EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE1907

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi għall-industrija Ewropea tal-inġinerija (mekkanika, elettrika, elettronika u tax-xogħol tal-metall) f'ekonomija globali li qed tinbidel (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 170, 5.6.2014, p. 32–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi għall-industrija Ewropea tal-inġinerija (mekkanika, elettrika, elettronika u tax-xogħol tal-metall) f'ekonomija globali li qed tinbidel (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/05

Relatur: is-Sinjura STUDNIČNÁ

Korelatur: is-Sur ATANASOV

Nhar l-14 ta' Frar 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-isfidi għall-industrija Ewropea tal-inġinerija (mekkanika, elettrika, elettronika u tax-xogħol tal-metall) f'ekonomija globali li qed tinbidel

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2013 (seduta tal-11 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'167 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-industrija Ewropea tal-inġinerija (1) taqdi rwol essenzjali fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u l-għan ambizzjuż sabiex iżżid il-produzzjoni industrijali għal aktar minn 20 % tal-PDG sal-2020. Madankollu, huwa meħtieġ aktar investiment mill-kumpaniji biex jinħoloq dan it-tkabbir, biex titreġġa' lura t-tendenza attwali, u biex il-persuni qiegħda jerġgħu jibdew jaħdmu.

1.2.

Biex dan jintlaħaq, l-Ewropa trid tiżviluppa viżjoni u mira ċari għall-industrija. Dan għandu jwassal għal politika koordinata b'enfasi ċara fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea li tkun tinkludi l-oqsma l-oħra ta' politika u twassal biex l-Ewropa ssir post li jħajjar it-twaqqif ta' negozji ġodda.

1.3.

L-Ewropa għandha tiżviluppa approċċ aktar pożittiv lejn it-tibdil fl-industrija, speċjalment rigward it-tranżizzjoni b'suċċess fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEECs).

1.4.

L-Ewropa għandha ssir aktar konxja tal-assi tagħha, tiżviluppahom u ssaħħaħhom – ħaddiema b'ħafna ħiliet u motivati, sfond edukattiv varjat, għarfien xjentifiku enormi, ħafna raggruppamenti reġjonali li jinsabu fuq quddiem nett fid-dinja, ktajjen ta' fornituri u servizzi integrati-sew, infrastruttura tat-trasport żviluppata sew u suq intern b'aktar minn 500 miljun konsumatur, u kooperazzjoni soda mill-imsieħba soċjali.

1.5.

Sabiex jiġu ġġenerati investimenti ġodda l-Ewropa għandha ssegwi strateġija li żżomm l-industrija tagħha fuq quddiem nett fl-innovazzjoni teknoloġika u fl-istess ħin, sabiex jintlaħaq il-volum meħtieġ ta' produzzjoni u impjieg bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-kompetittività, trid tkun aktar attraenti għal kumpaniji li jimmanifatturaw oġġetti fi kwantitajiet kbar, kemm fil-kategorija ta' teknoloġija ta' livell għoli kif ukoll fil-kategorija ta' teknoloġija baxxa jew medja. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi strateġija dwar kif l-Ewropa tista’ tiġbed aktar investimenti f’kumpaniji ta’ teknoloġija għolja – inklużi fabbriki moderni li huma l-konsegwenza tar-raba’ rivoluzzjoni industrijali – u kompletenzi ta’ ħiliet speċjalizzati ħafna li jrawmu l-innovazzjoni matul il-katina ta’ valur.

1.6.

L-iffinanzjar tar-riċerka Ewropea għandu jkun marbut aktar mal-ħtiġijiet industrijali, bl-involviment tal-kumpaniji minn stadju bikri tal-proċess innovattiv u għandu jipprovdi appoġġ għall-inġinerija kreattiva fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju sabiex l-ideat jissarrfu b'mod aktar faċli u aktar malajr fi prodotti ġodda. Ir-raggruppamenti li jingħaqdu ma' kumpaniji tal-manifattura u strutturi ta' riċerka għandhom jitħeġġu u jingħataw appoġġ.

1.7.

Il-KE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-ħajja tal-kumpaniji Ewropej, speċjalment għall-SMEs. Għandha tiddaħħal leġislazzjoni teknika u amministrattiva ġdida biss sakemm il-miri tagħha ma jkunux jistgħu jinkisbu mod ieħor. Il-KE għandha tiffoka aktar fuq applikazzjoni koerenti tar-regoli eżistenti fost l-Istati Membri kollha, l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq. Il-KE għandha tippromovi wkoll l-applikazzjoni bilanċjata ta' dan l-aproċċ fil-livell globali fir-rigward tar-reġjuni l-oħra fid-dinja.

