u minflok għandha tippromovi l-użu ta’ basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li huma bijodegradabbli. Din l-iskeda għandha tinkludi fażi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u miżuri ta’ akkumpanjament għat-trasformazzjoni tas-settur.
1.1.3. Riċerka u żvilupp u innovazzjoni
Jidher ċar, mir-riċerka magħmula għal din l-Opinjoni u mid-diskussjonijiet mal-partijiet interessati u mal-Kummissjoni Ewropea, li m’hemmx biżżejjed data dwar għadd ta’ kwistjonijiet kruċjali. Għaldaqstant ikun apprezzat l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-organizzazzjoni ta’ metodoloġija mtejba għall-ġbir ta’ data dwar is-settur sabiex tipprovdi l-imsieħba soċjali bl-informazzjoni rilevanti biex tiżgura l-vijabbiltà tas-settur għal tul ta’ żmien. Il-KESE jemmen li l-isfidi prinċipali tar-riċerka u l-iżvilupp għas-settur huma sinifikanti wkoll u jinkludu t-trasport effiċjenti tal-prodotti, l-effettività tas-sistemi ta’ traċċabbiltà, it-tnaqqis tal-ispejjeż, u kwistjonijiet regolatorji u ta’ sikurezza, flimkien mal-ekodisinn u r-rendiment taċ-ċiklu tal-ħajja tal-imballaġġ. Il-KESE jikkunsidra li b’dawn il-bżonnijiet u b’dan l-approċċ, huwa tal-ikbar importanza li l-fondi tal-programm Orizzont 2020 marbuta mal-innovazzjoni jkunu prijorità u opportunità għall-industrija Ewropea tal-imballaġġ. L-assoċjazzjonijiet tas-settur u l-partijiet interessati għandhom jinkoraġġixxu l-kapaċità ta’ parteċipazzjoni f’konsorzji Ewropej sabiex jagħtu spinta lill-attivitajiet ta’ innovazzjoni.
Il-KESE jemmen li l-investiment kontinwu meħtieġ biex jintlaħqu l-isfidi eżistenti kollha huwa kruċjali. Għas-sopravivenza tas-settur fuq perjodu twil, huwa kruċjali li l-investiment kapitali jsir flimkien ma’ investiment fil-forza tax-xogħol tas-settur. Dan jirrikjedi ppjanar xieraq u d-djalogu bejn il-ħaddiema, min iħaddem, il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet interessati tas-soċjetà usa’, inklużi l-infrastrutturi edukattivi nazzjonali.
Huwa ċar li l-industrija tal-imballaġġ qed tevolvi taħt pressjoni mit-tendenzi ġodda, bħall-kummerċ elettroniku. It-tkabbir tal-kummerċ elettroniku ntwera fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2013, li sab li kważi nofs iċ-ċittadini tal-Ewropa għamlu xirja onlajn fl-aħħar sitt xhur (1). Il-Kummissjoni tiddikjara li l-kummerċ elettroniku “huwa wieħed mill-muturi ewlenin ta’ Ewropa aktar kompetittiva u prospera, b’potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Bejn l-2013 u l-2016, il-kummerċ elettroniku mistenni li jilħaq rata ta’ tkabbir annwali ta’ iktar minn 10 fil-mija madwar l-UE” (2). Din l-evoluzzjoni tista’ tkun inċentiv biex jiġu implimentati soluzzjonijiet ġodda mmirati biex jitnaqqas il-materjal ta’ skart bħall-kartun u l-plastik, u l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp għandhom jikkunsidraw dawn ix-xejriet.
L-innovazzjoni fl-industrija tal-imballaġġ uriet ukoll li hija opportunità f’termini ta’ impjieg taż-żgħażagħ. Disinjaturi industrijali, inġiniera tal-materjal u professjonijiet ġodda oħra jistgħu jsibu firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet fis-suq futur. Il-KESE jara opportunità għall-innovazzjoni fis-setturi fejn l-imballaġġ huwa użat b’mod estensiv, f’termini tas-sostenibbiltà u d-disinn.
