This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE5372
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EC) No 216/2008 in the field of aerodromes, air traffic management and air navigation services and the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the implementation of the Single European Sky (recast) and the Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on Accelerating the implementation of the Single European Sky COM(2013) 408 final — COM(2013) 409 final — 2013/0187 (COD) and COM(2013) 410 final — 2013/0186 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudomi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tat-Reġjuni dwar L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew COM(2013) 408 final – COM(2013) 409 final – 2013/0187 (COD) and COM(2013) 410 final – 2013/0186 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudomi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tat-Reġjuni dwar L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew COM(2013) 408 final – COM(2013) 409 final – 2013/0187 (COD) and COM(2013) 410 final – 2013/0186 (COD)
ĠU C 170, 5.6.2014, p. 116–122
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 170/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudomi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tat-Reġjuni dwar L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew
COM(2013) 408 final – COM(2013) 409 final – 2013/0187 (COD) and COM(2013) 410 final – 2013/0186 (COD)
2014/C 170/20
Relatur: is-sur McDONOUGH
Nhar l-1 ta’ Lulju 2013 u nhar is-17 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 100 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudomi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tat-Reġjuni dwar L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew
COM(2013) 408 final – COM(2013) 409 final – 2013/0187 (COD) and COM(2013) 410 final – 2013/0186 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2013.
Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru (seduta tal-11 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 180 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) tibqa' prijorità ewlenija fil-politika tal-avjazzjoni Ewropea, fejn għandha l-potenzjal li s'issa għadu ma ġiex attivat li twassal għal tfaddil u titjib fl-oqsma tal-kwalità, is-sigurtà, l-impatt fuq l-ambjent u l-kapaċità għas-settur tal-avjazzjoni kif ukoll għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kontinwament iwassal leħen is-soċjetà ċivili fid-dibattitu dwar is-SES u matul dawn l-aħħar snin adotta diversi opinjonijiet tematiċi (1) li għalihom ikkontribwixxew b'mod sostanzjali firxa ta' partijiet interessati fil-qasam tal-avjazzjoni. F'dawn l-opinjonijiet kollha, il-KESE appoġġa bil-qawwi l-proġett tas-SES. |
1.2 |
Il-proposti leġislattivi jirrappreżentaw evoluzzjoni, mhux rivoluzzjoni, u jibnu fuq, mhux jieħdu post, riformi preċedenti. Iżda għandhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex is-sistema ATM Ewropea tinbidel fis-snin li ġejjin fi spazju tal-ajru operattiv iktar effiċjenti u integrat, li jibni fuq ir-riżultati diġà milqugħa mill-2004 'l hawn. |
1.3 |
Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex juru kuraġġ u rieda politika biex jinħoloq bla dewmien is-SES, u lill-Kummissjoni Ewropea biex tassumi tmexxija sħiħa tal-proċess ta' implimentazzjoni. |
1.4 |
Element essenzjali biex tiġi mbottata din ir-riforma tal-ispazju tal-ajru Ewropew essenzjali u li ilha li kella ssir huwa Skema ta' Prestazzjoni komprensiva. It-twettiq inqas milli kien previst tal-miri ta' kosteffettività fl-ewwel perjodu ta' referenza (RP1) ifisser li huwa dejjem iktar importanti li l-miri stabbiliti għall-RP2 ikollhom l-effett li jmexxu l-formazzjoni ta' FAB (Blokok tal-ispazju tal-ajru) reali li jiffunzjonaw tajjeb, iwettqu sinerġiji, kif ukoll jeliminaw l-oqsma attwali ta' dupplikazzjoni li tqum wisq flus u li hija ħela, bejn is-37 ANSP (Provveditur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru) differenti. |
1.5 |
