Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE1468

    Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ikkompletar tal-UEM – Ir-rwol tal-politika tat-tassazzjoni” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 230/24


    Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ikkompletar tal-UEM – Ir-rwol tal-politika tat-tassazzjoni”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2015/C 230/04)

    Relatur:

    is-Sur TRÍAS PINTO

    Korelatur:

    is-Sur DANDEA

    Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    “L-ikkompletar tal-UEM – Ir-rwol tal-politika tat-tassazzjoni.”

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2014.

    Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, 53 vot kontra u 11-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-irkupru li għaddej fl-Ewropa b’pass inqas mgħaġġel milli fil-bqija tad-dinja huwa sintomatiku ta’ nuqqas fil-funzjonament tas-sistema li unjoni ekonomika u monetarja iktar profonda jkollha tindirizza. Din l-opinjoni tappoġġja l-proċess tal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, mill-aspett tar-rwol tat-tassazzjoni. Il-progress fil-koordinazzjoni tat-tassazzjoni diretta kien u se jkompli jkun diffiċli li jinkiseb għaliex għadu fil-kompetenza tal-Istati Membri u għandu l-għeruq tiegħu fil-qafas partikolari li kull Stat Membru għażel tul is-sekli għall-finanzjament tal-ispejjeż governattivi tiegħu li huma meqjusa neċessarji. Kull bidla fit-tassazzjoni għandha twassal għal skema ta’ tassazzjoni iktar kompetittiva u sostenibbli fil-livell globali.

    1.2.

    Sabiex l-UEM tiffunzjona kif imiss, jeħtieġ li l-leġislatura l-ġdida tpoġġi s-sisien għal – u b’mod gradwali tersaq lejn – unjoni fiskali li kapaċi tegħleb il-firxa wiesgħa ta’ regoli nazzjonali li jxekklu l-integrazzjoni reali u l-ħolqien ta’ suq uniku u, barra minn hekk, tersaq lejn baġit komuni msaħħaħ għaż-żona tal-euro.

    1.3.

    Flimkien mal-pilastru monetarju tal-BĊE, fuq perjodu medju ta’ żmien, effettivament jeħtieġ li jkun hemm ukoll “pilastru ta’ baġit komuni” li jiżgura stabbilizzazzjoni makroekonomika fi ħdan l-UEM, b’mod partikolari f’każ ta’ “skossi asimmetriċi”.

    1.4.

    Biex jinstab rimedju għan-nuqqasijiet u jimtlew il-lakuni fil-politika tat-tassazzjoni, jeħtieġ li jittieħdu passi iżjed ambizzjużi fi ħdan iż-żona tal-euro biex titnaqqas u tiġi armonizzata l-firxa tat-taxxi differenti, kif ukoll biex jiġu estiżi l-bażijiet tat-taxxa, jiġu allinjati iżjed mill-qrib ir-rati tat-taxxa, u jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni u tal-iskambju tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni.

    1.5.

    Jeħtieġ li l-leġislatura l-ġdida tikkoopera mal-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi) u l-G20 fit-tiftix ta’ soluzzjoni rapida għall-problema dinjija tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti. L-OECD għamel ħafna progress fl-introduzzjoni ta’ mudell globali għat-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet li għandu l-għan li jaqbad it-taxxa fejn tkun tinstab is-sustanza ekonomika. Dan il-mudell għandu jkun il-bażi għat-tassazzjoni korporattiva fl-UE.

    1.6.

    Sabiex nersqu lejn unjoni fiskali iżjed profonda, huwa essenzjali li tissokta s-superviżjoni baġitarja abbażi tat-Two Pack u jiġi introdott mill-iżjed fis fond fiskali ta’ riżorsi proprji fiż-żona tal-euro bil-għan li jinstab remedju għall-iżbilanċi makroekonomiċi (1).

    1.7.

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ it-tkomplija tal-proċess tas-Semestru Ewropew, li għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex jiġi żgurat li jkun effettiv. Ir-Rakkomandazzjonijiet individwali Speċifiċi għall-Pajjiż jistgħu jkunu għodda biex tinstab pożizzjoni komuni.

    1.8.

    Jeħtieġ li jiżdied il-baġit komuni miżeru ta’ bilkemm 1 % tal-PDG tal-UE, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro. Il-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni, is-Sur Juncker, “Bidu ġdid għall-Ewropa”, jitolbu baġit orjentat lejn iżjed impjiegi, tkabbir u kompetittività. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ u jenfasizza l-bżonn li r-reviżjoni lejn tmiem l-2016 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tintuża biex twitti t-triq għal żieda fil-baġit bil-għan li l-unjoni monetarja tiffunzjona kif imiss.

    1.9.