1.1.4. L-impenn ċivili, id-djalogu soċjali tal-forza tax-xogħol, is-sostenibbiltà u l-adattament
Il-KESE huwa tal-fehma li l-isfida kritika għal min iħaddem u l-forza tax-xogħol tas-settur Ewropew hija li jiġi żgurat li l-industrija żżomm vantaġġ kompetittiv, tuża bis-sħiħ l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja u sostenibbli. Il-KESE jemmen ukoll li l-ħiliet il-ġodda involuti fil-ġejjieni tas-settur għandhom jiġu identifikati mill-partijiet interessati bil-għan li s-sistemi tal-edukazzjoni jadattaw għal din l-isfida vitali. Xejriet ġodda bħall-bejgħ onlajn joħloq sfidi li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u l-influwenza u l-impatt tagħhom għandu jkun valutat.
Il-KESE jikkonkludi li l-maġġoranza tal-kumpaniji tal-imballaġġ u l-forza tax-xogħol tagħhom huwa lesti jadattaw għall-bidla, iżda hemm bżonn iktar informazzjoni biex tippermetti lill-partijiet jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba kemm għas-settur kif ukoll għall-impjieg. L-adattament għall-bidliet fis-suq għandu jsir b’mod li jirrispetta l-ħaddiema iżda wkoll b’kunsiderazzjoni tat-theddida ta’ bidla f’daqqa u tar-rilokazzjoni tal-kumpaniji.
Il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar is-sostenibilità tas-settur għandha tintlaħaq permezz tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u Ewropew. Il-ħolqien ta’ Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali (SSDC) għas-settur tal-imballaġġ jista jipprovdi opportunità bħal din.
2. Introduzzjoni
L-għan ewlieni ta’ dan id-dokument huwa li jinforma lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li l-KESE/is-CCMI jikkunsidraw kritiċi għall-ixprunar tal-ekonomija Ewropea u s-settur tal-imballaġġ b’mod partikolari. Bħal f’oqsma oħra, l-Ewropa għandha għal darb’ oħra tmexxi u ssejjaħ għall-konformità mar-regoli u l-leġislazzjoni li ġenwinament jgħinu lill-ekonomija u li jkunu sostenibbli, bil-għan li ssaħħaħ is-suq intern: il-fiduċja u l-konformità mar-rekwiżiti legali għandhom l-prijorità, mhux il-protezzjoni.
2.1. |
L-industrija tal-imballaġġ isservi varjetà wiesgħa ta’ għanijiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: il-protezzjoni (prevenzjoni ta’ ksur, taħsir u kontaminazzjoni, żieda fil-konservabilità); il-promozzjoni (ingredjenti tal-prodotti, karatteristiċi, messaġġi promozzjonali u branding); l-informazzjoni (identifikazzjoni tal-prodott, preparazzjoni u użu, data nutrizzjonali u ta’ ħażna, twissijiet ta’ sikurezza, informazzjoni ta’ kuntatt, istruzzjonijiet dwar il-ftuħ, ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja tal-oġġetti); il-konvenjenza (preparazzjoni tal-prodott, kif isservih, ħażna u tqattigħ); l-użu (forniment għall-unitajiet tal-konsumatur, ta’ min ibigħ bl-imnut u tat-trasport); it-trattament (trasport mill-produtturi għan-negozjanti, il-preżentazzjoni fil-punti tal-bejgħ); u t-tnaqqis tal-iskart (ipproċessar, użu mill-ġdid ta’ prodotti sekondarji, ħażna u enerġija tat-trasport). |
2.2. |
Minħabba l-varjetà kbira li teżisti fis-settur, l-industrija tal-imballaġġ teħtieġ approċċ wiesa’ u varjat. Bħala settur ta’ valur, hemm bżonn attitudni attenta għad-diversità tiegħu, il-ħtieġa ta’ konformità mar-regoli u l-leġislazzjoni u ovvjament il-kompetittività tas-settur. |
2.3. |
Waqt li hemm għadd ta’ kwistjonijiet kritiċi komuni għall-maġġoranza tas-setturi, sottosetturi individwali jaffaċċjaw problemi speċifiċi għalihom. Dan minħabba li prodotti speċifiċi huma soġġetti għal ħtiġijiet differenti, b’mod partikolari f’termini ta’ standards u ċertifikazzjonijet. |