It-twettiq ta' SES reali, filwaqt li jippreżenta bosta sfidi inizjali, se jmexxi iktar tkabbir tat-traffiku tal-ajru Ewropew, u joħloq opportunitajiet ġodda sinifikanti għall-impjieg u l-prospett ta' struttura Ewropea għall-karriera tal-kontrolluri. |
1.6 |
Mingħajr aktar dewmien għandu jiġi stabbilit fil-prattika djalogu soċjali sħiħ. Hija biss sħubija komprensiva fir-riżorsi umani tal-avjazzjoni Ewropea li tista' tiżgura l-impenn uniformi neċessarju minn kull naħa, u approċċ armonizzat għat-twettiq ta' SES reali, għall-benefiċju tal-impjieg f'kull parti tal-katina ta' valur tal-avjazzjoni, u għall-benefiċju tal-ambjent u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, tal-konsumaturi Ewropej. |
1.7 |
L-amalgamazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-FAB u t-tnaqqis fl-għadd tagħhom iridu jiġu proċessati mill-iktar fis. Il-kunċett ta' ċentru virtwali jirrappreżenta innovazzjoni teknika u kompatibbli mas-SESAR u jippermetti fl-istess ħin tranżizzjoni kontinwa u soċjalment aċċettabbli. L-introduzzjoni tas-SESAR se teħtieġ għalhekk riforma tal-ATM. Għandha tiġi segwita l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir ATM madwar l-UE. |
1.8 |
Il-konfini tal-FAB għandhom jiġu riveduti wkoll sabiex jiżguraw li huma l-forma u d-daqs adatt biex iservu l-għan li għalih ġew stabbiliti. Il-flussi tat-traffiku, is-sinerġiji tal-provvediment tas-servizz u t-titjib potenzjali fil-prestazzjoni għandhom ikunu l-kriterji proprji tal-kompożizzjoni ta' FAB minflok il-prossimità ġeografika jew l-affiljazzjoni politika/kulturali. |
1.9 |
Huwa milqugħ b'sodisfazzjon kbir it-tisħiħ propost tal-funzjoni ta' Amministratur tan-Netwerk, billi tingħata preċedenza lill-benefiċċju tan-netwerk Ewropew fuq l-interess nazzjonali iktar limitat. |
1.10 |
Il-Kumitat jagħraf l-inizjattiva biex issir separazzjoni obbligatorja tas-servizzi anċillari tal-ATM, permezz tal-ftuħ tagħhom għal kompetizzjoni ikbar. Huwa jinsisti li qabel ma jiġu applikati dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha fis torganizza t-tħejjija ta' studju tal-impatt indipendenti dwar l-effetti, b'mod partikolari b'rabta mal-aspetti soċjali u tal-impjieg (2). |
1.11 |
Huwa importanti li jiġu definiti objettivi li jtejbu l-effiċjenza filwaqt li jżommu l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jtejbu s-sigurtà fl-avjazzjoni. |
1.12 |
L-utenti tal-ispazju tal-ajru jridu jkunu involuti aktar fit-tiswir tal-politika. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-industrija tal-avjazzjoni Ewropea taqdi rwol ta' importanza kbira fl-ekonomija Ewropea, billi tippromovi l-kummerċ u t-turiżmu u taġixxi bħala vettur għal tkabbir fl-impjieg. Il-kontroll tat-traffiku bl-ajru huwa fattur ewleini fil-katina ta' valur tal-industrija tal-avjazzjoni. Għandu jiżgura l-fluss sikur, imħaffef u kost-effiċjenti tat-traffiku bl-ajru, biex b'hekk jiġu minimizzati l-użu tal-karburant, l-emissjonijiet tal-karbonju u l-ħinijiet ta' kull titjira. |
2.2 |
Madankollu, is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru Ewropej storikament evolvew primarjament fi ħdan il-konfini nazzjonali, b'kull Stat Membru jistabbilixxi s-sistema proprja tiegħu ta' ATM, li wassal għall-frammentazzjoni strutturali tal-ispazju tal-ajru Ewropew li tqum ħafna flus u hija ineffiċjenti u għal nuqqas persistenti ta' reazzjoni għar-rekwiżiti tal-utenti tiegħu – il-linji tal-ajru, u fl-aħħar mill-aħħar, il-klijenti li jħallsu għas-servizz. |
2.3 |
Iridu jitħaffu iżjed l-implimentazzjoni tas-SES u r-riforma assoċjata tas-sistema ATM Ewropea, biex b'hekk l-utenti tal-ispazju tal-ajru tagħna jingħataw l-għajnuna f'ambjent globali kompetittiv diffiċli, li jinkludi poteri emerġenti tal-avjazzjoni bħall-Ukraina u t-Turkija fil-viċinat immedjat tal-UE (3) u għall-faċilitar tat-tkabbir ekonomiku futur. Billi l-pakketti leġislattivi SES I u SES II taw riżultati diżappuntanti s'issa, il-Kummissjoni qed tipproponi proposta leġislattiva oħra mmirata b'kawtela (4) sabiex tiffaċilita implimentazzjoni bikrija tas-SES. Dan l-aħħar pakkett leġislattiv, SES II+, jikkonsisti fir-riformulazzjoni tal-erba' regolamenti li ħolqu l-Ajru Uniku Ewropew (5) u l-emenda tar-regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (6). |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