1.8.

L-iżvantaġġi, bħal aċċess diffiċli għall-finanzjament, spejjeż għoljin tal-enerġija jew spejjeż li jirriżultaw minn piżijiet amministrattivi u l-leġislazzjoni għandhom jitnaqqsu permezz tal-adozzjoni ta' leġislazzjoni aktar konsistenti u prevedibbli.

1.9.

Ir-rata għolja ta' impjieg fl-Ewropa tista' tinżamm biss jekk il-ħaddiema jkunu mgħallma u mħarrġa aħjar minn dawk f'ekonomiji kompetittivi. Għandhom jittieħdu miżuri biex jattiraw iż-żgħażagħ – kemm irġiel kif ukoll nisa – fi professjonijiet teknoloġiċi li kulma jmur jużaw makkinarju u servizzi aktar sofistikati. Għandhom jitħeġġu l-kooperazzjoni tal-kumpaniji mal-universitajiet u l-iskejjel, u t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-industrija tal-inġinerija fl-Ewropa hija settur wiesgħa u divers ħafna, li jkopri l-kodiċi tan-NACE 25, 26, 27, 28, 29.3, 32.11 u 33 bl-eċċezzjoni ta' 33.15 sa 33.17. Tradizzjonalment l-industrija tal-inġinerija hija rappreżentata minn: Inġinerija Mekkanika u Elettrika u makkinarju; Elettronika; Oġġetti tal-metall u xogħol tal-metall.

2.2.

L-industrija tal-inġinerija kollha fl-Ewropa tikkonsisti f'madwar 130 000 kumpanija, li jimpjegaw aktar minn 10,3 miljun persuna bi kwalifiki u livell ta' ħiliet għoljin u jiġġeneraw produzzjoni annwali ta' madwar EUR 1 840 biljun u madwar 1/3 tal-esportazzjoni kollha tal-UE.

2.3.

Bil-produzzjoni ta' varjetà ta' prodotti finali u permezz tal-provvista ta' komponenti, partijiet, għodod, makkinarju, installazzjonijiet, sistemi, teknoloġiji, eċċ. lil setturi oħrajn, din l-industrija taqdi rwol ewlieni għal-livell teknoloġiku ta' numru kbir ta' setturi oħra u tiddefinixxi l-iżvilupp tas-soċjetà fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika, is-saħħa, il-mobbiltà, il-komunikazzjonijiet u s-sigurtà.

2.4.

Minħabba l-volum enormi tagħha, il-livell għoli ta' impjieg u l-orjentazzjoni qawwija għall-esportazzjoni, l-industrija Ewropea tal-inġinerija taqdi rwol essenzjali fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u l-għan ambizzjuż deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” sabiex titreġġa' lura t-tendenza attwali u biex tiżdied il-produzzjoni industrijali għal aktar minn 20 % tal-PDG sal-2020.

2.5.

L-industriji Ewropej tal-inġinerija jridu jitqiesu u jiġu analizzati fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku tal-UE, u dawn l-industriji huma ħoloq integrali u essenzjali għall-katini ta’ valur rispettivi tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, isofru minn bażikament l-istess problemi li jiffaċċjaw il-kontropartijiet tagħhom fil-katina (l-industrija tal-azzar, is-settur tal-enerġija ...).

3.   L-isfidi għall-industrija Ewropea tal-inġinerija

3.1.   Kompetizzjoni internazzjonali

3.1.1.

L-industrija tal-inġinerija Ewropea tesporta parti konsiderevoli mill-produzzjoni tagħha. F'dawn l-aħħar snin, l-investimenti baqgħu lura meta mqabbla ma' reġjuni oħra fid-dinja. Dan ifisser delokalizzazzjoni perikoluża tal-ktajjen ta' valur 'l barra mill-Ewropa u l-industrija Ewropea tal-inġinerija qed tiffaċċja kompetizzjoni dinjija dejjem akbar.

3.1.2.