2.4. |
L-użu tal-imballaġġ biex iwassal il-messaġġ tal-innovazzjoni u l-kwalità huwa opportunità għall-Ewropa. Għaldaqstant, għadd ta’ miżuri għandhom l-għan li jidentifikaw b’mod ċar il-kwalità u l-innovazzjoni tal-prodotti f’pakkett speċifiku. Din hija sfida kontinwa li hija kruċjali għad-differenzjazzjoni tal-prodotti tal-UE minn dawk li jiġu minn partijiet oħra tad-dinja. |
2.5. |
Il-KESE jemmen li hemm żewġ kwistjonijiet oħra li huma vitali wkoll għal din id-diskussjoni: l-aspett loġistiku tal-industrija tal-imballaġġ u l-aċċess għall-materja prima użata mis-settur. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet, jidher ċar għaliex l-isfidi li l-industrija Ewropea tal-imballaġġ qed taffaċċja huma daqshekk kbar. L-għan ewlieni ta’ dan id-dokument huwa li jinforma lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li l-KESE/is-CCMI jikkunsidraw kritiċi għall-ixprunar tal-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali u s-settur tal-imballaġġ b’mod partikolari. Bħal f’oqsma oħra, l-Ewropa għandha għal darb’ oħra tmexxi u ssejjaħ għall-konformità mar-regoli u l-leġislazzjoni li ġenwinament jgħinu lill-ekonomija u li jkunu sostenibbli, bil-għan li ssaħħaħ is-suq intern: il-fiduċja u l-konformità mar-rekwiżiti legali għandhom ikunu l-gwida ewlenija, mhux il-protezzjoni. |
2.6. |
Il-każ speċifiku tal-materjal użat huwa kwistjoni kritika li teħtieġ analiżi bir-reqqa sabiex tirrispetta s-suq miftuħ u tiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-atturi kollha tas-suq. |
2.7. |
Il-KESE jqis li t-twaqqif ta’ djalogu koordinat u inklużiv bejn il-partijiet interessati fis-settur ser jiżgura li s-settur jibqa’ sostenibbli u jipprovdi impjiegi deċenti fuq medda twila ta’ żmien u jkun kapaċi aktar biex ilaħħaq mal-bidla u jadatta għall-bżonnijiet tal-konsumaturi u d-domandi tas-soċjetà usa’. F’dan ir-rigward, il-potenzjal tad-djalogu soċjali biex isaħħaħ is-settur mhux qed jintlaħaq għal kollox u dan għandu jiġi indirizzat b’mod urġenti. |
2.8. |
Jekk is-settur għandu bżonn jadatta għall-bidla u jinbidel biex jilħaq il-ħtiġijiet tas-suq, l-uniku mod biex jinkisbu rimedji sostenibbli u ekwitabbli huwa permezz ta’ approċċ b’diversi kanali għall-involviment tal-partijiet interessati. Sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mas-settur, l-istruttura tiegħu, il-kompetittività u kwistjonijiet relatati bħalma huma l-impjiegi, il-ħiliet, l-adattament u l-vijabilità tas-settur u l-forza tax-xogħol tiegħu, għandu jiġi mħeġġeġ mill-Kummissjoni djalogu soċjali organizzat u strutturat kif suppost. Barra minn hekk, biex tiġi pprovduta pjattaforma għall-espressjoni ta’ interess mill-pubbliku ġenerali (jiġifieri, is-soċjetà u l-konsumaturi, il-ħaddiema, min iħaddem, il-gvernijiet, eċċ.), għandu jinħoloq mezz ta’ komunikazzjoni bejn żewġ naħat bejn id-diversi atturi u istituzzjonijiet. B’dan il-mod, il-partijiet kollha kkonċernati jistgħu jiġu involuti fis-settur u r-rwol ċentrali tiegħu fis-soċjetà. |
3. Analiżi/qafas
3.1. |
Is-settur Ewropew tal-imballaġġ jiġbor fih firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, u għalkemm jaffaċċja problemi simili bħal industriji oħra, is-settur jaffaċċja għadd ta’ sfidi uniċi u sinifikanti fil-present u fuq terminu qasir u ta’ żmien medju. Is-settur tal-imballaġġ jinkludi kumpaniji tal-imballaġġ tal-ħġieġ, metall, plastik, injam u karta, li fit-total tagħhom, jimpjegaw iktar minn 6,5 miljun persuna fl-Ewropa (3) (Eurostat). |