L-inizjattiva SES għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza globali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew jiġi organizzat u ġestit. |
3.2 |
Skont analiżi inkluża fil-Komunikazzjoni attwali (7) u l-valutazzjoni tal-impatt assoċjata (8), il-Kummissjoni tipproponi pakkett leġislattiv (SES2+) (9) sabiex tikkonsolida u fejn possibbli taċċellera l-proċess ta' riforma tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fl-Ewropa, billi tindirizza aktar il-kwalità, l-ineffiċjenzi, is-sigurtà u l-impatt ambjentali fil-forniment ta' Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru (ANS) u billi tkompli taħdem lejn il-konsolidazzjoni tas-sistema tal-ATM fl-Ewropa. Ir-rapporti tal-Unità tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol juru li dawn l-ineffiċjenzi u l-frammentazzjoni tas-sistema kienu responsabbli għal iktar minn EUR 4 biljun ta' spiża li setgħet tiġi evitata fl-2010 biss. |
3.3 |
L-ewwel qasam problematiku indirizzat fil-valutazzjoni tal-impatt tas-SES2+ huwa n-nuqqas ta' effiċjenza u kost-effettività fil-forniment ta' ANS fl-Ewropa. Jibqa' ineffiċjenti ħafna f'termini ta' effiċjenza fl-ispejjeż u fit-titjiriet, kif ukoll fil-kapaċità. L-estent ta' dan huwa ċar meta tqabbel mal-Istati Uniti, li jkopru spazju tal-ajru ta' daqs simili. Fl-Istati Uniti l-ispazju tal-ajru huwa kkontrollat minn provveditur ta' servizz wieħed, bil-kontra tal-Ewropa fejn hemm 38 provveditur ta' servizz en-route. Il-provveditur tas-servizz fl-Istati Uniti jikkontrolla kważi 70 % iktar titjiriet bi 38 % inqas persunal. Il-kawżi ewlenin għal din id-differenza fl-effiċjenza u l-produttività huma r-reżistenza tal-Istati Membri tal-UE milli jġebbdu kemm jista' jkun il-miri ta' kost-effettività fl-RP1 tal-iskema ta' prestazzjoni, in-nuqqas ta' tilħiq ta' anke dawk il-miri modesti, sorveljanza u infurzar mhux effettivi mill-awtoritajiet ta' sorveljanza u l-għadd sproporzjonat għoli ta' persunal ta' appoġġ li jaħdmu għall-provvedituri tas-servizz. |
3.4 |
60 % tal-ħlasijiet totali ta' ATM fl-Ewropa joriġinaw minn ħames provvedituri (10). Il-kwistjoni ewlenija hija li jiġi analizzat għalfejn dawn l-operaturi l-kbar b'ekonomiji ta' skala jirrappreżentaw id-doppju u xi kultant erba' darbiet l-ispejjeż tal-kontropartijiet iżgħar tagħhom. Dan huwa l-każ minkejja t-teoriji ekonomiċi kollha li jgħidu l-oppost. Il-valur globali inkwistjoni, minn spejjeż diretti u indiretti, għall-perjodu ta' referenza 2015-2019 huwa stmat mill-Unità ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol li jiżboq EUR 70 biljun. |
Bl-Iskema ta' Prestazzjoni SES li tistabbilixxi l-objettivi fil-livell tal-UE għall-RP2, li għaliha l-pjani nazzjonali tal-Istati Membri individwali tal-UE jridu jagħtu kontribut adatt, huwa ċar li t-tilħiq ta' objettivi globali tal-UE dwar kost-effettività huwa dipendenti b'mod kritiku minn pajjiżi li minnhom joriġinaw l-ikbar ammont ta' ħlasijiet, u b'hekk jagħtu sehemhom lejn it-titjib meħtieġ. Dan ma kienx mistenni mingħandhom fl-RP1.
3.5 |
It-tieni problema ewlenija li għandha tiġi indirizzata hija sistema ATM ifframmentata. Is-sistema Ewropea tal-ATM tikkonsisti fi 28 awtorità nazzjonali li jissorveljaw 'il fuq minn mitt ANSP, kull wieħed minnhom sorveljat minn regolatur nazzjonali separat, bid-differenzi mistennija fis-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri. Hemm ħafna spejjeż addizzjonali, ikkawżati mill-fatt li l-Ewropa għandha kwantità kbira ta' provvedituri tas-servizz, kull wieħed minnhom jiddeċiedi waħdu dwar il-programm ta' investiment kapitali tiegħu, jakkwista u jżomm separatament is-sistema rispettiva tiegħu, li ta' sikwit ma tkunx kompatibbli ma' dawk ta' ANSP oħra (11). Dawn il-problemi jiħraxu minħabba t-taħriġ separat tal-persunal, il-ħolqien ta' proċeduri operattivi uniċi u speċifiċi, u minħabba li l-provvediment ta' servizzi huwa limitat għal spazju tal-ajru żgħir. Kollettivament, it-38 ANSP ewlenin nazzjonali ħallsu madwar EUR 10 miljun kull sena f'tagħmir kapitali, u l-ebda wieħed minnhom huwa koordinat jew taħt skrutinju rigward il-benefiċji totali tiegħu lejn in-netwerk. |
