Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE2301

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-settur Ewropew tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni tal-bastimenti: industrija reżiljenti, kompetittiva fid-dinja u impenjata fil-politiki tal-UE għat-tkabbir sostenibbli (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 170, 5.6.2014, p. 38–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-settur Ewropew tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni tal-bastimenti: industrija reżiljenti, kompetittiva fid-dinja u impenjata fil-politiki tal-UE għat-tkabbir sostenibbli (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/06

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBÓN

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-settur Ewropew tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni tal-bastimenti: industrija reżiljenti, kompetittiva fid-dinja u impenjata fil-politiki tal-UE għat-tkabbir sostenibbli.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Novembru 2013. Ir-relatur kien is-Sur Krzaklewski u l-korelatur kien is-Sur Calvet Chambón.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’163 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni tal-bastimenti (SMRC – Ship Maintenance, Repair and Conversion) għandu importanza strateġika għall-Ewropa u l-iżvilupp sostenibbli tagħha peress li jaqdi rwol ewlieni f'oqsma bħall-ħarsien ambjentali, it-trasport, is-sigurtà u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

1.2

Il-KESE jemmen li minħabba l-għarfien tekniku avvanzat tiegħu, in-netwerk attwali tat-tarzni tal-SMRC fl-UE huwa mħejji sew u kapaċi jlaħħaq mad-domanda dejjem ikbar mil-lat ta' żvilupp sostenibbli, teknoloġija, innovazzjoni, ħiliet tal-ħaddiema u tagħmir ta' tarzni.

1.3

Fil-fehma tal-Kumitat, qed naraw il-ħolqien ta' opportunitajiet minkejja l-klima ekonomika diffiċli. Dawn huma relatati mat-tkabbir tal-flotta dinjija u proporzjon dejjem akbar ta' bastimenti qodma, u b'mod partikolari d-domanda li qed tiżdied għall-konverżjoni u l-modernizzazzjoni minħabba rekwiżiti marbuta mal-ambjent, l-enerġija u l-klima. Fil-perjodu immedjat, dan jinkludi domanda dejjem ikbar għal bastimenti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, it-tħaddim u l-iżvilupp ta' faċilitajiet off-shore tal-enerġija mir-riħ u l-estrazzjoni ta' riżorsi naturali mill-baħar.

1.4

Fil-perjodu l-medju u fit-tul, il-ftuħ tar-rotot marittimi tal-Artiku u l-minjieri fil-baħar fond jipprovdu opportunitajiet addizzjonali għas-settur.

1.5

Il-Kumitat jinnota li minkejja dawn l-opportunitajiet promettenti, il-kriżi li għaddejja bħalissa tfisser li s-sidien tal-bastimenti u t-tarzni tal-SMRC għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji, pereżempju aċċess għall-kreditu u kundizzjonijiet kummerċjali diffiċli għall-kumpaniji. Problema oħra hija ż-żamma ta' massa kritika fis-settur.

1.6

Sabiex dan jiġi indirizzat, is-sottosettur tal-SMRC għandu jaħdem mill-qrib mal-katina ta' valur marittima biex jgħolli l-profil tiegħu u jikseb l-appoġġ mill-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni peress li hemm kompetizzjoni dejjem ikbar minn pajjiżi terzi.

1.6.1

Il-Kumitat jemmen li dawn il-punti li ġejjin ser ikunu ta' benefiċċju u utli għas-settur:

rwol usa' u iktar attiv għall-BEI fis-settur fil-qafas tal-għanijiet tal-BEI biex jappoġġja l-politika industrijali Ewropea: dan jikkonċerna wkoll SMEs mis-settur tal-SMRC, fejn il-BEI u l-FEI għandhom kamp indirett konsiderevoli għall-azzjoni;

l-organizzazzjoni ta' workshops mal-BEI, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati tal-industrija (dawn il-workshops ġew proposti fl-inizjattiva LeaderSHIP 2020), u l-miżuri biex jiġu esplorati opportunitajiet ta' finanzjament tal-BEI;

