Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0370

    Kawża T-370/14: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Mejju 2014 – Petropars et vs Il-Kunsill

    ĠU C 261, 11.8.2014, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/33


    Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2014 – Petropars et vs Il-Kunsill

    (Kawża T-370/14)

    2014/C 261/58

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Petropars Ltd (Teheran, l-Iran); Petropars International FZE (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda); u Petropars UK Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy u Z. Burbeza, Solicitors, u R. Blakeley, Barrister)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni ta’ Marzu 2014;

    tannulla l-avviż ta’ Marzu 2014 sa fejn japplika għar-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-kriterji għall-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (1) jew fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 (2) ma humiex sodisfatti u li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa li l-kriterji kienu sodisfatti u baqgħu sodisfatti għaliex ir-rikorrenti ma humiex fil-proprjetà jew taħt il-kontroll ta’ National Iranian Oil Company (NIOC).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-kriterji għall-inklużjoni ma humiex sodisfatti għaliex il-Kunsill ma pprovax li NIOC tappoġġja finanzjarjament lill-Gvern tal-Iran.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li ż-żamma tal-indikazzjoni tar-rikorrenti tikkostitwixxi, f’kull każ, ksur tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni u li jwettqu l-attivitajiet tagħhom u għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tagħhom u/jew tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-inklużjoni kontinwata tirrappreżenta ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, għaliex probabbilment tikkawża dannu sinjifikattiv lis-saħħa u lis-sigurtà ta’ ħaddiema Iranjani ordinarji u lill-ambjent.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqas milli jeżamina mill-ġdid b’mod sħiħ u xieraq l-indikazzjoni tar-rikorrenti u jikkunsidra korrettament l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemu.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).


    Top