3.6 |
L-inizjattiva SES 2+ għandha l-għan li twassal għal aktar koordinazzjoni tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li bħalissa huma separati, u tħeġġeġ benefiċċji u kooperazzjoni akbar fin-netwerk. |
4. Evoluzzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru
4.1 |
Fi tmiem is-snin disgħin, l-Ewropa ffaċċjat problemi kbar ta' dewmien u ineffiċjenza fil-provvediment ta' servizzi ta' kontroll tat-traffiku bl-ajru. Aktar minn għaxar snin wara, il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew tibqa' estensiva. |
4.2 |
Fl-2011 l-ispejjeż diretti u indiretti totali għall-kontroll tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa ammontaw għal madwar EUR 14-il biljun. L-ispejjeż diretti waħedhom (imħallsa fil-forma ta' ħlasijiet tal-utent) jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-ispejjeż operattivi totali, barra l-karburant, tal-linji tal-ajru l-iżjed effiċjenti. B'differenza minn modi oħrajn tat-trasport, din l-ispiża kollha tiġi rekuperata mill-utenti, jiġifieri l-konsumaturi. |
4.3 |
Filwaqt li l-produttività (mkejla f'sigħat ta' ħidma tal-kontrolluri tat-traffiku bl-ajru) żdiedet b'madwar 18 % fl-aħħar deċennju, l-ispejjeż globali tal-impjieg għal kontrolluri tat-traffiku bl-ajru żdiedu b'rata ogħla (b'madwar 40 %). Madankollu, il-kontrolluri jibqgħu biss terz tal-persunal kollu impjegat mill-ANSP, li hija indikazzjoni li hemm għadd kbir ta' persunal ta' appoġġ (madwar 30 000 fl-2011). |
5. It-tisħiħ tal-effiċjenza tas-SES
5.1 |
L-esperjenza turi li l-Istati Membri li huma proprjetarji uniċi jew maġġoritarji ta' provvedituri ta' servizz għandhom tendenza qawwija li jiffokaw fuq flussi ta' dħul f'saħħithom mis-sistema ta' servizzi ta' kontroll tat-traffiku bl-ajru ffinanzjata mill-utenti. Għaldaqstant, jista' jagħti l-każ li joqogħdu lura milli jappoġġjaw bidla fundamentali lejn spazju tal-ajru operattiv iktar integrat li jista' jimponi restrizzjonijiet fuq rotot attwali li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru nazzjonali, preferut minn stati/ANSP, possibbilment bil-għan li jinħoloq id-dħul. |
5.2 |
Approċċ ta' netwerk iktar koeżiv għall-ippjanar tar-rotot jista' jnaqqas it-tul medju tat-titjiriet mill-ispazju tal-ajru Ewropew b'xi 10 minuti, jitnaqqas il-ħruq ta' karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw minnu. Filwaqt li l-ineffiċjenza attwali ma toħloqx żvantaġġ għall-ANSP jew l-istati, il-piż tal-ispiża tinġarr mill-klijenti tal-linji tal-ajru, u inevitabbilment, tiġi trasferita lejn il-konsumaturi. |
5.3 |
Taħt is-sistema attwali, Stati Membri fil-Kumitat tal-Ajru Uniku (SSC) għandhom l-aħħar kelma dwar objettivi, l-adozzjoni ta' pjani ta' prestazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' miżuri korrettivi fil-każ li l-objettivi ma jintlaħqux. Kif ġie indikat f'Opinjoni preċedenti tal-KESE (12), l-utenti u l-ANSP għandhom ikunu jistgħu jattendu laqgħat tal-SSC, jekk ikun hemm bżonn, bħala osservaturi. Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għamlet xi sforzi għal konsultazzjoni aħjar tal-partijiet interessati tas-SES mhux statali, jiġifieri billi tistabbilixxi Korp Konsultattiv tal-Industrija separat (13), iżda jaħseb li l-implimentazzjoni effiċjent tas-SES tesiġi djalogu sustantiv bejn il-partijiet interessati u l-istati kollha, kif ukoll il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom. |
5.4 |
Fil-pakkett leġislattiv ġdid tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kontroll u ta' sanzjoni. Billi l-Kummissjoni hija l-kustodju tal-Iskema ta' Prestazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli għaliha, il-KESE jappoġġja b'mod qawwi l-proposta tal-Kummissjoni li membri tal-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni għandhom ikunu nominati b'mod diretti mill-Kummissjoni biex jissalvagwardjaw l-indipendenza. |
6. Kummenti speċifiċi
6.1 |