potenzjalment l-użu tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds għall-Proġetti f'oqsma relatati mat-trasport u l-enerġija; l-allokazzjoni ta' fondi reġjonali (inkluż il-fondi relatati mal-“ispeċjalizzazzjoni intelliġenti”) lis-settur marittimu; deċiżjoni mill-Kummissjoni – li għandha tittieħed sal-aħħar tal-2013 – dwar l-estensjoni tal-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat awtorizzata għas-settur tal-bini tal-bastimenti sakemm il-proposta u d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda dwar il-qafas ġenerali tar-RŻI u l-għajnuna reġjonali, li meta jittieħdu flimkien għandhom jaqdu r-rwol tal-qafas attwali fil-futur; għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-iskadenza tal-qafas u s-sostituzzjoni bir-regoli l-ġodda ma jipproduċux problemi ta' konġestjoni finanzjarja ġodda u għandu jsiru kull sforz biex is-settur tal-SMRC jiġi kkumpensat għad-dannu ekonomiku li dan jista' jikkawża;

il-prijoritizzazzjoni tal-fondi tar-RŻI tal-UE taħt l-programm Orizzont 2020 (li għandu jkun kontinwazzjoni tal-pjattforma teknoloġika Waterborne) għal proġetti marittimi ffokati b'elementi ta' dimostrazzjoni u potenzjal tal-innovazzjoni (inkluż sħubijiet pubbliċi/privati (PPP) għal finijiet ta' riċerka).

1.7

Il-KESE jinnota li għalkemm il-ħaddiema fis-settur tal-SMRC tal-UE għandhom ħiliet adegwati, dawn għandhom jiġu valutati u aġġornati b'mod kontinwu. Dawn il-miżuri għandhom ikunu appoġġjati bi prijorità, pereżempju fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva LeaderSHIP2020. Hemm riskju ġenwin li tintilef massa kritika f'dan is-settur, minħabba li l-forza tax-xogħol kwalifikata qed tixjieħ.

1.8

Fil-fehma tal-KESE, il-ħolqien ta' interess fis-settur minn ħaddiema ġodda u żgħażagħ għandu jkun ċentrali u dan għandu jkun marbut ma' miżuri intiżi biex itejbu r-reputazzjoni tas-settur. Dan għandu jiġi appoġġjat b'appoġġ finanzjarju għall-iskejjel u l-universitajiet bi speċjalizzazzjonijiet li jkopru l-SMRC.

1.9

Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni, flimkien mal-imsieħba soċjali u partijiet oħra interessati (bl-użu tal-kunċett tal-kunsill settorjali għall-ħiliet, pereżempju), għandha tħejji pjan għall-adattar kontinwu tal-ħiliet għall-kompiti ġodda fis-settur tal-SMRC, li fost affarijiet oħra jkun ikopri faċilitajiet off-shore (pjattaformi, parks eoliċi, eċċ.), portijiet, impjanti tekniċi ġodda fuq wiċċ l-ilma, faċilitajiet u bastimenti għar-riforniment tal-karburant LNG, eċċ. Dan jeħtieġ il-monitoraġġ tal-kompetenzi u l-iżvilupp kontinwu fil-qasam tat-taħriġ u l-mobbiltà fl-Ewropa.

1.10

Il-firxa komprensiva ta' prinċipji u regoli (il-ħarsien ambjentali, is-sigurtà, il-portijiet, ir-regoli dwar it-trasport, it-tagħmir, ir-riċiklaġġ) għandha impatt kruċjali fuq il-funzjonament tas-settur u d-domanda għas-servizzi tiegħu. F'dan il-kuntest, il-KESE jemmen li s-settur tal-SMRC u dak tal-bini tal-bastimenti għandhom jikkonsultaw lill-EMSA b'mod frekwenti u sistematiku sabiex jiżguraw li l-bastimenti jkunu iktar siguri, ekoloġiċi u jiġu monitorjati b'mod effettiv.

1.11

Fil-fehma tal-KESE, il-ġabra ta' regoli u rekwiżiti ġodda dwar it-teknoloġiji avvanzati m'għandhomx jitqiesu bħala dannu jew problema għas-settur, iżda pjuttost bħala opportunità. F'dan ir-rigward, it-tarzni tal-SMRC u dawk li jibnu bastimenti ġodda u s-settur tal-produzzjoni tal-azzar għandhom jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jiksbu riżultati aħjar. Il-Kumitat jappella lid-DĠ MOVE biex iqis lis-settur tal-SMRC fl-iżviluppi tal-politika strateġika tiegħu (fost oħrajn il-kwistjoni tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra).