    Il-Kummissjoni għandha tibni fuq il-Komunikazzjoni ta’ Marzu 2013 “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina” (2) u tintroduċi Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività bil-għan li l-Istati Membri jagħmlu ftehimiet kuntrattwali biex iwettqu riformi li jġibu magħhom benefiċċji fil-livell nazzjonali u dak Ewropew bil-għan li jiġu indirizzati l-iżbilanċi, ħaġa li ma tistax issir mingħajr għajnuna finanzjarja. Dan il-fond għandu jiżviluppa f’kapaċità fiskali ta’ riżorsi proprji li jista’ jipprovdi għajnuna finanzjarja temporanja fil-ġlieda kontra l-iskossi reġjonali (3).

    1.10.

    Il-baġit taż-żona tal-euro għandu jgħin lill-unjoni monetarja tiffunzjona aħjar, tipprovdi appoġġ fiskali sabiex tinkiseb unjoni bankarja sħiħa u tassorbi l-iskossi asimmetriċi. Dawn il-funzjonijiet ma kinux jeżistu meta faqqgħet il-kriżi ekonomika, u dan aggrava b’mod drammatiku l-inugwaljanzi li ħtieġu miżuri fiskali.

    1.11.

    Il-KESE huwa konxju tal-kumplessità tal-kwistjoni u jipproponi sensiela ta’ miżuri biex jiġu adottati b’mod gradwali, b’konformità mal-għanijiet stabbiliti fit-trattati Ewropej (4):

    Fuq perjodu qasir ta’ żmien (6 xhur sa 18-il xahar):

    fil-livell tal-UE, tiġi adottata “bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva” fl-UE (5) b’konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tal-Kumitat (6), u billi l-parametri jiġu stabbiliti b’mod iżjed ġust milli fil-proposta attwali tal-Kummissjoni (7). Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll il-progress miksub mill-OECD.

    L-indirizzar tal-iżviluppi globali fil-livell tal-OECD u l-G20 fil-qasam tal-BEPS (Base Erosion and Profit Sharing – erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitti) biex jiġi żgurat li l-iskemi tat-taxxa jkunu trasparenti u ma jagħtux konċessjonijiet inġusti tat-taxxa, u jiġu eliminati b’mod urġenti l-prattiki użati fl-Istati Membri li permezz tagħhom korporazzjonijiet magħżula jingħataw privileġġi speċjali f’dak li jirrigwarda t-taxxi.

    It-tiftix ta’ ftehimiet effettivi fiż-żona tal-euro bil-għan li t-taxxa ppjanata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tiġi estiża lil hinn mill-ħdax-il Stat Membru li jappoġġjawha.

    Jiġu involuti ċ-ċittadini fil-ġlieda kontra l-ekonomija sewda, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa billi s-settur privat jitħeġġeġ isaħħaħ strumenti bħall-kupuni tas-servizzi (service vouchers), l-użu ta’ forom ta’ ħlas elettroniku li jħallu traċċa u kooperazzjoni mal-awtoritajiet għal dawn il-finijiet.

    It-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva, lil hinn min-netwerk u l-bażi tad-data attwali tal-VAT, bl-użu tal-kooperazzjoni msaħħa, f’erba’ oqsma:

    (i)

    It-tisħiħ tal-pjattaforma tal-Eurofisc (8) bħala aġenzija embrijonika tal-UE li taġixxi bħala kamra tal-ikklerjar għall-VAT u kontra l-frodi tat-taxxa li qed tibda topera fiż-żona tal-euro, bil-għan li tiġi kkompletata l-katina tal-informazzjoni għat-teżori nazzjonali, u b’hekk jintemm il-“frodi karusell” (9).

    (ii)

    It-tisħiħ tad-Direttiva tal-2011 dwar Għajnuna Reċiproka (10) bħala bażi legali fl-UE kollha kemm hi, billi, f’każ ta’ bżonn, ċertu kontenut tagħha jieħu l-għamla ta’ regolament.

    (iii)

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta l-proposta tagħha li tinsab fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali sabiex jitpoġġew f’lista sewda l-ġurisdizzjonijiet li jaġixxu bħala rifuġji fiskali u ma jirrispettawx il-governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, u jitlob li jiġu stabbiliti kriterji komuni fil-livell tal-UE bil-għan li dawn il-ġurisdizzjonijiet jiġu identifikati sabiex jiġi evitat li l-proposta tiġi applikata b’mod differenti. Il-Kumitat iħeġġeġ lid-DĠ Kompetizzjoni biex jinvestiga bis-sħiħ kwalunkwe ftehim ta’ taxxa inġust li jintlaħaq mill-Istati Membri u kumpaniji individwali. Barra minn hekk, l-użu u l-lokazzjoni ta’ negozji f’dawn it-territorji għandu jissemma b’mod speċifiku fir-rapporti dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-intrapriżi elenkati fil-Boroż.

    (iv)

    It-twaqqif ta’ korp Ewropew għas-semplifikazzjoni tat-taxxa abbażi ta’ esperjenza preċedenti fl-Istati Membri.