L-aħjar regolatur huwa l-kompetizzjoni, iżda dan huwa kompletament assenti fil-provvediment tas-servizz proprju ta' ATM. Realistikament, ma jkunx fattibbli li nikkunsidraw l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fis-servizzi kollha ta' ATM fuq medda qasira sa medja ta' żmien. L-analiżi tal-Kummissjoni tindika li s-servizzi proprji ta' kontroll tat-traffiku bl-ajru huma monopolji naturali, talinqas taħt it-teknoloġija attwali. Bin-nuqqas ta' kompetizzjoni, huwa dejjem iktar vitali li jkun hemm regolamentazzjoni ekonomika b'saħħitha u effettiva ta' dawn il-provvedituri li jgawdu minn monopolju, sabiex tinħoloq sitwazzjoni kemm jista' jkun qrib ta' sitwazzjoni ta' kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta, impliċita fis-SES II+, li l-Kummissjoni tkun ir-Regolatur Ekonomiku Ewropew effettiv tal-ATM. |
6.2 |
L-ewwel pakkett SES tal-2004 kellu l-għan li jintroduċi mekkaniżmi tas-suq għall-provvediment ta' servizzi ta' appoġġ, sabiex titjieb l-effiċjenza tagħhom. Ma nkiseb ftit li xejn għalkemm f'żewġ każijiet fejn ittieħdu dawn il-miżuri – fl-Iżvezja u fir-Renju Unit – ir-riżultati kienu pożittivi (wieħed mill-ANSP jestima li t-tfaddil huwa madwar 50 % meta mqabbel mal-provvediment internalizzat ta' servizzi ta' appoġġ). |
6.3 |
Servizzi ta' appoġġ, bħas-servizzi tal-meteoroloġija, tal-informazzjoni aeronawtika, tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni jew is-sorveljanza huma proposti iktar prattiċi. Hemm ħafna kumpaniji fi ħdan u barra mid-dinja tal-ATM li jistgħu joffru dawn is-servizzi. Il-provvediment ta' dawn is-servizzi jista' jiinqasam bejn diversi provvedituri sabiex tiġi massimizzata l-kompetizzjoni, jew – kif ġie suġġerit reċentement mill-Eurocontrol fl-analiżi tiegħu tal-kunċett ta' “servizzi ċentralizzati” – jiġi allokat lil provveditur wieħed jew raggruppament ta' provvedituri ta' servizzi li jista' jappoġġja diversi provvedituri ewlenin. |
6.4 |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi tas-suq sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-provvediment ta' servizzi ta' appoġġ. Fil-pakkett leġislattiv tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu separati u ċerti minn dawn is-servizzi ta' appoġġ imsemmija hawn fuq, u li jiġi segwit ukoll il-ftuħ tas-suq għalihom. Il-biċċa l-kbira tal-oqsma proposti fil-lista inizjali ta' servizzi ċentralizzati ffokati fuq il-kandidat, proposti mill-Eurocontrol u marbuta mal-ġestjoni tad-data, jistgħu jiġu provduti minn partijiet minn barra d-dinja tal-ATM. Għalhekk għandha tingħata konsiderazzjoni lill-istedina għal offerti minn ANSP oħra wkoll barra minn dawk li diġà jeżistu sabiex jiġi introdott element ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari għal sejħiet għal offerti iktar kompetittivi. |
6.5 |
Għadd ta' diffikultajiet fl-implimentazzjoni tas-SES jistgħu jiġu attribwiti lid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (ASN): riżorsi mhux adegwati, nuqqas ta' għarfien espert u indipendenza, kemm mill-gvernijiet kif ukoll l-ANSP. Jekk dawn in-nuqqasijiet ma jiġux indirizzati, l-implimentazzjoni tas-SES se tkun mhedda b'mod sinifikanti. L-għadd kbir ta' ASN nazzjonali fl-Ewropa jikkuntrasta mal-Istati Uniti, fejn hemm Regolatur wieħed. Ir-regolamentazzjoni tal-UE dwar l-ATM – forsi fuq bażi ta' FAB – tista' ttejjeb kemm il-konsistenza kif ukoll l-infurzar tal-implimentazzjoni tas-SES u tista' tgħin biex titnaqqas l-ispiża tas-sorveljanza, li tinġarr mill-utenti, u fl-aħħar mill-aħħar mill-konsumaturi. |
7. It-tneħħija tal-frammentazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-ATM
7.1 |
Id-disinn mill-ġdid tal-Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FAB) huwa maħsub biex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru, billi tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-ANSP, tiġi ottimizzata l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru u ta' rotot fuq żoni akbar u b'hekk jinkisbu sinerġiji globali permezz ta' ekonomiji ta' skala. |
7.2 |