L-Amerika ta' fuq adottat strateġija li timmira lejn ir-rindustrijalizzazzjoni, ibbażata b'mod partikolari fuq spejjeż baxxi tal-enerġija u prezzijiet baxxi għall-ħaddiema fin-NAFTA. Iċ-Ċina u diversi pajjiżi fix-Xlokk tal-Asja attiraw investiment konsiderevoli, speċjalment f'setturi elettriċi u elettroniċi, reċentement anke fil-makkinarju. Permezz ta' pjani ta' żvilupp appoġġati mill-istat, dawn l-industriji mhux biss jikkompetu b'pagi aktar baxxi iżda dalwaqt se jipproduċu prodotti b'valur miżjud ogħla. Il-Ġappun qed iżid fil-kompetittività tiegħu minħabba l-iżvalutar reċenti tal-Yen b'madwar 30 %. Fl-aħħar nett, f'dawn l-aħħar snin l-Afrika u l-Lvant Nofsani rnexxilhom jattiraw investimenti tal-manifattura.

3.1.3.

Il-mira biex l-industrija jkollha sehem ta' 20 % fil-PDG teħtieġ il-ħolqien ta' mill-inqas 400 000 impjieg ġdid fis-sena. Huwa biss jekk tattira aktar investimenti, li l-Ewropa se tkun tista' toħloq impjiegi u gid biżżejjed biex jinżammu l-istandards soċjali għolja fl-Ewropa u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. U l-investimenti fl-Ewropa se jsiru biss jekk din tkun kompetittiva.

3.1.4.

Huwa evidenti li għadd kbir bħal dan (> 10 miljun) ta' impjiegi, li fil-biċċa l-kbira huma mħallsin tajjeb, ma jistgħux jinżammu jekk l-Ewropa tikkonċentra biss fuq in-naħa ta' fuq tas-suq tal-inġinerija. Filwaqt li kumpaniji ta' livell teknoloġiku għoli jaqdu rwol deċiżiv fiż-żamma tat-tmexxija teknoloġika filwaqt li jrawmu l-innovazzjoni fil-katina ta' valur kollha, huwa kruċjali li l-Ewropa tibqa' post ta' produzzjoni għat-tipi kollha ta' prodotti ta' inġinerija u ta' prodotti bażiċi, anke f'setturi b'teknoloġija baxxa jew medja fis-settur. Minbarra l-ħolqien ta' impjieg, dan huwa deċiżiv għan-netwerk integrat ta' fornituri, li huwa wieħed mill-akbar assi għall-produtturi fl-Ewropa, u jippermetti skambju rapidu tal-għarfien, tnedija malajr tal-produzzjoni u benefiċċji mir-raggruppamenti reġjonali.

3.2.   L-isfidi teknoloġiċi

3.2.1.

Fuq quddiem nett fil-bidla għal ekonomija ekoloġika u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju nsibu b'mod partikolari is-settur tal-inġinerija, permezz tal-prodotti, is-sistemi u t-teknoloġiji li jipproduċu l-kumpaniji tagħha. L-industrija tinsab miexja b'pass mgħaġġel lejn ir-raba' rivoluzzjoni industrijali (2) li se tipprovdi l-qabża lejn l-addattar fuq skala kbira, u tippermetti lill-industrija biex tirreaġixxi għall-isfidi soċjetali permezz ta' soluzzjonijiet imfasslin apposta.

3.2.2.

L-Ewropa għandha l-għarfien xjentifiku u l-kompetenza fir-riċerka neċessarji għall-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika, iżda t-triq li twassal għal prodotti innovattivi teħtieġ aktar minn hekk. L-Ewropa għandha vantaġġ xjentifiku nett f'ħafna teknoloġiji, iżda l-industriji li ħadu vantaġġ minn din ir-riċerka stabbilixxew ruħhom barra minn pajjiżhom, u dan ifisser li l-Ewropa mhix attraenti biżżejjed bħala post ta' produzzjoni biex tintroduċi dawn l-innovazzjonijiet fis-suq, u l-eżodu tal-għarfien lejn l-ekonomiji rivali jsir theddida reali.

4.   X'tista' tagħmel l-Ewropa?

4.1.   Aspetti strateġiċi

4.1.1.

Il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex timplimenta bis-sħiħ il-politika industrijali li hija verament bżonjuża twassal għal problemi inerenti gravi li jaffettwaw it-tranżizzjoni meħtieġa. L-ewwel nett, sfortunatament, l-UE ma għandhiex viżjoni u sens ta’ tmexxija, u dan iwassal għal għadd kbir wisq ta’ inizjattivi inkoerenti u inkoerenza serja fil-qafas regolatorju. It-tieni nett, il-kunċett tas-sostenibbiltà, li jista’ jkun strateġija valida ta’ integrazzjoni, għand jagħti l-istess importanza lit-tliet pilastri (ambjentali, soċjali u ekonomiku).

4.1.2.