    Fuq perjodu medju ta’ żmien (18-il xahar sa 5 snin):

    Rigward it-tassazzjoni korporattiva: Fl-ispirtu tas-“serp monetarju” tat-tmeninijiet u bil-għan li titwitta t-triq għal bidla fit-Trattat, jinħoloq “serp tat-taxxa” fiż-żona tal-euro li jikkonsisti f’rati minimi u massimi tat-taxxa bil-għan li jiġu armonizzati b’mod gradwali.

    Il-ksib ta’ kapaċità fiskali fiż-żona tal-euro (11), permezz ta’ dħul abbażi tat-taxxa msemmija qabel dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji u erba’ oħra: il-konsum ta’ enerġiji mhux rinnovabbli (limitati għal dawk li f’dawn l-aħħar snin irreġistraw tnaqqis fil-prezz), imposta temporanja applikata fuq l-eċċessi tal-bilanċ tal-pagamenti li jaqbżu s-6 % tal-PDG (12), il-ħruġ ta’ bonds konġunti u s-sehem fid-dħul mis-seigniorage mill-ħruġ tal-munita.

    It-twaqqif ta’ awtorità fiż-żona tal-euro sabiex tikkoordina lill-Istati Membri fil-ġbir ta’ dawn il-ħames taxxi tal-Unjoni, kif ukoll biex tiċċekkja, tispezzjona u tqassam id-dħul.

    Għaldaqstant, il-ħolqien ta’ baġit federali addizzjonali fiż-żona tal-euro, li jipprovdi assigurazzjoni komuni kontra l-qgħad, politiki ta’ koeżjoni u investiment sostenibbli marbut mal-ekonomija ekoloġika.

    L-emendar tal-mudell attwali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fiskali fiż-żona tal-euro, bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ maġġoranza kkwalifikata. Il-Kumitat jirrikonoxxi li dan jeħtieġ bidla kontroversjali fit-trattat.

    2.   L-UEM u l-qafas fiskali tagħha u dak marbut mat-tassazzjoni

    2.1.   Qafas

    2.1.1.

    It-28 Stat Membru tal-UE bdew it-triq tal-integrazzjoni, u l-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom impenji u obbligi iżjed b’saħħithom, iggwidati mill-unjoni monetarja, issa msaħħa minn unjoni bankarja li kulma jmur qed tiżviluppa u t-Trattat Intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

    2.1.2.

    Attwalment, il-politika tat-tassazzjoni tkopri ’l fuq minn 600 taxxa distinta. Dawn jipprovdu l-biċċa l-kbira tad-dħul, ekwivalenti b’kollox (kontribuzzjonijiet mit-taxxi u s-sigurtà soċjali) għal 39,4 % tal-PDG tal-Istati Membri (13) u 40,4 % fiż-żona tal-euro. Hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ koordinazzjoni fil-politiki tal-Istati Membri dwar it-tassazzjoni fiż-żona tal-euro sabiex jikkomplementaw il-politika monetarja waħdanija tal-BĊE.

    2.1.3.

    Il-progress lejn unjoni fiskali, fil-każ taż-żona tal-euro, ifisser li trid tiddependi mir-riżorsi proprji tagħha u twitti t-triq biex tappoġġja b’mod effettiv riformi strutturali importanti fl-ekonomiji f’diffikultà kif ukoll li timplimenta politiki abbażi tas-solidarjetà u dawk marbutin mar-ridistribuzzjoni li huma essenzjali biex jiġġieldu l-iskossi asimmetriċi.

    2.1.4.

    Meta mqabbla ma’ ekonomiji avvanzati oħra l-UE, u ż-żona tal-euro b’mod partikolari, għandha rati iżjed baxxi ta’ tkabbir (PDG) u impjieg. Il-biċċa l-kbira tat-teoriji tal-integrazzjoni ekonomika jissuġġerixxu mudelli li jħaddnu kemm l-unjoni monetarja kif ukoll dik fiskali. Iżda t-TFUE jimponi t-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod unanimu fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni, li jagħmel l-adozzjoni tal-leġislazzjoni diffiċli ferm.

    2.1.5.

    In-nuqqas ta’ effiċjenza makroekonomika fiż-żona tal-euro jista’ jiġi parzjalment attribwit għad-disparità li teżisti bejn il-politika fiskali, li hija deċentralizzata ħafna u fil-kompetenza tal-Istati Membri, u l-politika monetarja li, fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, qed issir dejjem iżjed ċentralizzata taħt l-awtorità tal-BĊE.

    2.1.6.

    Is-setgħat limitati tal-BĊE jwaqqfuh milli jiffinanzja d-defiċits baġitarji permezz tal-ħruġ tal-flus. Din tista’ tkun ħaġa pożittiva għall-istabbiltà tal-prezzijiet u l-valur tal-munita, iżda mhux għat-tkabbir, l-impjieg u għanijiet oħra. Ftit li xejn sar progress fl-UE lejn l-unjoni fiskali mill-unjoni monetarja “l hawn” li jagħmilha diffiċli li tiġi żgurata l-mobbiltà tax-xogħol u l-kapital, u li tinstab soluzzjoni għall-kriżi u l-iskossi asimmetriċi.

