Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0614

    Kawża T-614/13: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2013 — Romonta vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 31, 1.2.2014, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 31/13


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013 — Romonta vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-614/13)

    2014/C 31/24

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Romonta GmbH (Seegebiet Mansfelder Land, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Zenke, M. Vollmer, C. Telschow u A. Schulze, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jirrifjuta, għat-tielet perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-2013 sal-2020, li jagħti lir-rikorrenti l-kwoti addizzjonali mitluba fuq il-bażi tal-klawżola ta’ rigorożità eċċessiva prevista fl-Artikolu 9(5), tal-liġi Ġermaniża tal-21 ta’ Lulju 2011 fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Treibhausgasemissionshandelsgesetz, iktar ’il quddiem it-“TEHG”);

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li r-rifjut li tagħti kwoti addizzjonali fuq il-bażi tal-klawżola ta’ rigorożità eċċessiva hija vvizzjata bi żball fir-rigward tal-għan segwit mill-konvenuta u huwa kompletament sproporzjonat għall-iżvantaġġ subit mir-rikorrenti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2011/278/UE (1) ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u hija vvizzjata b’nullità.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà li permezz tagħha l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw regoli dwar l-allokazzjoni tal-kwoti (anki jekk dan id-dritt huwa kunsiderevolment limitat). Klawżola ta’ rigorożità eċċessiva bħal dik prevista fl-Artikolu 9(5) TEHG tagħmel parti mir-regoli li l-adozzjoni tagħhom hija kompetenza tal-Istati Membri.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser diversi drittijiet fundamentali (jiġifieri l-libertà tal-intrapriża, il-libertà professjonali u d-dritt għall-proprjetà), peress li dan il-ksur la huwa ġġustifikat mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u lanqas mill-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772) (ĠU L 130, p. 1).


    Top