Attwalment, in-nuqqas serju ta’ fiduċja min-naħa tal-investituri (3) fl-ekonomija tal-UE huwa allarmanti; u huwa kruċjali li terġa’ tinkiseb din il-fiduċja. L-implimentazzjoni vera tal-Istrateġija Ewropa 2020 u t-tħeġġiġ u l-motivazzjoni tal-ambjent tan-negozju jistgħu jkunu s-soluzzjoni għal dan it-tnaqqis attwali.

4.1.3.

Jinħtieġu ħafna aktar investiment u tkabbir biex titreġġa' lura x-xejra ta' tnaqqis kontinwu tal-industrija fl-Ewropa. Il-mira ta' 20 % u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda mhumiex se jseħħu jekk l-Ewropa ma tiżviluppax viżjoni ċara u aġenda għall-industrija. Dan għandu jwassal għal politika koordinata b'enfasi ċara fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea li tkun tinkludi l-oqsma l-oħra ta' politika u twassal biex l-Ewropa ssir post li jħajjar it-twaqqif ta' negozji ġodda.

4.1.4.

Kumpaniji tal-inġinerija jħabbtu wiċċhom ma' regolamentazzjoni żejda fi żminijiet inopportuni, u liġijiet nazzjonali li jikkoinċidu mal-liġi tal-UE. L-SMEs, b'mod speċjali, ma' jistgħux ilaħħqu magħhom. Il-kompitu ewlieni għall-kumpaniji tal-inġinerija għandu jkun li jfittxu soluzzjonijiet tekniċi u mhux li jallokaw parti konsiderevoli tar-riżorsi tagħhom biex jittrattaw l-aħħar regolamenti. L-approċċ dirett biex jitħaffef il-piż ta' din il-problema huwa li jitnaqqas l-ammont ta' leġislazzjoni ġdida.

4.1.5.

Eżempju ta' leġislazzjoni ġdida mhux meħtieġa, huwa d-drawwa li daħlet fejn ħafna mir-riformulazzjonijiet proposti għar-Regolamenti u d-Direttivi eżistenti jiġu segwiti b'emendi. Ħafna drabi l-applikazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti tista' ssolvi problema b'mod aħjar milli kieku jinħolqu dispożizzjonijiet ġodda. Ġħalhekk ir-regoli ġodda għandhom jiddaħħlu biss bħala l-aħħar alternattiva.

4.1.6.

Il-leġislatur Ewropew spiss jipprova jirregola qasam speċifiku b'mod dettaljat wisq. Filwaqt li dan jagħmel sens f'ċerti regolamenti tekniċi, jista' ma jkunx adattat f'oqsma oħra. Pereżempju, ir-regoli dwar il-kampijiet elettromanjetiċi huma diffiċli wisq biex l-SMEs jikkonformaw magħhom. L-istrateġija tal-KE għas-saħħa u s-sigurtà 2013-2020 għalhekk għandha tassigura livell adegwat ta’ protezzjoni fil-postijiet tax-xogħol iżda fl-istess waqt għandha tkun konsistenti, fil-qosor u faċli biex tapplikaha.

4.1.7.

Il-leġislazzjoni Ewropea għandha ssir aktar prevedibbli. Fir-rigward taċ-ċikli tal-investiment ta' kumpaniji, dan ifisser li l-metodoloġiji ma għandhomx jinbidlu ladarba stabbiliti u l-miri għandhom jogħlew b'mod prevedibbli u fuq perjodu ta' żmien twil. Eżempju wieħed, fejn l-approċċ oriġinali olistiku tal-Kummissjoni qed jintilef, huwa fil-każ tad-Direttiva tal-EkoDisinn. L-enfasi inizjali kienet fuq l-enerġija u l-metodoloġija robusta li ntużat (MEErP) għandha tinżamm. Problema partikolari tirriżulta mir-riformulazzjonijiet frekwenti. Għal xi prodotti, il-leġislazzjoni tinbidel bejn wieħed u ieħor kull ħames snin, u dan huwa tabilħaqq devastanti għas-settur tal-inġinerija, fejn l-orizzont tal-investiment ikopri minn 10 sa 30 sena.

4.1.8.

Sfortunatament, il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-KE ma jinkludux biżżejjed l-ispejjeż ta' leġislazzjoni ġdida għall-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs. L-akbar nefqa relatata ma' leġislazzjoni addizzjonali u li ma titqiesx hija fil-fatt dik fl-investimenti u kumpaniji ġodda li l-Ewropa titlef u li minflok jiġu stabbiliti f'partijiet oħra barra l-UE.