    2.2.   Xejriet u problemi relatati mad-dħul u l-infiq

    2.2.1.

    Il-koordinazzjoni minima tal-politika tat-tassazzjoni applikata sa issa bilkemm hija biżżejjed biex timpedixxi d-distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u biex ittaffi t-tellieqa kompetittiva lejn l-iżjed livell baxx, liema ħaġa taffettwa l-iżjed lir-rati nominali u effettivi tat-taxxi korporattivi u tal-persuni fiżiċi fuq id-dħul; dan jista’ jkollu effett pożittiv jekk jiġi indirizzat b’mod konċertat bejn l-Istati Membri. Sfortunatament, bħalissa, din hija logħba ta’ total negattiv li fiha r-rebbieħa huma d-dħul fuq il-kapital u x-xogħol b’livell għoli ta’ mobbiltà, mentri l-biċċa l-kbira huma t-telliefa.

    2.2.2.

    Għalkemm l-integrazzjoni fiskali titlob sistema ta’ trasferimenti u awtorità, il-baġit tal-UE huwa limitat għal 1 % tal-PDG. It-trasferimenti netti jagħmlu parti minima minn dawn ir-riżorsi, minkejja l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proġett Ewropa 2030.

    2.2.3.

    Il-pjan direzzjonali lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja totali, li tfassal fl-2012 (14), jipproponi li, fuq perjodu medju ta’ żmien, nimxu lejn unjoni ekonomika, monetarja u fiskali, fost affarijiet oħra permezz ta’ inizjattivi iżjed speċifiċi, filwaqt li fuq perjodu qasir ta’ żmien, huwa ppjanat li tissaħħaħ il-governanza fiskali u ekonomika (Six Pack, Patt Fiskali u Two Pack); is-Semestru Ewropew u r-Rakkomandazzjonijiet tiegħu; u, fl-aħħar nett, it-Trattat Intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-UEM iffirmat minn 25 pajjiż, barra t-TFUE. Is-sistema taħdem biss f’direzzjoni waħda, hija riġida u xejn prattika, u ma tipprovdix il-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sistema ekonomika immedjata f’sitwazzjoni ta’ kriżi u biex tiġi introdotta taħlita ta’ politiki fiż-żona tal-euro.

    2.2.4.

    Fil-fatt, ta’ min isemmi li, sal-lum il-ġurnata, tnedew biss miżuri mil-lat tal-infiq filwaqt li l-lat tad-dħul ta’ unjoni fiskali twarrab kompletament.

    2.2.5.

    Apparti n-nuqqas ta’ awtorità ta’ superviżjoni fiskali, it-troika aġixxiet b’mod politiċizzat meta imponiet politiki ta’ awsterità fil-pajjiżi li kellhom bżonn l-għajnuna, u ġiet ikkritikata mill-Parlament Ewropew (15) u l-KESE għan-nuqqas ta’ effettività u trasparenza tagħhom.

    2.2.6.

    Il-KESE jappoġġja l-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni, is-Sur Juncker, “Bidu ġdid għall-Ewropa”, li jitolbu lill-UE tissostitwixxi t-“troika” bi struttura iżjed demokratikament leġittima u iżjed responsabbli abbażi tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’kontroll parlamentari msaħħaħ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

    2.2.7.

    Sadattant, il-politiki tal-iżvalutazzjoni fiskali mfittxijin fi wħud mill-iżjed pajjiżi vulnerabbli taż-żona tal-euro għamlu ħsara lill-mudell soċjali Ewropew (16) pjuttost milli żiedu l-kompetittività, peress li t-tnaqqis tal-piżijiet fuq ix-xogħol bħala fattur ta’ produzzjoni bilkemm kellu impatt mil-lat tat-tkabbir, l-impjieg u l-qagħda tad-dejn, u dan wassal għal telf bla bżonn tad-dħul mit-taxxi. Madankollu, f’xi Stati Membri, jidher li l-korrezzjoni ta’ xi wħud mill-iżbilanċi qed tibda turi effetti pożittivi.

    3.   Kummenti

    3.1.   Rilevanza tat-tassazzjoni tas-servizzi finanzjarji u diġitali

    3.1.1.

    Id-diffikultà li jsir progress fl-integrazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ntweriet f’żewġ oqsma: it-tranżazzjonijiet finanzjarji u t-tranżazzjonijiet fl-ekonomija diġitali; il-Kummissjoni għandha tagħti tweġiba rapida, b’konformità mal-investigazzjonijiet tad-DĠ għall-Kompetizzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp tal-Esperti fi ħdan il-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali (17) u l-ewwel proposti tal-OECD (18) għal approċċ internazzjonali kkoordinat kontra l-evitar tat-taxxa min-naħa tal-intrapriżi multinazzjonali, taħt il-Proġett tal-OECD/G20 fil-qasam tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti (bil-għan li jinħoloq sett wieħed ta’ regoli internazzjonali dwar it-taxxi biex tintemm l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa u t-trasferiment artifiċjali tal-profitti lejn ġurisdizzjonijiet biex jevitaw li jħallsu t-taxxi).

