EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0340

Kawża T-340/14: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Mejju 2014 – Klyuyev vs Il-Kunsill

ĠU C 261, 11.8.2014, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/27


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2014 – Klyuyev vs Il-Kunsill

(Kawża T-340/14)

2014/C 261/51

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Andriy Klyuyev (Donetsk, l-Ukraina) (rappreżentant: R. Gherson, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla, sa fejn japplikaw għar-rikorrent:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina; u

ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv jallega li l-Artikolu 29 TUE ma kienx bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata peress li l-ilment magħmul kontra r-rikorrent ma kienx jidentifikah bħala individwu li mmina l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina fis-sens tal-Artikoli 21(2) u 23 TUE. Ir-rikorrent isostni li peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet invalida, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jippromulga r-regolament ikkontestat. Fiż-żmien ta’ meta l-miżuri restrittivi ġew imposti, ma kien hemm, skont ir-rikorrent, ebda akkuża jew pretensjoni kontra r-rikorrent li l-attivitajiet tiegħu kienu ta’ theddida li jistgħu jimminaw l-istat tad-dritt, jew kisru xi drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.

2.

It-tieni motiv jallega li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent peress li l-bażi li fuqha r-rikorrent ġie inkluż fil-lista hija proklamazzjoni pubblika ta’ ħtija qabel ma kien hemm ebda determinazzjoni ġudizzjarja tal-kwistjoni u peress li r-rikorrent ma ngħata ebda informazzjoni partikolari dwar ir-raġunijiet indikati fil-miżuri kkonestati għall-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi minkejja t-talba tiegħu lill-Kunsill għal informazzjoni.

3.

It-tielet motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jagħti lir-rikorrent biżżejjed raġunijiet għall-inklużi tiegħu fil-lista. Ir-rikorrent jallega li ebda dettall ma ġie pprovdut dwar in-natura tal-kondotta tar-rikorrent li wasslet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista. Ir-rikorrent jallega wkoll li ma ġew ipprovduti ebda dettalji dwar l-entità responsabbli għall-proċeduri kriminali li għalihom huwa allegatament suġġett ir-rikorrent, u lanqas dwar id-data li fiha nbdew il-proċeduri kontra r-rikorrent.

4.

Ir-raba’ motiv jallega li l-Kunsill kiser, b’mod mhux ġustifikat u sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għar-reputazzjoni peress li l-miżuri restrittivi ma kinux previsti mil-liġi u ġew imposti mingħajr salvagwardji xierqa li jippermettu lir-rikorrent jippreżenta l-każ tiegħu b’mod effettiv quddiem il-Kunsill.

5.

Il-ħames motiv jallega li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatti materjalment mhux eżatti u wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni li skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, ma hemm ebda proċeduri kriminali jew investigazzjonijiet kontrih dwar il-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina jew dwar it-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina.

6.

Is-sitt motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jiżgura r-rilevanza u l-validità tal-evidenza li fuqha hija bbażata l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista peress li huwa naqas milli jikkunsidra jekk l-Aġent Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina attwali kellux l-awtorità skont il-kostituzzjoni tal-Ukraina li jagħti bidu għal investigazzjonijiet kontra r-rikorrent u naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni li investigazzjoni kontra rikorrent fl-Awstrija kienet ingħalqet peress li ma kienx hemm biżżejjed evidenza sabiex tappoġġja l-allegazzjoniijet, kontra r-rikorrent, ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-istat.


Top