4.1.9.

Bl-istess mod, ir-regoli dwar offerti pubbliċi għandhom ikunu faċli biex wieħed jifhimhom. Inkella, l-SMEs mhux se jkunu aktar kapaċi jitfgħu offerti, il-kompetizzjoni tonqos, il-verifika tad-deċiżjonijiet fil-proċess tal-akkwist issir iktar diffiċli u l-akkwist pubbliku jsir aktar vulnerabbli għall-frodi. Għalhekk, l-enfasi għandha ssir fuq is-semplifikazzjoni u t-trasparenza.

4.1.10.

L-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa huma ħafna ogħla minn dawk f'ekonomiji li jikkompetu. L-aktar miżura urġenti li trid tittieħed biex l-enerġija ssir aktar affordabbli hija l-ħolqien ta' suq Ewropew tal-enerġija reali. Barra dan, huwa importanti li noqogħdu lura milli nintroduċu leġislazzjoni li twassal għal żidiet addizzjonali fil-prezzijiet. Id-dekarbonizzazzjoni trid tkun affordabbli, teknoloġikament newtrali u bbażata fuq regoli tas-suq.

4.2.   Suq intern u s-sorveljanza tas-suq

4.2.1.

Il-protezzjoni kontra l-prodotti mhux konformi u perikolużi u kontra l-iffalsifikar hija prekundizzjoni għal kompetizzjoni ġusta. Bħalissa, inqas minn 1 % tal-merkanzija manifatturata kollha importata fil-portijiet Ewropej il-kbar hija kkontrollata fuq il-wasla tagħha rigward il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UE, u fis-suq intern jidħlu ħafna prodotti perikolużi jew foloz, speċjalment prodotti elettriċi.

4.2.2.

Il-korpi ta' kontroll u sorveljanza fl-Istati Membri individwali tal-UE jvarjaw ħafna. F'xi Stati Membri, is-sistema tipprovdi mekkaniżmu għall-protezzjoni li għandhom bżonn in-negozji, f'pajjiżi oħra dawn il-korpi huma rari, u tiġi applikata b'mod differenti leġislazzjoni li mhux kompleta jew insuffiċjenti. L-UE għandha ttejjeb u ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn dawn il-korpi bil-għan li tintlaħaq sistema Ewropea adatta u uniformi.

4.3.   Standards

4.3.1.

L-istandardizzazzjoni fl-Ewropa saret parti deċiżiva għas-suċċess tas-suq uniku. L-istandardizzazzjoni tgħin sabiex il-prodotti ikunu jistgħu jiġu skambjati u b'hekk negozjabbli madwar id-dinja kollha u tul katini ta' valur twal. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin ħafna SMEs ilmentaw dwar l-ammont ta' mandati ta' standardizzazzjoni mill-KE u l-fatt li l-istandardizzazzjoni marret lil hinn mir-rekwiżiti tekniċi. L-SMEs għandhom jiġu mħeġġa u megħjuna biex jipparteċipaw fil-proċess ta' standardizzazzjoni.

4.3.2.

Peress li l-SMEs huma dejjem aktar involuti fil-ktajjen tal-valur, huma għandhom jingħataw il-possibilità biex jikkontribwixxu b'mod adegwat fit-tfassil tal-istandards. Għandhom jittieħdu miżuri prattiċi sabiex tiġi stabbilita l-ugwaljanza bejn il-partijiet interessati jiġifieri jingħata appoġġ aħjar fuq livell nazzjonali għall-parteċipazzjoni tal-SMEs b'inqas riżorsi finanzjarji.

4.4.   It-teknoloġija u r-riċerka

4.4.1.

Il-kumpaniji tal-industrija tal-inġinerija huma l-muturi ewlenin li jinsabu quddiem nett fl-innovazzjoni fir-rigward tal-manifattura tat-tagħmir meħtieġ biex isseħħ ir-rivoluzzjoni ekoloġika. L-użu effiċjenti tal-enerġija, it-tnaqqis tas-CO2 u l-miżuri favur il-klima qed jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-iżvilupp sostenibbli tas-settur. Minbarra l-ħolqien ta' prodotti ġodda, l-innovazzjonijiet ta' kumpaniji tal-inġinerija spiss iwasslu biex jinħolqu mezzi ġodda ta' produzzjoni, u prodotti u sistemi li huma saħansitra aktar favur l-ambjent u fl-istess ħin ikunu aktar produttivi u affordabbli għall-konsumaturi.

4.4.2.