    3.1.2.

    Peress li t-taxxa ppjanata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għall-UE kollha sa issa kienet limitata għad-Direttiva ta’ Frar 2013 dwar il-kooperazzjoni msaħħa, li tinvolvi biss 11-il pajjiż miż-żona tal-euro (19), l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi estiża tal-anqas għaż-żona tal-euro (u b’hekk jingħeleb in-nuqqas ta’ progress miksub f’dawn l-aħħar xhur).

    3.1.3.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li tiġi emendata d-Direttiva dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil (20), sabiex tittejjeb l-informazzjoni u jkun hemm prevenzjoni iżjed effettiva tal-evażjoni tat-taxxa.

    3.2.   Strutturi tat-taxxa: bażijiet, rati tat-taxxa u eżenzjonijiet

    3.2.1.

    Kull sena l-UE titlef ferm iżjed dħul mit-taxxi milli jsofru l-Istati Uniti jew pajjiżi oħra fejn hemm livell iżjed baxx ta’ ekonomija sewda, frodi tat-taxxa jew tal-impjieg u evażjoni tat-taxxa (21). Bil-għan li jiġu evitati l-anormalitajiet ta’ funzjoni, bħar-rifuġji fiskali, l-istrutturi estensivi u kumplessi tat-taxxa jitolbu omoġeneità, semplifikazzjoni u armonizzazzjoni akbar bejn il-pajjiżi. Il-proċess għandu jibda biż-żona tal-euro, ikkoordinat mill-Kummissjoni u l-Grupp tal-euro, permezz ta’ korp Ewropew għas-semplifikazzjoni bħalma diġà jeżisti f’ċerti pajjiżi (22).

    3.2.2.

    Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li jkun tajjeb li tiġi stabbilta bħala prijorità l-konverġenza tal-politiki tat-taxxa fil-qafas tas-Semestru Ewropew (billi jittieħed vantaġġ minn ċerti Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi), peress li dan huwa l-forum għall-koordinazzjoni tal-isforzi fil-qasam tal-politika ekonomika bejn l-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020, bl-għajnuna tal-politiki l-oħra.

    3.2.3.

    Il-KESE jitlob għal skema ġenerali iżjed effettiva u ġusta, li torjenta r-riforma tat-taxxa u l-armonizzazzjoni lejn it-trasparenza, it-twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-evitar aggressiv tat-taxxa, b’mod li jkunu jistgħu jonqsu r-rati tat-taxxa u jiġi ridistribwit il-piż.

    3.2.4.

    Il-KESE jirrakkomanda li tiġi limitata s-sistema tal-eżenzjonijiet, skont in-natura ta’ kull taxxa permezz ta’ analiżijiet rigorużi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, b’konformità mal-prinċipju internazzjonali tal-infiq fuq it-taxxa, li ilu kkonsolidat mill-1968 “l hawn” u fid-dawl tal-fatt li matul l-aħħar ħames snin tal-kriżi s-sistemi tal-benefiċċji tat-taxxa setgħu jinkorporaw parti sostanzjali miż-żieda fl-inugwaljanza tas-suq fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, skont studji tal-Kummissjoni (23).

    3.2.5.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tipparteċipa b’mod iżjed attiv, permezz tar-rappreżentanti taż-żona tal-euro, fid-dibattiti dwar il-koordinazzjoni tal-ħidma ta’ armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tagħha mal-OECD (24), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) (25) u l-G20 (26), u tibda bil-prezzijiet tat-trasferiment, il-frodi u l-ekonomija sewda u, fuq kollox, il-problemi ta’ ugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-piż tat-tassazzjoni.

    3.2.6.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS (Base Erosion and Profit Sharing – erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitti (27)) ser ikun fundamentali fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa f’livell globali. Għalhekk, iħeġġeġ lill-G20, l-OECD u l-Istati Membri kollha biex jiżviluppawh, joħolqu aġenzija embrijonika tal-UE li taġixxi bħala kamra tal-ikklerjar għall-VAT u tindirizza l-frodi tat-taxxa, bil-għan li tintemm il-problema tal-frodi karusell (28) fi tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, li tagħmel iżjed ħsara mill-ekonomija sewda nnifisha.

    3.2.7.

    Fl-aħħar nett, peress li l-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa jwasslu għal rati effettivi ta’ taxxa li huma ferm inqas minn dawk nominali, għandhom jiġu kkoordinati mal-għanijiet Ewropej fil-qasam tal-impjieg, l-investiment produttiv, il-kompetittività tal-intrapriżi u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll mal-politiki tal-Unjoni li jsawru l-mudell soċjali Ewropew.

    3.3.   Tassazzjoni tal-intrapriżi

    3.3.1.