Il-KESE jemmen li, b'konformità mal-previżjonijiet tal-perjodu medju (tliet snin) li jindikaw domanda qawwija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jsir fl-Ewropa, is-settur tal-SMRC għandu l-faċilitajiet biex iwettaq proġetti bħal dawn. Huwa għandu wkoll il-kapital uman biex jissodisfa r-rekwiżiti tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li ma jkunx ta' dannu għall-bniedem jew l-ambjent. Fl-istess ħin, fis-settur qed jitqies il-fatt li din hija forma ġdida u differenti ta' attività, b'aspetti sensittivi u li teħtieġ approċċ kawt. Il-Kumitat jemmen li r-riċiklaġġ tal-bastimenti kulma jmur ser issir attività strateġika għall-industrija Ewropea.

1.12

Fil-fehma tal-Kumitat l-għanijiet ewlenin fil-perjodu l-qasir, li jeħtieġu appoġġ pubbliku għall-finanzjament tal-konverżjoni fis-settur SMRC fl-UE, huma: l-installazzjoni ta' strumenti tat-tindif u sistemi tat-trattament ta' ilma saborra (dan jista' jolqot lil 65 000 bastiment madwar id-dinja skont ir-reġistru Lloyd's), il-konverżjonijiet assoċjati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (inkluża l-installazzjoni ta' magni li jaħdmu bl-LNG, l-installazzjoni ta' faċilitajiet għar-riforniment tal-karburant LNG fil-baħar u sistemi għall-irkupru tas-sħana u impjanti ta' modernizzazzjoni għas-“slow steaming” eċċ.).

1.13

Il-Kumitat jemmen ħafna li l-industrija tal-SMRC hija ta' importanza kbira għall-flotti navali rispettivi Ewropej u li dan is-suġġett għandu jiġi inkluż f'Opinjonijiet oħra tal-KESE dwar is-settur tal-armamenti.

1.14

Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-IMO fil-prattika, b'mod partikolari il-Konvenzjoni tal-Ġestjoni tal-Ilmijiet as-Saborra, hija ta' importanza ewlenija għas-settur. Għalhekk, din il-Konvenzjoni għandha tiġi implimentata sew u b'effiċjenza, bi stennijiet ċari.

2.   Daħla

L-industrija Ewropea tal-manutenzjoni, il-modernizzazzjoni u t-tiswija tal-bastimenti – SMRC

2.1

Il-bini tal-bastimenti jħaddan l-intrapriżi kollha involuti fil-bini, il-manutenzjoni, il-konverżjoni u t-tiswija ta' kull tip ta' bastiment u strutturi marittimi oħra rilevanti. It-taqsira għat-tarzni tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni hija SMRC (Ship maintenance, repair and conversion). L-istħarriġ tal-klassifikazzjoni jaqa' wkoll taħt dan il-qasam ta' attività. Tarzni bħal dawn jeżistu f'16-il pajjiż tal-UE u jimpjegaw mal-50-55 000 persuna (iċ-ċifra medja għall-perjodu 2007-2011).

2.2

Is-settur tal-SMRC huwa segment speċifiku tal-industrija tal-bini tal-bastimenti. Dan is-settur qed isir iktar importanti minħabba l-espansjoni tal-flotta globali u t-trasport marittimu (u l-passaġġi tal-ilma interni), u bl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-bastimenti u żieda fir-rekwiżiti tat-trasport bl-ilma fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

2.3

L-UE bħalissa għandha pożizzjoni b'saħħitha f'dan is-settur. Is-sehem attwali tagħha tas-suq globali huwa madwar 35 % li juri li s-settur huwa wieħed strateġiku għall-Ewropa. Din il-pożizzjoni għandha tinżamm u anke tissaħħaħ bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fit-trasport marittimu u biex jiġu stabbiliti standards rigorużi għall-ambjent u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Profil tas-settur tal-SMRC

2.4

Is-settur tal-SMRC huwa differenti mill-industrija tal-bini tal-bastimenti minn ħafna aspetti. Is-settur tal-SMRC iħaddan diversi sottosetturi: it-tiswija, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti kif ukoll il-konverżjoni.

2.5

Il-manutenzjoni u t-tiswija normalment ikunu operazzjoni ta' perjodu qasir. Għal ħafna mill-ħin il-bastiment ikun f'baċir u jibqa' hemm għal medja ta' bejn għaxart ijiem u tnax-il jum.