3.2. |
Is-settur tal-imballaġġ jirrapreżenta mhux biss firxa kbira ta’ prodotti, iżda wkoll varjetà kbira ta’ proċessi li huma distinti u li jintużaw biex jinħolqu prodotti għal swieq speċifiċi u għal utenti partikolari li kull wieħed minnhom jesiġi ambjenti differenti u li jipproduċu varjetà ta’ sfidi u karatteristiċi. Pereżempju, l-użu tal-enerġija huwa fattur sinifikanti tal-ispiża għall- kumpaniji tal-imballaġġ tal-ħġieġ. Barra minn hekk, peress li sa 80 % tal-materja prima hija riċiklata, il-manifattura tal-ħġieġ hija kontributur sinifikanti għall-miri tal-UE biex jitnaqqas l-iskart u għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tar-reġjun. |
3.3. |
Il-konnessjoni bejn il-materjal użat għall-imballaġġ hija wkoll aspett importanti u l-ispejjeż ogħla tat-trasport għat-tranżitu ta’ materjal, bħall-kartun immewweġ u t-tubi li jintużaw għall-imballaġġ, kellu effett negattiv fuq is-settur tal-imballaġġ. Għalhekk, l-impatt tal-ispejjeż tal-enerġija tul il-katina tal-provvista tas-settur – jekk wieħed jinnota d-distanza li prodotti, bħall-materjal stampat, jivvjaġġaw qabel ma jiġu użati minn kumpaniji tal-imballaġġ – jgħaddi għand is-settur tal-imballaġġ. |
3.4. |
Il-metall jista’ jiġi riċiklat aktar minn darba mingħajr l-ebda tnaqqis fil-kwalità, li joħloq valur addizzjonali għall-kontribut tas-settur lejn il-miri tar-riċiklaġġ tal-UE. |
3.5. |
Il-ħġieġ tal-kontenituri huwa użat biex jiġu prodotti flixken u vażetti u prodotti oħra ta’ imballaġġ u huwa l-akbar settur fl-industrija tal-ħġieġ fl-UE, jirrappreżenta madwar 60 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ u jimpjega 90 000 ruħ fl-UE (Eurostat). L-impjiegi fis-settur tal-ħġieġ b’mod ġenerali naqas minħabba ż-żieda fl-awtomazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-industrija u l-kompetizzjoni bi prezz baxx. L-importazzjonijiet minn barra l-UE tipprovdi aktar kompetizzjoni u kien hemm żieda fin-numru ta’ impjanti ta’ produzzjoni f’pajjiżi qrib jew li jmissu mal-fruntieri tal-UE b’anqas spejjeż tax-xogħol u regolamenti inqas stretti; dan joħloq kapaċità żejda għal żmien qasir u jitfa’ pressjoni fuq il-prezzijiet. Franza, il-Ġermanja u l-Italja huma l-ikbar produtturi fl-UE. Il-ħġieġ huwa materjal effiċjenti fir-riżorsi u jista’ jiġi rriċiklat għadd infinit ta’ drabi. Pereżempju, l-użu tal-enerġija huwa fattur sinifikanti tal-ispiża għall- kumpaniji tal-imballaġġ tal-ħġieġ. Barra minn hekk, peress li sa 80 % tal-materja prima hija riċiklata, il-manifattura tal-ħġieġ hija kontributur sinifikanti għall-miri tal-UE biex jitnaqqas l-iskart u għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tar-reġjun. Madankollu, minħabba l-materjali li jużaw u l-prodotti li jipproduċu, oqsma oħra tas-settur se jistrieħu ftit inqas fuq l-enerġija. |
3.6. |
Il-katina tal-provvista tas-settur hija kkumplikata mill-fatt li l-kumpaniji responsabbli għall-ipproċessar tal-imballaġġ tal-karta u l-kartun – għal prodotti bħall-kartun, il-kartun immewwġin, boxboard u containerboard – għandhom tendenza li jipproduċu l-karta huma stess u huma parti minn proċess ċirkolari li jinvolvi l-ippolpar u t-tneħħija tal-linka mill-materjal użat kif ukoll l-użu ta’ prodotti mhux maħduma mill-injam. |
3.7. |