    Il-KESE jitlob li tingħata prijorità lill-armonizzazzjoni tat-taxxi korporattivi sabiex jinkiseb progress lejn unjoni baġitarja u fiskali koerenti (29), b’mod li l-SMEs ma jħallsux l-ogħla rati effettivi tat-taxxa. Barra minn hekk, il-KESE jqis bħala kundannabbli ħafna l-prattika f’ċerti Stati Membri li, mingħajr l-ebda informazzjoni lill-pubbliku, jipprovdu ħelsien speċjali mit-taxxa għal korporazzjonijiet multinazzjonali magħżula; għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu kull azzjoni possibbli biex telimina tali prattiki. Din is-sitwazzjoni twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni li hija inkompatibbli mal-iskop aħħari tas-suq uniku.

    3.3.1.1.

    Waħda mill-ewwel u l-iżjed lievi importanti għandha tiffoka fuq il-“ħolqien ta’ bażi għat-taxxa konsolidata komuni”. Din il-pożizzjoni tressqet uffiċjalment mill-Kumitat fl-2006 (30) u ġiet ikkonfermata iżjed tard (31). Fl-1992, ir-Rapport Ruding diġà kien ġibed l-attenzjoni għall-bżonn ta’ regoli komuni li jiddefinixxu l-bażi tat-taxxa, u l-punt ta’ tluq ikunu rati minimi u massimi.

    3.3.1.2.

    Fl-ispirtu tas-“serp monetarju” maħsub biex jilqa’ kontra l-fluttwazzjonijiet monetarji qabel l-introduzzjoni tal-euro, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-awtoritajiet responsabbli jitħeġġew jikkooperaw u joħolqu limiti massimi u minimi għat-taxxa korporattiva. Għandhom jiġu eliminati wkoll b’mod ikkoordinat dawk l-eżenzjonijiet li jwasslu inqas għal żieda fl-impjieg jew il-produttività.

    3.3.2.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal direttiva dwar kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri, li hija waħda fost 34 miżura inklużi fil-“Pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa” (32) imressaq mill-Kummissjoni lejn tmiem l-2012. iżda jippreferi li jkun implimentat permezz ta’ regolament.

    3.3.3.

    Rigward il-kummerċ intra-Komunitarju tal-beni u s-servizzi, sar iżjed progress dwar l-armonizzazzjoni tal-VAT, fejn kien hemm titjib tal-armonizzazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa iżda għad hemm differenzi sostanzjali fir-rati tat-taxxa.

    3.3.4.

    Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-natura strateġika tagħhom, il-KESE jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp (33).

    3.3.5.

    Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-ebda miżura prevista ma tagħmel ħsara lill-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

    3.4.   Tassazzjoni tal-persuni u l-unitajiet domestiċi

    3.4.1.

    Il-persuni fiżiċi huma soġġetti kemm għat-tassazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta. Jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna li min-natura tagħhom it-taxxi indiretti huma rigressivi u, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni ‘l fuq tat-tassazzjoni indiretta hija rigressiva u jista’ jkollha effett drastiku fuq is-setturi tas-soċjetà bl-iżjed livelli baxxi ta’ dħul mingħajr suppliment kumpensatorju ta’ dħul.

    3.4.2.

    L-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni diretta tal-persuni fiżiċi hija limitata għal każijiet speċifiċi u l-piż tat-taxxa ma għadux jikkonverġi.

    3.4.3.

    Tal-anqas fiż-żona tal-euro, għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-għadd ta’ kapitoli fil-liġi dwar l-imgħax fuq id-dħul personali u l-ispiża tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, b’mod li jiġi evitat id-dumping soċjali u l-hekk imsejħa “tax wedge” (porzjon ta’ taxxa) fuq ix-xogħol tkun iżjed uniformi u b’hekk tiffaċilita l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol (34). In-natura progressiva ta’ din ix-xorta ta’ tassazzjoni għandha tiġi estiża għad-dħul mill-kapital u l-ġid li jiġġeneraha, u b’hekk għal darb’oħra it-taxxa fuq il-proprjetà, il-wirt u d-donazzjonijiet isiru strumenti ta’ kontroll. Barra minn hekk, dawn it-tipi ta’ taxxi ma għandhomx l-effett li jnaqqsu d-domanda daqskemm għandhom it-taxxi fuq ix-xogħol.

    3.4.4.

    Il-bżonn li ssir enfasi akbar fuq l-investiment pjuttost milli l-konsum jagħmilha partikolarment importanti li jiġu armonizzati u stabbiliti sriep ta’ konverġenza għat-tassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil (35) u d-dividendi riċevuti minn persuni fiżiċi u l-benefiċċji tal-pensjoni transkonfinali.

    3.4.5.

    Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni qed tfittex modi kif tagħmel l-istrutturi tat-taxxa iżjed adatti għat-tkabbir, u qed tanalizza wkoll ir-rwol li t-tassazzjoni tista’ taqdi biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-konsolidazzjoni fil-kuntest tal-estensjoni tal-bażijiet tat-taxxa, pereżempju t-tassazzjoni tad-djar. Għalhekk, l-għan tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri fis-Semestru Ewropew kien li jsir użu addizzjonali tat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni jew bħala parti minn trasferiment tat-taxxi lil hinn mix-xogħol (36).