2.6

L-ippjanar tax-xogħol ta' tiswija huwa relattivament sempliċi u t-tarzni jistgħu jinfluwenzaw l-għażla li jagħmlu s-sidien fir-rigward ta' liema tarzna. Tiswijiet mhux pjanati, li jsiru wara li jkun hemm falliment fis-sistema jew ta' tip mekkaniku jew strutturali, għandhom isiru mill-eqreb tarzna. F'tali każijiet, huwa diffiċli li tiġi influwenzata d-deċiżjoni ta' sid il-bastiment.

2.7

Skont ir-rapport tal-OECD tal-2008 (1), l-għażla tat-tarzna adatta għat-tiswija tal-bastimenti saret importanti b'mod kruċjali għas-sidien, li ħafna drabi jkollhom jiddeċiedu bejn tarzni rħas u finanzjarjament attraenti u l-bżonn li tiġi żgurata l-affidabbiltà u l-avvanz teknoloġiku. L-iktar fatturi importanti għad-deċiżjoni dwar fejn bastiment ser jissewwa s-soltu jkunu: l-ispiża, it-tul ta' żmien għat-tiswija (inkluż l-ispiża tad-devjazzjoni) u – inqas importanti – it-tip ta' teknoloġija li tintuża.

2.8

Sabiex jinkisbu ekonomiji ta' skala, qed jinħolqu rabtiet bejn il-bini u t-tiswija tal-bastimenti f'diversi postijiet madwar id-dinja. Pajjiżi fil-quċċata tal-industrija tal-bini tal-bastimenti s-soltu jisseparaw l-attivitajiet tal-bini tal-bastimenti u tal-SMRC bil-għan li jsaħħu l-konċentrazzjoni tal-forza tax-xogħol u jżidu l-produttività.

F'għadd ta' pajjiżi tal-UE (pereżempju l-Polonja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi) u l-Indja hemm rabtiet funzjonali u korporattivi bejn it-tarzni li jibnu l-bastimenti u t-tarzni tal-SMRC. Dan il-mudell jidher li qed jiffunzjona b'mod effettiv f'dawn il-pajjiżi bl-użu ta' dipartimenti u faċilitajiet konġunti (u unitajiet oħra organizzattivi (2)) għaż-żewġ tipi ta' tarzni, filwaqt li fl-istess ħin jiġi sfruttat il-portafoll divers ta' prodotti u ordnijiet u jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji li jirriżultaw mit-tnaqqis fl-attività ekonomika.

2.9

Ir-realtajiet tas-suq tas-settur

2.10

Tul l-aħħar għexieren ta' snin il-karattru tal-industrija tal-SMRC ġie deskritt fil-letteratura bħala “dejjem żgħażugħ”. It-tkabbir robust tal-flotta internazzjonali minn 660 miljun DWT fl-1990 għal 1 468 miljun DWT fl-2011 kien sors ta' tkabbir parallel fl-opportunitajiet għall-industrija tal-SMRC. Il-bejgħ annwali globali f'dan is-settur ġie stmat għal madwar USD 12-il biljun fl-aħħar tal-2010 (3).

2.11

Fl-2010 il-bejgħ fis-settur tat-tiswija fl-Ewropa kien jammonta għal EUR 3,16 biljun (il-quċċata ntlaħqet fl-2008, b'ċifra ta' EUR 4 biljun). L-Appendiċi 1 turi l-bejgħ fis-settur tat-tiswija tal-bastimenti f'għadd ta' pajjiżi Ewropej fis-snin 2006-2010.

2.12

Is-settur tal-SMRC fl-Ewropa kein sejjer pjuttost tajjeb qabel il-kriżi. Mill-2010 'l hawn is-sidien ipprovaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom billi jnaqqsu l-infiq jew jipposponu l-ordnijiet. Fit-tieni nofs tal-2010, irnexxielhom jagħmlu tajjeb għat-telf, ħaġa li ħarġet fid-dieher mill-fatt li l-perjodi ta' stennija għax-xogħol ta' tiswija reġgħu żdiedu (minn ġimgħa għal tliet ġimgħat).