Min-naħa l-oħra, l-imballaġġ bil-plastik għandu wkoll fatturi speċifiċi: mhux is-sottosetturi kollha tal-imballaġġ huma rappreżentati minn diversi korpi tal-industrija. L-imballaġġ tal-plastik jipprovdi għal swieq differenti minn dawk imsemmija hawn fuq – b’utenti bħall-manifatturi tal-karozzi, kumpaniji tal-kosmetika u kumpaniji li jipprovdu prodotti għas-saħħa u kontenituri għall-ikel ippakkjat. Iżda hemm assoċjazzjoni tal-industrija waħda biss għal dan is-sottosettur. L-imballaġġ tal-plastik huwa wkoll marbut ma’ kwistjonijiet ambjentali, bħall-produzzjoni tal-basktijiet tal-plastik għax-xiri u d-diffikultajiet assoċjati mar-rimi tagħhom u d-dikompożizzjoni tal-komponenti kostitwenti tagħhom. |
3.8. |
Din il-varjetà ta’ proċessi ta’ produzzjoni ħolqot għadd ta’ korpi rappreżentattivi tan-negozji, li wasslet għal nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u r-rappreżentanti tal-kumpaniji dwar kwistjonijiet sinifikanti bħas-sostenibiltà ambjentali u l-ġestjoni tal-bidla. In-natura frammentata tas-sottosetturi tal-imballaġġ, bħall-imballaġġ tal-metal, huwa ovvja mill-għadd kbir ta’ korpi rappreżentattivi. Pereżempju, il-produtturi tal-aluminju spiss huma l-istess kumpaniji li jipproduċu l-imballaġġ tal-aluminju u għandhom l-organizzazzjoni tal-kummerċ tagħhom (European Aluminium Association). Madanakollu, l-industrija speċjalizzata fl-imballaġġ tal-metall li tipproduċi bottijiet għax-xorb (magħmula mill-azzar u l-aluminju) għandha l-organizzazzjoni tal-kummerċ tagħha; u hemm assoċjazzjoni tal-kummerċ oħra għall-kumpaniji tal-imballaġġ li jispeċjalizzaw fil-prodotti tal-azzar. |
3.9. |
Minħabba l-importanza tas-settur, f’termini tal-kontribut tiegħu għall-PDG u l-impjieg, dawn il-kwistjonijiet speċifiċi għas-settur jeħtieġu attenzjoni partikolari. Madanakollu, dan is-settur hekk segmentat tal-industrija tal-imballaġġ, jaqdi l-ħtiġijiet tan-negozji ‘l fuq fil-katina tal-provvista madwar l-ekonomiji, u lil hinn mis-swieq tradizzjonali tiegħu. |
3.10. |
L-imballaġġ tal-prodotti jaqdi għadd ta’ ħtiġijiet u jkopri kwistjonijiet bħall-protezzjoni tal-prodotti (il-prevenzjoni mit-tkissir, taħsir jew kontaminazzjoni), l-informazzjoni promozzjonali (l-identifikazzjoni tal-prodott, il-markar kummerċjali, il-preparazzjoni, l-użu, l-informazzjoni nutrizzjonali u ta’ sikurezza), l-informazzjoni dwar l-immaniġġjar (it-trasportazzjoni u l-preżentazzjoni fil-punti tal-bejgħ) u t-tnaqqis tal-iskart (l-ipproċessar, il-ħżin u l-enerġija tat-trasport), u, fil-kuntest tal-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, id-disinn tal-imballaġġi huwa aspett importanti biex iżid l-ispazju disponibbli għat-trasport tal-prodotti. Ir-rwol tal-imballaġġ fih innifsu biex inaqqas il-ħela sar rilevanti billi kumpaniji onlajn, bħal Amazon, saru utenti kbar ħafna ta’ imballaġġ u l-kwistjoni tal-parti responsabbli jeħtieġ li tiġi indirizzata. Amazon, pereżempju, juża sistemi ċertifikati ta’ “imballaġġ li jinfetaħ malajr” (easy opening packaging). Bl-eliminazzjoni tal-plastik u taċ-ċineg, mill-2008 ‘l hawn Amazon biddel b’mod radikali l-approċċ tiegħu għal 2 00 000 prodott minn 2 000 manifattur, u b’hekk naqqas il-konsum tal-kartun b’5,4 miljun metru kwadu, il-materjali ġeneriċi b’11 203,7 tunnellata u l-volum totali ta’ kaxxi b’4 10 000 metru kubiku. Fir-realtà, il-konsumatur għandu r-responsabbiltà finali tal-imballaġġ tal-iskart, imma l-produttur, jew l-utenti intermedji, għandu jkollhom interess fl-ammont ta’ imballaġġ li eventwalment isir skart. |
3.11. |