Filwaqt li l-Istati Membri u l-ANSP tagħhom ħadmu ħafna biex jinħolqu FAB, il-progress sustantiv s'issa kien diżappuntanti. Tħabbru disa' FAB, iżda l-ebda wieħed minnhom huwa kollu kemm hu operattiv, u ħafna minnhom jidhru li huma maħsuba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti formali, minflok ma jiżviluppaw sinerġiji jew ekonomiji ta' skala. |
7.3 |
Żviluppi tal-FAB reali – bil-kontra ta' dawk li huma biss istituzzjonali – ta' sikwit twaqqfu minħabba l-biża' li jonqos il-fluss tad-dħul minn ħlasijiet ta' navigazzjoni bl-ajru, f'xi każi b'iktar minn 30 % jekk dawn l-iżviluppi kellhom jiġu implimentati u s-servizzi jiġu razzjonalizzati, pereżempju billi r-rotot jiqsaru. L-oppożizzjoni qawwija mill-persunal, li qed jiddifendu l-livelli attwali tal-persunal, kienet kwistjoni oħra għall-Istati Membri li kellhom jiffaċċjaw. Filwaqt li dan in-nuqqas ta' sikurezza mhuwiex sorprendenti, mhuwiex ibbażat fuq il-fatti. ATM iktar effiċjenti permezz tal-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew li jiffunzjona u li mhuwiex biss tal-isem, flimkien ma avvanzi rapidi fit-teknoloġija, se jiżguraw dejjem aktar it-tkabbir kontinwu tat-traffiku fl-ajru Ewropew, jissalvagwardaw l-impjieg u jagħtu iktar responsabbiltà lill-kontrolluri f'rwol iktar maniġerjali u ta' sorveljanza. |
7.4 |
Barra minn hekk, stqarrijiet dwar problemi ta' sovranità nazzjonali ntużaw biex jiġu protetti monopolji eżistenti, f'isem il-protezzjoni ta' infrastruttura, objettivi u operazzjonijiet militari fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Filwaqt li ħtiġijiet militari ġenwini huma protetti taħt is-SES, ta' sikwit ma tistax tiġi distingwita l-linja preċiża bejn dawk il-ħtiġijiet validi u protezzjoni mhux neċessarja ta' interessi nazzjonali. Jeżistu eżempji ta' spazju tal-ajru delegat li ma wasslux għal kwistjonijiet reali ta' sovranità. Fil-qasam tal-avjazzjoni, ajruporti nazzjonali ewlenin ġew privatizzati b'suċċess, bi sjieda transkonfinali. L-ATM huwa essenzjalment servizz infrastrutturali u hemm ħafna eżempji fl-Ewropa ta' privatizzazzjonijiet transkonfinali eżistenti jew ippjanati ta' servizzi infrastrutturali ewlenin fil-qasam tal-enerġija, inkluż fil-qasam sensittiv tal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, it-telekomunikazzjonijiet, l-ilma, eċċ. Fil-fatt, ANSP Ewropew parzjalment privatizzat huwa l-proprjetà parzjali ta' interessi mhux nazzjonali. |
7.5 |
Il-KESE jagħraf l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli ssegwi każi ta' ksur kontra Stati Membri b'rabta mal-FAB, b'mod partikolari dawk fejn il-progress lejn riformi ma jidhirx b'mod ċar fix-xhur li ġejjin. Filwaqt li l-aħjar alternattiva bil-qabda hija l-implimentazzjoni kkoordinata tas-SES mill-Istati Membri kollha taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, il-proċeduri tal-ksur għandhom bżonn jintużaw b'mod sod bħala l-aħħar istanza kontra n-nuqqas ta' konformità mar-regoli. Il-Kummissjoni għandha raġun ukoll tirrispetta l-impenn tagħha lejn l-adozzjoni ta' FAB ta' mudelli organizzattivi adattati għal netwerk Ewropew iktar integrat ta' spazju tal-ajru operattiv. |
7.6 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni f'dan il-pakkett leġislattiv biex jiġi żviluppat iktar il-kunċett ta' FAB sabiex isir għodda iktar immexxi mill-prestazzjoni u iktar flessibbli għall-ANSP, abbażi ta' sħubijiet industrijali, adegwati biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-iskema ta' prestazzjoni tas-SES. |
8. Ir-rwol tal-Eurocontrol
8.1 |
Il-Eurocontrol tkompli taqdi rwol sinifikattiv fl-implimentazzjoni tas-SES. Stabbilita oriġinarjament biex tipprovdi sistema ta' kontroll kollettiv tat-traffiku bl-ajru f'sitt pajjiżi Ewropej, matul is-snin saret responsabbli għal diversi dmirijiet oħra. Bid-dħul tal-Ajru Uniku Ewropew, il-Eurocontrol għandha tiffoka mill-ġdid fuq id-dmir ewlieni tagħha ta' koordinazzjoni tal-provvediment ta' servizz. |
8.2 |
Sabiex jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tagħhom, l-UE u l-Eurocontrol iffirmaw ftehim ta' livell għoli (14) fl-2012 li jirrikonoxxi l-kontribut li l-Eurocontrol jista' jagħti għat-twaqqif ta' sistema Ewropea tal-ATM effiċjenti billi jiġi appoġġjat ir-regolatur Ewropew uniku maħtur mill-UE tal-ATM, jiġifieri l-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, il-Eurocontrol se tkompli tappoġġja u tgħin lill-Kummissjoni u lill-EASA fl-abbozzar ta' regoli u regolamenti rilevanti. |