2.13

Hemm tarzni tal-SMRC madwar id-dinja kollha. Għad li t-tarzni fl-Asja jwettqu t-tiswija tal-bastimenti bi spiża iktar baxxa (minħabba l-ispejjeż baxxi tal-forza tax-xogħol), ħafna sidien jagħżlu tarzni bi prezz ogħla, għax ikunu jistgħu joffru lead-time aħjar (u b'hekk jiġu evitati l-ispejjeż tad-devjazzjoni) u għarfien iktar sofistikat.

Konverżjoni u modernizzazzjoni fit-tarzni tal-SMRC

2.14

Il-proċess tal-konverżjoni u l-modernizzazzjoni f'xi aspetti jixbah iktar lill-bini tal-bastimenti ġodda milli x-xogħol ta' tiswija u manutenzjoni. Il-konverżjoni tal-bastimenti s-soltu tieħu inqas żmien minn xogħol ta' tiswija konvenzjonali. L-attivitajiet involuti fil-konverżjoni tal-bastimenti jistgħu jiġu deskritti bħala proċess tal-produzzjoni.

2.15

Skont Sea Europe (4), il-konverżjoni tal-bastimenti hija eqreb għall-attivitajiet tat-tarzni li jibnu l-bastimenti f'termini ta' skala ta' żmien, imma l-konverżjoni teħtieġ approċċ kompletament differenti li jinvolvi l-flessibbiltà. Dan jiżgura li jistgħu jsiru bidliet fil-pjan ta' ħidma b'konformita mar-rekwiżiti tal-klijent, u n-natura speċifika tal-bastiment identifikat għall-konverżjoni.

2.16

Ftit qabel il-kriżi, is-suq għat-tarzni li jwettqu xogħol ta' konverżjoni kien sejjer tajjeb ħafna. Iżda fl-2009, l-għadd ta' ordnijiet waqa', bl-ikbar tnaqqis kmieni fl-2010. Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira tal-kotba bl-ordnijiet kienu vojta. Is-sitwazzjoni marret xi ftit għall-aħjar matul it-tieni nofs tal-2010. Madankollu, bħalissa, ħafna sidien tal-bastimenti qed jillimitaw l-ordnijiet għall-konverżjoni minħabba sfidi finanzjarji.

2.17

Dan l-aħħar, it-tiswijiet, konverżjonijiet u modernizzazzjoni ta' bastimenti awżiljarji u faċilitajiet f'wiċċ il-baħar li jintużaw lil hinn mill-kosta (inklużi l-pjattaformi tat-tħaffir) qdew rwol dejjem iktar importanti. Minħabba l-ispejjeż għoljin ta' bastimenti ġodda ta' dan it-tip (u faċilitajiet off-shore fuq wiċċ il-baħar) u perjodi twal ta' stennija biex jaslu (anke sa erba' snin), is-sidien qed jagħżlu li jikkonvertu l-bastimenti eżistenti u l-faċilitajiet off-shore. Madankollu, fl-Ewropa hemm tentazzjoni qawwija li jintużaw tarzni barranin biex iwettqu dan ix-xogħol ta' konverżjoni.

3.   Analiżi tal-kompetittività tas-settur Ewropew tal-SMRC

3.1

Dan l-aħħar twettqu riċerka u analiżi tal-kompetittività tas-settur tal-SMRC fl-UE taħt il-programm ta' riċerka ECO REFITEC (5), fil-qafas tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jinsabu fl-Appendiċi 2.

4.    Leġislazzjoni Ewropea u internazzjonali li għandha impatt fuq is-settur tal-SMRC (materjal mis-sors  (6)  (7)  (8))

4.1

Fil-livell internazzjonali għadha ma saret l-ebda diskussjoni dwar ftehimiet multilaterali dwar il-kompetittività (taħt il-patroċinju tad-WTO), li jista' jkollha impatt fuq is-settur tal-SMRC. Iċ-ċans li jintlaħaq ftehim fil-perjodu l-qasir huwa ftit li xejn.

4.2

Fil-livell bilaterali l-UE nnegozjat ftehimiet kummerċjali li għandhom impatt indirett fuq il-kompetittività mal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel, imma l-impatt tagħhom fuq is-settur tal-SMRC huwa mill-inqas.