    3.4.6.

    Il-KESE jipproponi wkoll li jiġu adottati miżuri addizzjonali biex jiġu armonizzati t-taxxi ambjentali, abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni “Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030”.

    3.4.7.

    Iċ-ċittadini jgħinu biex jiġġieldu l-problema serja tal-frodi tat-taxxa u tax-xogħol jekk ikun hemm inċentivi għal dan. Għandhom jissaħħu strumenti bħall-kupuni tas-servizzi jew l-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa għal servizzi oħra ta’ appoġġ personali, li jikkombinaw l-għanijiet tal-promozzjoni tal-benesseri soċjali u l-ħruġ fid-dieher tal-ekonomija sewda.

    3.4.8.

    Sabiex l-ekonomija informali tiġi miġġielda, il-KESE jipproponi li jiġu introdotti inċentivi tat-taxxa għall-użu ta’ forom ta’ ħlas, bħall-kards u l-mowbajls, li jħallu traċċa u jinkoraġġixxu l-inklużjoni finanzjarja u diġitali, permezz ta’ ħelsien jew eżenzjonijiet mit-taxxa armonizzati għall-individwi u l-intrapriżi li jnaqqsu l-użu ta’ kontanti.

    3.4.9.

    Bl-istess mod, il-kooperazzjoni pubblika tista’ tissaħħaħ permezz ta’ inċentivi ekonomiċi biex jiġu esposti tranżazzjonijiet possibbilment frodulenti, abbażi ta’ prattika abitwali użata fl-Istati Uniti.

    3.5.   Tazzazzjoni territorjali (fil-livell tar-reġjuni, l-Istati u l-UE)

    3.5.1.

    Il-firxa wiesgħa tat-tassazzjoni tinkoraġġixxi l-frodi, il-korruzzjoni u l-ekonomija sewda. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jeżerċitaw setgħat akbar fl-erba’ oqsma prinċipali tat-tassazzjoni: it-tassazzjoni diretta tal-persuni fiżiċi u legali (inkluża t-tassazzjoni ta’ dħul minn kapital u l-proprjetà kif ukoll taxxi oħra marbutin mal-ġid), u dik indiretta fl-għamla tal-VAT u t-taxxi speċjali.

    3.5.2.

    Il-progress fil-governanza fiskali inevitabbilment ifisser li l-Istati Membri jitilfu s-sovranità tagħhom b’mod gradwali. B’hekk, il-ġbir tat-taxxi jista’ jibqa’ fil-biċċa l-kbira tiegħu kwistjoni statali, filwaqt li l-kontroll, l-ispezzjoni u d-distribuzzjoni tad-dħul isiru bejn l-Unjoni u l-Istati. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi t-twaqqif ta’ awtorità tat-taxxa fl-UE, l-ewwel nett fiż-żona tal-euro.

    3.5.3.

    B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jiġu rispettati t-taxxi lokali, iżda l-KESE jirrakkomanda li titnieda kampanja ta’ semplifikazzjoni billi jitnaqqsu, jiġu raggruppati u standardizzati bosta taxxi eżistenti.

    3.6.   Dimensjoni esterna u rabta mal-politiki pubbliċi

    3.6.1.

    Il-politika fiskali supranazzjonali (37) tkun strument effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, u l-iżjed il-politiki ta’ koeżjoni u sostenibbiltà.

    3.6.2.

    Il-KESE jitlob għall-istabbiliment ta’ baġit federali addizzjonali, tal-anqas fiż-żona tal-euro, li jagħmilha possibbli li jinġabru t-taxxi u gradwalment ikun jista’ jħaddan dawk il-politiki li jistgħu jiġu implimentati aħjar b’mod konġunt: l-assigurazzjoni kontra l-qgħad marbuta ma’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol (38), ir-riċerka u l-iżvilupp, id-difiża, mekkaniżmu komuni li jikkumpensa għall-piż tal-imgħaxijiet fuq id-dejn (39), eċċ.

    3.6.3.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-inizjattivi li ħadu l-OECD u l-G20 fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa u fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, u jħeġġeġ li l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa jsir l-istandard internazzjonali.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Madankollu, is-sistema hija riġida wisq u xejn mhi prattika, u mhux kapaċi tiżgura b’mod rapidu l-flessibbiltà meħtieġa biex tindirizza ċirkustanzi ekonomiċi immedjati u tipproponi taħlita ta’ politiki għaż-żona tal-euro, f’sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri ma għadx għandhom il-flessibbiltà li jniedu pjani ta’ rkupru għall-ekonomiji tagħhom. Din is-sitwazzjoni twassal għal instabbiltà finanzjarja qawwija.

    (2)  COM(2013) 165 final.

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività/Riformi maġġuri ta’ politika ekonomika” (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 45).

    (4)  Ara b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tat-TFUE.