L-Ewropa laħqet livell għoli ta' riċerka u riżultati tar-riċerka. Fl-2012, kien hemm iktar minn 250 000 applikazzjoni għal privattivi fl-Ewropa. Madankollu, il-proċess mir-riċerka sal-prodotti innovattivi jeħtieġ aktar minn għarfien u kompetenza ta' riċerka. Għal żmien twil, l-Ewropa kellha vantaġġ xjentifiku ċar f'ħafna teknoloġiji, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-industriji li stagħnew minn din ir-riċerka kemm-il darba stabbilxxew il-bażi tagħhom barra l-Ewropa. Sfruttament industrijali dgħajjef bħal dan fir-rigward tal-għarfien eżistenti fl-Ewropa jista' jingħeleb biss permezz tal-parteċipazzjoni mill-industrija fi programmi ta' riċerka fi stadju bikri u permezz ta' qafas adatt li jippermettilhom li jisfruttaw l-għarfien miksub fiż-żmien opportun. L-istrutturi ġodda li jissieħbu mal-industrija u r-riċerka – raggruppamenti, parks teknoloġiċi, ċentri għall-iskambji teknoloġiċi – għandhom jingħataw appoġġ permezz ta' fondi pubbliċi.

4.4.3.

Sabiex jittejjeb l-użu li l-industrija tagħmel mis-sejbiet xjentifiċi ġodda, il-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu mmirati aħjar lejn il-ħtiġijiet industrijali u jitwettqu bħala sħubija pubblika-privata, bħall-programm “Fabbriki tal-Futur”. Sabiex ikun hemm aktar parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, il-linji gwida u d-dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-approvazzjoni ta' proġetti għandhom isiru aktar sempliċi. Għandhom jittieħdu miżuri li jippromovu t-twaqqif ta' fabbriki moderni li joriġinaw mir-raba' rivoluzzjoni industrijali.

4.5.   Strumenti tas-suq tax-xogħol

4.5.1.

L-għadd kbir ta' impjiegi f'din l-industrija juri li hija taqdi rwol ewlieni sabiex jingħeleb il-qgħad għoli li hemm bħalissa fl-UE u għandha potenzjal kbir għal impjiegi ġodda, jekk l-Ewropa jirnexxielha toħloq l-investimenti għall-qawmien ekonomiku li jmiss. Bil-ħolqien ta' dawn l-impiegi jkun jista' jingħeleb il-qgħad għoli u inaċċettabbli fost iż-żgħażagħ. It-tentattiv attwali tal-UE biex tistabbilixxi “garanzija għaż-żgħażagħ” jidher li hija miżura tajba fil-kriżi attwali. Madankollu, fuq perjodu ta' żmien twil, l-impjieg sostenibbli jista' jiġi biss minn kumpaniji sodi li jinvestu hawnhekk.

4.5.2.

Hafna setturi tal-manifattura qed jaffaċċjaw nuqqas ta' professjonisti żgħażagħ. Is-sistemi edukattivi u vokazzjonali għandhom ikunu aktar maħsuba għall-ħtiġijiet tal-industrija bħalissa u fil-futur. Kemm l-amministrazzjonijiet kif ukoll l-istess industrija għandhom jieħdu miżuri biex iħajru liż-żgħażagħ f'dan is-settur u fl-istess ħin biex itejbu l-immaġini tas-settur. B'mod speċjali għandha tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta' professjonisti fix-xjenza, l-inġinerija u l-matematika f'xi reġjuni fl-Ewropa, pereżempju billi jingħata appoġġ għall-mobilità ta' dawn il-professjonisti madwar l-Ewropa.

4.5.3.

Xorta għad hawn ftit wisq nisa żgħażagħ li jimmiraw għal karriera fl-inġinerija. F'ħafna pajjiżi Ewropej l-industrija tal-inġinerija diġà nediet kampanji iffukati biex iħajru lin-nisa żgħażagħ għall-apprendistati u l-Fond Soċjali Ewropew appoġġja proġetti mmirati biex jingħelbu l-ostakli emozzjonali tan-nisa żgħażagħ rigward karrieri ta' inġinerija. Xorta waħda, irid isir aktar. Fl-iskejjel, it-teknoloġiji u l-inġinerija għandhom jiġu mgħallma b'mod li jispira aktar.

4.5.4.