Il-kwistjonijiet hawn taħt jeħtieġu studju bir-reqqa sabiex jiġi pprovdut fehim kumplessiv tas-sitwazzjoni attwali u soluzzjonijiet potenzjali biex jiġi żgurat li s-settur Ewropew tal-imballaġġ jibqa’ kompettitiv u sostenibbli u jipprovdi impjieg deċenti għal eluf ta’ ħaddiema li jiddependu minnu. |
3.12. |
Kwalunkwe bidla fid-disponibbiltà tal-materja prima se tinfluwenza kemm il-prezz kif ukoll id-disponibbiltà tal-prodott tal-imballaġġ komplut, u għandha l-potenzjal li tfixkel l-attivitajiet tas-settur. Għaldaqstant, għandu jsir studju tal-ixpruni u x-xejriet tal-materja prima sabiex l-industrija tkun tista’ tantiċipa l-bidliet futuri mingħajr it-tfixil potenzjali u assoċjat. Is-settur tal-imballaġġ tal-metall, pereżempju, huwa partikolarment taħt pressjoni minn żidiet qawwija fl-ispiża tal-materja prima u l-prezzijiet tal-enerġija. |
3.13. |
Fl-2012, il-Kummissjoni nediet is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima, bil-għan li tindirizza l-isfidi marbuta mal-provvista ta’ materja prima minerali u b’bażi tal-injam. |
3.14. |
It-talba, prinċipalment mill-Asja, għolliet il-prezz tal-materja prima sekondarja għall-imballaġġ tal-karti, u l-produtturi ma rnexxhielhomx sempliċiment jgħaddu dawn l-ispejjeż addizzjonali lill-klijenti. It-talba miċ-Ċina kkontribwixxiet sew għaż-żieda fil-prezz tal-materjal riċiklat għall-imballaġġ tal-karti (il-prezz tal-karta rkuprata kważi rdoppja mill-2006, waqt li fl-istess żmien il-preżż tal-karta riċiklata żdied bi kważi 50 %). Dawn iż-żidiet probabbli jkomplu fil-futur. |
4. Ħtiġijiet u xejriet tas-settur
4.1. |
L-imballaġġ tal-metall (magħmul minn azzar u aluminju) għall-industrija tal-imballaġġ, jimpjega madwar 60 000 persuna (Eurostat) fl-Ewropa minn total ta’ 3 55 000 ħaddiem fl-industrija tal-azzar Ewropea usa’, u Metal Packaging for Europe tistma li 80 000 persuna huma impjegati fl-industrija tal-aluminju, li testendi għal 2 55 000 impjegat madwar l-Ewropa kollha b’impjieg marbut tal-katina tal-valur tal-aluminju Ewropew. Is-settur bata u qed ikompli jbati minn telf ta’ impjiegi, kemm minħabba konsolidazzjoni fis-settur, kif ukoll minħabba kompetizzjoni minn barra (4). |
4.2. |
L-isfida għall-impjegaturi u l-forza tax-xogħol ta’ dan is-settur fl-Ewropa hija li jiżguraw li s-settur iżomm il-kompetittività tiegħu, juża bis-sħiħ l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u jipproduċi prodotti li huma sostenibbli u ta’ kwalità għolja. |
4.3. |
Il-kompetizzjoni minn barra tkompli tpoġġi pressjoni fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-forża tax-xogħol tas-settur – dawk li nistrieħu fuqhom biex joħolqu l-ġid, jużaw teknoloġiji innovattivi u fundamentalment, biex iżommu s-settur operattiv u b’futur sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. |
4.4. |
Is-settur Ewropew tal-imballaġġ ikompli jbati minn kapaċità żejda u dan iżid l-impatt tal-kompetizzjoni minn barra u jkompli jgħarraq il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Ix-xejra ‘l isfel fl-impjieg fis-settur (Anness A) turi l-impatt kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-kapaċità żejda. |
4.5. |