Fil-livell Ewropew, il-leġislazzjoni tal-UE tinkludi l-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti. F'dan il-qafas, il-Kummissjoni tista' tawtorizza għajnuna għall-innovazzjoni u għar-reġjuni għat-tarzni jew, fil-każ tal-krediti tal-esportazzjoni, għajnuna għas-sidien tal-bastimenti. Fir-rigward tas-settur tal-SMRC, dan il-qafas jikkonċerna l-għajnuna għat-tiswija u l-konverżjoni tal-bastimenti fil-każ ta' għajnuna reġjonali u għajnuna għall-innovazzjoni, u għajnuna għall-konverżjoni tal-bastimenti biss fil-każ ta' krediti tal-esportazzjoni.

4.2.1

Il-qafas attwali ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012 u huwa validu għal sentejn. Il-Kummissjoni tipprevedi, li wara dan il-perjodu, ser ikun possibbli li tintegra l-qafas tal-bini tal-bastimenti fil-verżjoni futura tal-linji gwida tal-UE għall-Għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-għajnuna għar-reġjuni, għax bħalissa kemm il-qafas ġenerali tal-UE kif ukoll il-qafas iktar speċifiku tal-bini tal-bastimenti ġodda qed jiġu eżaminati.

4.3

Ir-regoli eżistenti ratifikati mill-membri tal-IMO li qed joħolqu opportunitajiet ġodda għas-settur tal-SMRC

4.4   Il-Konvenzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra

4.4.1

Il-Konvenzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra ssolvi l-problema tat-trasferiment ta' speċi tal-baħar invażivivi bejn żoni marittimi differenti permezz tar-rilaxx tal-ilma tas-saborra trasportat mill-bastimenti. Id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni kien ippjanat għall-2014.

4.4.2

L-impatt ta' din il-Konvenzjoni fuq is-settur tal-SMRC ser ikun konsiderevoli peress li ħafna bastimenti ser ikolhom jiġu modernizzati u/jew konvertiti u tista' tolqot mal-65 000 bastiment madwar id-dinja skont ir-Reġistru Lloyd's.

4.4.3

Effetti oħra potenzjali ta' din il-Konvenzjoni fuq it-tarzni tal-SMRC huma, qabel kollox, ir-riskji li jinħolqu mill-użu u l-ħżin ta' kimiki ġodda u rekwiżiti legali miżjuda rigward l-użu tagħhom.

4.5   Konvenzjoni MARPOL (Anness VI) – prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-bastimenti

4.5.1

L-għan ta' din il-Konvenzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-2013, hu li tnaqqas it-tniġġis tal-arja mill-bastimenti, prinċipalment SOx u NOx.

4.5.2

Sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux meħtieġa għall-industrija marittima, l-Anness VI tal-Konvenzjoni jistabbilixxi li l-emissjonijiet jistgħu jitnaqqsu bl-użu ta' karburanti alternattivi jew billi jiġu adottati teknoloġiji li jnaddfu l-gass.

4.5.3

Il-Konvenzjoni toħloq opportunitajiet għat-tarzni tal-SMRC peress li t-teknoloġiji li jillimitaw l-emissjonijiet ser ikollhom jiġu installati fuq il-bastimenti, inklużi dawk fil-flotot eżistenti. Fost ir-riskji potenzjali għat-tarzni li jinstallaw strumenti favur l-ambjent insibu dipendenza dejjem ikbar fuq il-fornituri tat-tagħmir u l-bżonn ta' ċerti investimenti fit-tarzni.

4.6   Il-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti

4.6.1

L-għan ta' din il-Konvenzjoni hu li tiżgura li r-riskji għall-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà matul ir-riċiklaġġ tal-bastimenti jinżammu f'livell aċċettabbli.

4.6.2

B'riżultat tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, is-sidien iridu jkunu informati kompletament dwar il-materjali kollha li jintużaw matul il-manutenzjoni, it-tiswija u l-konverżjoni u għandhom jiżguraw li materjali mhux mixtieqa qatt ma jintużaw fit-tarzni. Dan jista' joħloq opportunitajiet addizzjonali biex jiġu kkonfermati ordnijiet ġodda speċjalizzati b'livell għoli ta' għarfien.

4.7

Ir-riċiklaġġ tal-bastimenti ser isir attività dejjem iktar strateġika, intiża biex tipprovdi u tissupplixxi, pereżempju, materjal ta' skart u materji prima oħra għas-setturi tal-produzzjoni fl-UE (l-azzar, l-aluminju, ir-ram), bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali, kemm dirett kif ukoll indirett, u jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali li ma jkunux aċċettabbli.