Waħda mill-qawwiet determinanti li għenet lil bosta kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw tajjeb il-kriżi attwali kienet il-forza tax-xogħol eċċellenti tagħhom. Minħabba s-sistema ta' apprentistat, il-ħaddiema tagħhom għandhom għarfien komprensiv tal-bażi teoretika u tal-proċess ta' produzzjoni nnifsu. Huma kapaċi jintegraw l-innovazzjoni malajr fi stadji differenti fil-katina tal-valur. Il-politika Ewropea dwar l-impjieg għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi biex jadottaw dawn is-sistemi tal-apprentistat fil-livell tal-kumpaniji. Għandhom jiġu mħeġġin il-kooperazzjonijiet tal-kumpaniji ma' skejjel u universitajiet, kif ukoll l-iskambji u l-apprentistati għall-bidu ta' impjieg.

4.5.5.

Assoċjazzjonijiet tal-industrija u t-trejdjunjins jistgħu jieħdu inizjattivi appoġġjati mill-gvernijiet tagħhom biex jevalwaw l-edukazzjoni rigward l-industrija u biex itejbu l-proċessi li jistgħu jgħinu biex jitneħħa d-distakk fil-kwalifiki tax-xogħol favur industrija li tipprovdi makkinarju u servizzi tekniċi dejjem aktar sofistikati u li jeħtieġu ħiliet ġodda.

4.5.6.

It-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun obbligu komuni ta' min iħaddem u tal-impjegati. Ħaddiema li jitilfu xogħolhom għandu jkollhom aċċess suffiċjenti biex jaġġornaw malajr il-kwalifiki tagħhom. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu msaħħa u għandu jiġi aċċellerat l-iskambju ta' prattiki tajbin, bħal dawk kofinanzjati mill-FSE u l-FEŻR.

4.5.7.

Setturi industrijali huma soġġetti għal bidla permanenti. Hemm ħolqien kontinwu ta' impjiegi u prodotti, filwaqt li oħrajn ma jibqax bżonnhom. Ir-ristrutturar meħtieġ għandu jiġi organizzat fi proċess maħsub bil-quddiem. L-imsieħba soċjali, it-trejdjunjins u dawk li jħaddmu, kif ukoll il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu integrati fi djalogu biex jiżviluppaw approċċ aktar flessibbli u pożittiv għall-bidla fl-industrija. Bħala prijorità, is-sensji għandhom jiġu evitati sabiex il-forza tax-xogħol bil-ħiliet u l-kwalifiki tinżamm fil-kumpaniji. It-telf ta' impjiegi inevitabbli għandu jiġi organizzat u jittaffa b'approċċ li huwa aċċettabbli mis-soċjetà. F'xi pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant (CEECs) nistgħu naraw eżempji ta' mmodernizzar tal-ekonomija f'waħda aktar produttiva, aktar nadifa u li toħloq ħafna impjiegi ġodda mħallsin tajjeb.

4.5.8.

Il-gvernijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u t-trejdjunjins għandhom isibu soluzzjonijiet biex jikkonformaw mal-varjazzjonijiet ċikliċi ta' attività kummerċjali. Il-provvista rapida u effiċjenti ta' persunal kwalifikat hija kruċjali għall-kumpaniji tal-manifattura Ewropej biex huma jwieġbu għall-pressjoni dejjem tiżdied mill-kompetizzjoni globali. Il-leġislazzjoni dwar l-impjieg għandha tippermetti arranġamenti ta' xogħol, esternament u internament, li jkunu jqisu l-bżonn ta' effiċjenza fil-proċess ta' produzzjoni, kif ukoll aspetti ta' saħħa u sikurezza u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-istrumenti biex tingħata l-flessibbiltà meħtieġa ma għandhomx jintużaw biex jitbaxxew l-istandards soċjali fl-Ewropa.

4.5.9.

L-imsieħba soċjali nazzjonali għandhom responsabilità kbira għal negozjar kollettiv. Il-kompetizzjoni b'suċċess fil-livelli attwali tal-kost tax-xogħol huwa ta' sfida, u l-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati għandha tinżamm. It-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej m’għandux jinkiseb mit-tnaqqis tal-pagi. Sabiex jinżamm u jitjieb l-impjieg, l-isforzi għandhom isiru fuq il-kompetittività mhux marbuta mal-prezzijiet kif ukoll fuq il-kontroll tal-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-gwadann li jsir mill-produzzjoni għandu jinqasam bejn żieda fil-pagi, l-investiment u rimunerazzjoni tal-azzjonisti.

4.6.   Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs

4.6.1.