    (5)  Ara l-punti ewlenin marbutin mal-ECO mid-dokument “Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss”, imressaq quddiem il-Parlament Ewropew minn Jean-Claude Juncker. Ara wkoll Juncker: Bidu ġdid għall-Ewropa: L-aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku, p. 6.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB)” (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 63).

    (7)  COM(2011) 121 final.

    (8)  www.eurofisc.eu

    (9)  Bejgħ fittizju fl-Istat Membru tal-konsum finali li jiġġenera telf potenzjalment illimitat għat-teżori nazzjonali.

    (10)  Direttiva 2011/16/UE.

    (11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Politika baġitarja: tkabbir u aġġustament baġitarju” (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8); u dwar “L-ikkompletar tal-UEM – Il-leġislatura Ewropea li jmiss” u l-“Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina”, COM(2012) 777 final/2, punt 3.

    (12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10).

    (13)  Data tal-2012 ippubblikata mill-Eurostat (92/2014) fis-16 ta’ Ġunju 2014.

    (14)  COM(2012) 777 final/2.

    (15)  Alejandro Cercas, Rapport: PE528.091v02-00.

    (16)  Eurofound Yearbook, 2013.

    (17)  Ara r-Rapport – Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Grupp tal-Esperti, li dik is-sena stess iddefinixxa l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ħidmietu u l-pjan ta’ azzjonitiegħu. L-opinjoni tiegħu ġiet pubblikata fit-28 ta’ Mejju 2014.

    (18)  http://www.oecd.org/tax/beps-2014-deliverables.htm

    (19)  COM(2013) 71 final, 03/045(CNS): il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja.

    (20)  Tassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil – Kummissjoni EwropeaTassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil – Kummissjoni Ewropea (paġna mhux disponibbli bil-Malti).

    (21)  Friedrich Schneider, “Shadow Economies and Corruption all over the World: Empirical Results for 1999 to 2003”, fil-ħarġa speċjali tal-International Journal of Social Economics (IJSE), Serje 1, Vol. 35, Numru 9, 2008.

    (22)  Pereżempju, l-Office of Tax Simplification, HM Treasury, parti mill-Gvern tar-Renju Unit.

    (23)  Research note 02/2013 tal-Kummissjoni Ewropea “The effect of tax-benefit changes on income distribution in EU countries since the beginning of the economic crisis” (mhux disponibbli bil-Malti).

    (24)  OECD project on Base Erosion and Profit Shifting (BEPS)

    (25)  Role of the IMF in international taxation

    (26)  https://www.g20.org/sites/default/files/g20_resources/library/Saint_Petersburg_Declaration_ENG.pdf

    (27)  Centre for Tax Policy and Administration – OECD

    (28)  Bejgħ fittizju fl-Istat Membru tal-konsum finali li jiġġenera telf potenzjalment illimitat għat-teżori nazzjonali.

    (29)  Ara d-dikjarazzjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa”, adottat fis-sessjoni plenarja tad-29 u t-30 ta’ April 2014. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja – l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa” (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8).

    (30)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħolqien ta’ bażi għat-taxxa konsolidata korporattiva komuni fl-UE” (ĠU C 88, 11.4.2006, p. 48, mhux disponibbli bil-Malti).

    (31)  Opinjoni tal-KESE dwar “Bażi għat-Taxxa Konsolidata Korporattiva Komuni” (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 63).

    (32)  COM(2012) 722 final.

    (33)  Placing taxation at the service of research and development (mhux disponibbli bil-Malti).

    (34)  Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-euro tat-8 ta’ Lulju 2014: “Structural reform agenda – Thematic discussions on growth and jobs – Reduction of the tax wedge”.

    (35)  http://europa.eu/legislation_summaries/taxation/l31050_mt.htm

    (36)  Kummissjoni Ewropea (2014), Tax reforms in EU Member States, p, 112

    (37)  Stefan Collignon, Taking European integration seriously

    (38)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss” u dwar “Għal dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea” (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 1).

    (39)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rilanċ tat-tkabbir” (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10).


    ANNESS

    għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 1.4

    Ibdel it-test kif ġej:

     

    Biex jinstab rimedju għan-nuqqasijiet u jimtlew il-lakuni fil-politika tat-tassazzjoni, jeħtieġ li jittieħdu passi iżjed ambizzjużi fi ħdan iż-żona tal-euro biex titnaqqas u tiġi armonizzata l-firxa tat-taxxi differenti, kif ukoll biex jiġu estiżi l-bażijiet tat-taxxa, jiġu allinjati iżjed mill-qrib ir-rati tat-taxxa, u jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni u tal-iskambju tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-piż fiskali globali fiż-żona tal-euro ma jkunx ogħla mill-piż fiskali fil-pajjiżi ġirien.

    Raġuni

    Since the opinion includes proposals for new taxes, it is important that the overall tax burden in the euro area not exceed the tax burden in neighbouring countries – otherwise this (high tax burden) may adversely affect the euro area, prompting more businesses to relocate and workers to emigrate.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    80

    Kontra:

    129

    Astensjonijiet:

    17


    Top