5.   Proposti u linji gwida għas-settur tal-SMRC fl-inizjattiva LeaderSHIP 2020 u fil-ħidma attwali tal-Kumitat għad-djalogu settorjali tal-industrija tal-bini tal-bastimenti

5.1

Is-settur tal-SMRC u l-industriji relatati miegħu għandhom iqisu l-opportunitajiet u l-possibbiltajiet għall-finanzjament mill-BEI permezz ta' żieda fis-self mill-banek. Il-miżuri tal-BEI għandhom jiġu promossi u analizzati, l-iktar għall-proġetti relatati mat-“tbaħħir ekoloġiku”, sorsi ta' enerġija rinnovabbli off-shore u konverżjonijiet. Huwa propost li DĠ ENT jorganizza “workshops” bħala prijorità sabiex tiġi esplorata f'aktar dettall il-prospettiva tal-appoġġ mill-BEI.

5.2

L-Istati Membri u r-reġjuni kostali għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li l-fondi strutturali jiġu allokati għad-diversifikazzjoni tat-teknoloġija fl-industrija marittima b'rabta ma' setturi ġodda tas-suq. Dan jirrelata b'mod partikolari mal-istrateġiji reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

5.3

Fir-rigward ta' potenzjal għal finanzjament fit-tul mill-UE, il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina l-possibbiltà li jittieħdu miżuri biex jiġu finanzjati l-kostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti. L-Istati Membri, l-operaturi finanzjarji, l-industrija tat-teknoloġija marittima u partijiet interessati oħra għandhom jikkunsidraw mill-ġdid id-disponibbiltà tal-garanziji tas-suq.

5.4

L-industrija tal-bini tal-bastimenti (inkluż l-SMRC), f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri jew ir-reġjuni għandha tiġi inkluża fl-attivitajiet ta' riċerka, bl-użu ta' sħubijiet pubbliċi/privati (PPP) fost oħrajn, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-istruttura tas-setturi marittimi u l-priniċipji rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.

5.4.1

Il-KESE jaqbel mall-punt fundamentali tal-inizjattiva LeaderSHIP 2020 li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-PPP għas-settur tal-bini tal-bastimenti, hemm bżonn impenn qawwi fil-programmi ta' riċerka. Fir-rigward tal-għanijiet fil-perjodu l-qasir, il-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-SMRC mingħajr dubju għandha tkun appoġġjata minn miżuri adatti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-intrapriża.

5.5

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-Kumitat għad-Djalogu Settorjali dwar l-industrija tal-bini tal-bastimenti fil-ħidma għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki fil-qafas tal-inizjattiva LeaderSHIP 2020. Bħalissa, ir-rwol speċjali tal-Kumitat għandu jinvolvi t-twettiq tal-parti tal-inizjattiva li għandha x'taqsam mal-identifikazzjoni u t-tqabbil aħjar tal-kwalifiki u l-ħiliet bil-għan li tiġi żgurata l-prosperità fit-tul ta' dan is-settur.

5.6

Il-KESE jinsab ħerqan li jara progress pożittiv mill-Kumitat tad-Djalogu b'rabta mal-istandards soċjali fis-settur Ewropew tal-bini ta' bastimenti ġodda u tal-SMRC.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  The interaction between the ship repair, ship conversion and shipbuilding industries report, C/WP6(2008)6c.

(2)  Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.

(3)  CESA Annual Report 2010–2011.

(4)  Mill-2012 'l hawn, il-Komunità għall-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (Community for European Shipyards Associations) (CESA) u l-Kunsill Ewropew tat-Tagħmir Marittimu (European Marine Equipment Council) (EMEC) ifformaw Assoċjazzjoni Ewropea tal-Bastimenti u t-Tagħmir Marittimu (European Ships and Maritime Equipment Association) magħrufa bħala SEA Europe.

(5)  Eco innovative refitting technologies and processes for shipbuilding industry promoted by European Repair Shipyards – Proġett kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tas-Seba' Programm Qafas (2007–2013).

(6)  Ara n-nota nru 5 f'qiegħ il-paġna.

(7)  Ara n-nota nru 3 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.


Top