F'dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-għajnuna lill-SMEs biex jesportaw hija ta' importanza ewlenija għal ekonomija b'saħħitha. Għal ħafna SMEs, l-ewwel pass huwa li jesportaw lejn pajjiż ieħor tal-UE. Din hija r-raġuni għalfejn il-kompetizzjoni tas-suq intern hija daqshekk importanti, għaliex l-esperjenzi miksuba jistgħu jħeġġu lill-kumpaniji biex jesportaw f'pajjiżi terzi. Minħabba li l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi hija diffiċli għall-SMEs, huwa importanti li ma jitħallewx waħidhom f'dawk is-swieq. Barra minn hekk, l-aċċess għal strumenti ta' finanzjament għall-esportazzjoni għandu jittejjeb għall-SMEs.

4.7.   Il-politika dwar l-enerġija u l-investimenti futuri

4.7.1.

Minkejja li l-baġits pubbliċi għadhom imrażżna, l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura tal-enerġija m'għandhomx jinżammu lura, għaliex dan ifixkel il-kompetittività tal-Ewropa.

4.7.2.

Ħafna mill-investimenti fl-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi llum isiru biss jekk jintlaħaq punt ta' ekwilibriju f'inqas minn tliet snin, u minħabba f'hekk jistgħu jintilfu ħafna mill-benefiċċji li jistgħu jinkisbu. Ħafna investimenti privati ma jitwettqux anke jekk dawn ikunu utli minħabba li l-punt ta' ekwilibriju jintlaħaq fi żmien 3 sa 5 snin. Din id-dilemma tista' tingħeleb jekk il-gwadanji futuri minn investimenti bħal dawn joħolqu flussi ta' flus diġà fl-istadju meta l-investiment ikun irid isir. Għalhekk, jistgħu jiġu stabbiliti fondi fil-BEI jew f'banek ta' finanzjamant nazzjonali sabiex jipprovdu krediti lil kumpaniji u lil familji biex jagħmlu investimenti bħal dawn li mbagħad jitħallsu mill-profitti li jirriżultaw mit-tfaddil li jsir sa meta l-kreditu ikun tħallas lura. Dan il-mudell jippermetti li dawn l-investimenti jsiru mingħajr ebda sussidji pubbliċi.

4.8.   Aċċess għall-materji prima

4.8.1.

Il-manifatturi Ewropej bbenefikaw mill-isforzi li saru fil-passat sabiex huma jirriċklaw aħjar l-iskart fil-fażi attwali ta' prezzijiet għoljin tal-materji prima. Ħafna mill-metalli, li jservu ta' bażi għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti, illum jiġu rriċiklati. Madankollu, l-aċċess għall-materji prima li jridu jiġu importati jibqa' wieħed kruċjali għall-kompetittività tal-industriji tal-inġinerija. Għalhekk, l-UE għandha tinsisti li l-kummerċ tal-materji prima ma jkunx imfixkel minn restrizzjonijiet inkompatibbli mad-WTO, speċjalment rigward l-elementi terrestri rari. Għaldaqstant irid jitqies li l-istandards etiċi, soċjali u ekoloġiċi għandhom jiġu rispettati.

4.9.   L-użu tal-potenzjal tal-Istati Membri tal-UE ġodda jew ta' dawk li se jissieħbu

4.9.1.

Il-kumpaniji Ewropej għandhom jistħarrġu u jużaw ferm aħjar il-potenzjal tal-Istati Membri ġodda tal-UE. Dan l-approċċ jista' jittrasforma l-problemi li hemm minħabba d-differenzi ekonomiċi eċċessivi fost ir-reġjuni Ewropej f'vantaġġ Ewropew.

4.9.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex timmonitorja l-qagħda fil-kummerċ internazzjonali ta’ materja prima kritika. Il-Kumitat jirrakkomanda t-tfassil ta’ diversi xenarji plawżibbli, flimkien max-xenarju tal-agħar sitwazzjoni possibbli, li juru l-perikli u s-soluzzjonijiet potenzjali. Għandha tittejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn fl-istess sitwazzjoni (l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel).

Brussell, 11 ta’ Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara 2. Introduzzjoni

(2)  L-ewwel (fi tmiem is-seklu 18) sistemi ta' manifattura mekkaniċi; it-tieni (bidu tas-seklu 20) produzzjoni fuq skala kbira, id-diviżjoni tax-xogħol; it-tielet (sa minn nofs is-snin sebgħin) awtomazzjoni, l-elettronika u t-teknoloġija informatika; ir-raba' l-Internet fil-proċessi ta' produzzjoni, u b'hekk netwerking ta' dawk il-proċessi.

(3)  Ara d-dokument mehmuż tal-Eurostat.


Top