8.3 |
Diġà ttieħdu passi sinifikanti, u l-istadju finali tal-proċess tar-riforma tal-Eurocontrol diġà beda fl-2013. Tibqa' organizzazzjoni intergovernattiva u l-Kostituzzjoni u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha (bħall-Kunsill Proviżorju) għadhom ma jirriflettux l-konklużjoni ta' bidliet ta' riforma riċenti. Il-Kummissjoni tappoġġja r-riforma kontinwa tal-Eurocontrol li se tiffoka fuq l-amministrazzjoni u l-operazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-ATM. Diġà ġiet rikonoxxuta mill-UE l-importanza partikolari ta' dan ir-rwol permezz ta' mandat lill-Eurocontrol biex timplimenta l-funzjonijiet tal-Amministrazzjoni tan-Netwerks stabbiliti taħt il-leġislazzjoni tas-SES. Dan iżvilupp għandu jkun promoss b'konsistenza sħiħa mal-qafas legali tas-SES u l-implimentazzjoni tas-SESAR. Barra minn hekk, dan ma jistax isir mingħajr bidla fil-governanza ta' din l-organizzazzjoni, lejn ambjent immexxi iktar mill-industrija. |
8.4 |
Peress li l-Iskema ta' Prestazzjoni hija ta' importanza kruċjali għas-suċċess tas-SES, ir-responsabbiltà għar-reviżjoni tat-tbassir tat-traffiku u tar-rata għal kull unità tal-Istati Membri tal-UE għandha tiġi trasferita mill-Kumitat Imkabbar tal-Eurocontrol għall-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni, li għandu janalizza din id-data f'isem il-Kummissjoni. Peress li l-Kumitat Imkabbar jirrapporta lill-Kunsill Proviżorju tal-Eurocontrol, b'hekk lill-Istati Membri tal-UE, it-trasferiment propost tar-reviżjoni tat-tbassir tal-Istati Membri tal-UE tar-rati ta' traffiku u ta' unità lill-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni jkun iktar loġiku fil-kuntest tal-Iskema ta' Prestazzjoni u konsistenti mar-rwol propost tal-Kummissjoni bħala r-Regolatur Ekonomiku Ewropew għall-ATM. Ir-reviżjoni tat-tbassir tar-rati ta' traffika u unità tal-membri tal-Eurocontrol li mhumiex membri tal-UE, li ssir ukoll mill-Iskema ta' Prestazzjoni tas-SES, għandha tkompli titwettaq mill-Kumitat Mkabbar tal-Eurocontrol. |
8.5 |
Il-Eurocontrol inħoloq mill-Kummissjoni biex jaqdi r-rwol ta' Amministratur tan-Netwerk, taħt il-governanza tal-Bord tal-Amministratur tan-Netwerk. Il-funzjoni ta' Amministratur tan-Netwerk diġà tat xhieda tal-valur tagħha. |
8.6 |
Il-kunċett ta' sħubija industrijali għal provvediment ta' servizz imtejjeb għandu jitqies bħala objettiv li huwa konformi wkoll ma' riforma ulterjuri tal-Eurocontrol. Għal dan il-għan, l-ANSP u l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom jipparteċipaw fl-Amministratur tan-Netwerk bħala tip ta' azzjoni konġunta. Dan il-mudell jiżgura s-separazzjoni minn korpi regolatorji billi jmexxi l-Amministratur tan-Netwerk lil hinn mir-rwol ta' organizzazzjoni intergovernattiva li tissorvelja ġabra ta' blokok ta' spazju tal-ajru nazzjonali u minflok lejn koordinazzjoni iktar razzjonali tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, b'enfasi fuq il-ħolqien ta' netwerk Ewropew tal-ispazju tal-ajru iktar effiċjenti u kost-effettiv, li jistħoqqlu l-isem – Ajru Uniku Ewropew. |
8.7 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni f'dan il-pakkett leġislattiv sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Amministratur tan-Netwerk, abbażi ta' governanza semplifikata li tagħti rwol iktar prominenti lill-industrija – ANSP, utenti tal-ispazju tal-ajru, u ajruporti. |
9. Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fl-ATM
9.1 |
L-EASA kellha rwol kruċjali fil-politika tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE mill-2002 'l hawn, bl-objettiv tagħha li jintlaħaq livelli għoli u uniformi ta' sikurezza, filwaqt li jiġu segwiti l-miri tradizzjonali tal-UE ta' kundizzjonijiet indaqs, moviment liberu, protezzjoni ambjentali, evitar ta' dupplikazzjoni regolatorja, promozzjoni tar-regoli tal-ICAO, (15) eċċ. |
9.2 |