Is-settur tal-imballaġġ għandu l-potenzjal jipprovdi benefiċċji usa’ lill-ekonomiji Ewropej minħabba l-kapaċità tiegħu li jirriċikla l-materjal. Dejjem iktar materjal tal-imballaġġ qed ikun jew riċiklat jew huwa stess prodott ta’ materjal riċiklat minn setturi oħra tal-manifattura. Il-benefiċċji tar-riċiklaġġ għall-ambjent huma ovvji, u huma msemmija spiss fid-dokumenti tal-Kummissjoni. Madanakollu, is-settur tal-imballaġġ jista’ jtejjeb ir-rati ta’ riċiklaġġ tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, għandu l-potenzjal jagħlaq iċ-ċirku tal-ekonomija ċirkolari billi jevita l-esportazzjoni ta’ skart dubbjuż, u ma jippermettix aċċess għas-swieq Ewropej għall-importaturi ta’ imballaġġ li ma jikkonformax mal-aħjar prattiċi ambjentali (5). Il-kumpaniji tal-imballaġġ tal-metall u l-aluminju, li bil-prodotti tagħhom għandhom sehem ta’ 16 % mill-volum tal-prodotti tal-aluminju fl-Ewropa, jiddependu kemm fuq l-estrazzjoni tal-materja prima (boksajt) kif ukoll fuq ir-riċiklaġġ tar-ruttam tal-metall. |
4.6. |
Il-protezzjoni tal-konsumaturi, permezz tal-għotja ta’ informazzjoni kritika dwar il-prodott jew pariri dwar l-użu tal-prodott, hija wkoll aspett sinifikanti u importanti tal-industrija Ewropea tal-imballaġġ. Il-konsumaturi bi dritt jistennew li l-imballaġġ jipproteġi l-prodotti li jixtru, u fil-każ tal-ikel u x-xorb, jevita r-riskji tas-saħħa marbuta mal-ikel kontaminat. Il-bejjiegħa għandhom aspettattivi simili, iżda, barra minn hekk, l-imballaġġ tal-prodotti li jbiegħu għandu jtawwal kemm jista’ jkun il-ħajja fuq l-ixkaffa ta’ prodott. |
4.7. |
L-għamla u l-istruttura futuri tal-industrija huma ġeneralment dipendenti fuq l-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġija: l-istampar 3D, pereżempju, joffri opportunità għas-settur u konsumaturi, iżda s-suċċess tal-introduzzjoni u l-operazzjoni tiegħu fis-settur se jistrieħ ħafna fuq il-kooperazzjoni fi ħdan is-settur u l-aspettattivi tal-konsumaturi. L-industrija trid tieħu vantaġġ tat-teknoloġiji disponibbli u tadatta, permezz ta’ djalogu xieraq. |
4.8. |
Qed tiżviluppa prattika tajba kontinwament biex tittrasforma s-settur u biex dan jadatta għall-bidla, iżda din għandha bżonn l-għajnuna tal-istituzzjonijiet Ewropew biex jimmassimizza il-potenzjal tiegħu. L-UE tista’ toffri għajnuna, f’termini ta’ appoġġ finanzjarju jew tal-ħolqien ta’ Forum biex jiġu żviluppati aktar diskussjonijiet fost l-imsieħba soċjali, u s-settur għandu jinvolvi ruħu mal-UE f’dan il-proċess. |
4.9. |
Soluzzjonijiet sostenibbli u li fattibbli jistgħu jintlaħqu biss jekk iż-żewġ naħat tal-industrija jaħdmu flimkien u d-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u Ewropew jipprovdi din l-opportunità. Għaldaqstant il-ħolqien ta’ Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali għas-Settur tal-Imballaġġ huwa essenzjali biex jibdew jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet li tqajmu f’dan id-dokument. |
Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Ewrobarometru 398 Suq Intern (Ottubru 2013).
(2) MEMO-13-1151, Kummissjoni Ewropea, kwotazzjoni mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti” (COM(2013) 886 final).
(3) 7 00 000 impjieg dirett.
(4) Iċ-ċifri tal-Eurostat għall-aħħar deċennju juru tnaqqis kontinwu fl-impjieg fil-qasam tal-manifattura tal-imballaġġ bil-kartun immewweġ, il-plastik, il-metall, il-ħġieġ u l-injam. L-impjieg totali f’dawn is-sottosetturi tal-imballaġġ naqas b’1,2 miljun mill-2003 ‘l hawn.
(5) Għalkemm teżisti leġislazzjoni biex tiżgura li l-materjal tal-imballaġġ jikkonforma ma’ standards ambjentali, l-industrija Ewropea tal-imballaġġ issegwi wkoll għadda ta’ linji gwida sabiex tnaqqas l-emmissjonijiet u tippromwovi l-aħjar prattiki ambjentali. Il-kompetituri mhux Ewropew, għalkemm għandhom jikkonformaw mal-legislazzjoni Ewropea, jistgħu ma’ jsegwux dawn il-kodiċi jew standards volontarji li l-kumpaniji Ewropej isegwu.