Il-leġislazzjoni tistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi bidliet sabiex titneħħa d-dupplikazzjoni meta r-regoli ta' implimentazzjoni korrispondenti tal-EASA jiġu stabbiliti. |
9.3 |
ATM kien differenti fil-fatt li saret distinzjoni bejn regoli ta' “sikurezza” u “mhux ta' sikurezza”, fid-dawl tar-rwol residwali b'saħħtu li jaqdi l-Eurocontrol fi kwistjonijiet mhux ta' sikurezza. |
9.4 |
Issa li l-proġett SESAR wasal qrib l-implimentazzjoni tiegħu, il-problema tal-allinjament ta' regoli tekniċi differenti qed thedded li tiħrax peress li t-teknoloġiji u l-kunċetti kollha relatati jridu jiġu faċilitati jew applikati mis-sistema regolatorja. Irridu nimxu lejn strateġija regolatorja, struttura regolatorja u proċess konsultattiv uniku taħt il-kappa tal-EASA. |
9.5 |
Il-Kummissjoni tipproponi f'dan il-pakkett leġislattiv li titneħħa d-dupplikazzjoni bejn ir-regolamenti tas-SES u tal-EASA u li l-ħidma tiġi maqsuma bejn l-istituzzjonijiet differenti b'mod adatt. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq il-kwistjonijiet ewlenin tar-regolamentazzjoni ekonomika, filwaqt li l-EASA tiżgura abbozzar u sorveljanza koordinati tar-regoli tekniċi kollha, bl-għajnuna tal-għarfien espert mogħti mill-Eurocontrol. |
10. Id-djalogu soċjali
10.1 |
Id-Djalogu Soċjali jrid jiġi indirizzat b'urġenza u mal-partijiet interessati kollha fil-katina ta' valur tal-avjazzjoni, kif ġie ddikjarat fl-opinjoni esploratorja riċenti tal-KESE (16) dwar SESII+. Huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tas-SES. |
10.2 |
F'dan ir-rigward għandu jkun hemm sforzi biex jiġu stabbiliti standards fuq il-livell tal-UE li jiżguraw l-impjieg u l-kwalità fis-settur tal-avjazzjoni. Għaldaqstant, il-ħames pilastru tas-SES huwa kruċjali sabiex jitqiesu tajjeb l-isfidi fl-oqsma tal-impjieg, il-mobbiltà tal-ħaddiema, it-tibdil fil-ġestjoni tal-persunal u t-taħriġ kontinwu. Id-djalogu soċjali għandu għalhekk jissaħħaħ u m'għandux jirrigwarda biss is-settur tal-ġestjoni tal-avjazzjoni iżda jinfetaħ biex jinkludi wkoll lil imsieħba soċjali oħra mill-ANS u diskussjonijiet dwar l-impatti soċjali għall-ħaddiema fil-qasam tal-ANS, il-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti kif ukoll il-kwistjoni ta' kif jistgħu jiġu żgurati l-impjiegi fil-qasam tal-avjazzjoni. |
Brussell, 11 ta' Diċembru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 182, 4.8.2009, pp. 50-55; ĠU C 376, 22.12.2011, pp. 38-43; ĠU C 198, 10.7.2013, pp. 9-13.
(2) Ara ĠU C 198, 10.7.2013, pp. 9-13 (punt 4.7).
(3) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 51-55.
(4) Idem.
(5) COM(2013) 410 final.
(6) COM(2013) 409 final.
(7) COM(2013) 408 final.
(8) SWD(2013) 206 final.
(9) COM(2013) 409 u 410 final.
(10) Għal referenza ara: Overview table 'Calculation of 2014 Unit Rates – Adjustments and revenues'; in: Information Paper 'Initial Estimates of the Route Charges Cost-Bases and Unit Rates' maħruġ mill-Enlarged Committee for Route Charges tal-Eurocontrol fis-16 ta' Lulju 2013 (paġna 6); http://www.eurocontrol.int/sites/default/files/content/documents/route-charges/operation-reports/cer-99-2013-3452-fin_item_2-en.pdf
(11) Ara r-rapport tal-EUROCONTROL dwar it-tqabbil Stati Uniti/Ewropa dwar il-prestazzjoni operattiva marbuta mal-ATM, 2010.
(12) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 9.
(13) Il-Korp Konsultattiv tal-Industrija (ICB) iltaqa' l-ewwel darba fl-2004. Skont il-websajt tal-Kummissjoni, dan jipprovdi l-opportunità għal kull parti tal-industrija li tgħid lill-Kummissjoni Ewropea dak li tistenna mill-Ajru Uniku Ewropew u tagħti l-fehmiet tagħha dwar l-għażliet u l-iskedi. Il-Kummissjoni beħsieba tuża l-pariri tal-ICB biex tmexxi mhux biss l-inizjattivi leġislattivi, iżda wkoll l-istandardizzazzjoni, ir-riċerka u l-investimenti tal-infrastruttura tal-Kummissjoni. (http://ec.europa.eu/transport/modes/air/single_european_sky/consultation_body_en.htm).
(14) http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/12/st13/st13792.mt12.pdf.
(15) International Civil Aviation Organization.
(16) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 9.