EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4657

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014” COM(2013) 226 final — 2013/0117 (COD)

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 71–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014”

COM(2013) 226 final — 2013/0117 (COD)

2013/C 341/16

Relatur: is-Sur BOLAND

Nhar it-21 ta' Mejju 2013 u s-17 ta' Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2), 207(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS Unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014

COM(2013) 226 final – 2013/0117 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2013 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 138 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji għall-2014 rigward ċerti regoli marbuta mal-Politka Agrikola Komuni (PAK), partikolarment is-sistema ta' pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

1.2

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-arranġamenti tranżitorji għall-2014 biex jiżguraw kontinwità tal-pagamenti lill-benefiċjarji f'każ li l-pjani l-ġodda tal-iżvilupp rurali jiġu adottati tard u minħabba l-ħtieġa ta' posponiment tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida ta' pagamenti diretti għal raġunijiet prattiċi u amministrattivi. Mingħajrhom il-familji tal-azjendi agrikoli jkunu f'periklu u bla għajnuna għall-miżuri ambjentali; ħafna mill-protezzjoni li tinsab f'dan il-qasam tisparixxi.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-benefiċjarji ta' skemi 'klassiċi' li jinsabu f'żoni muntanjużi remoti m'għandhomx jiġu żvantaġġati bl-ebda mod mill-arranġamenti tranżitorji. Il-KESE jinnota wkoll bi tħassib li l-komunitajiet remoti, li jiddependu ħafna mill-ftehimiet agroambjentali bħala sors ta' introjtu bi ħlas lura għall-benefiċċji pubbliċi essenzjali li huma jwasslu, jistgħu jsofru tnaqqis fl-introjtu fil-perjodu ta' programmar il-ġdid li jwassal għall-2020.

1.3.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-pagamenti tranżitorji lil dawn il-komunitajiet ikunu jirriflettu l-livell ta' finanzjament kif maqbul diġà fil-programm l-antik.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-Kummissjoni tanalizza l-arranġamenti tranżitorji bl-għan li tiżgura li jiġu minimizzati l-effetti fuq il-familji rurali li jħalli t-tnaqqis propost u li jintwera li tal-inqas l-impatt tat-tnaqqis fuq l-inizjattivi ambjentali jkun newtrali.

1.5

Il-KESE jidhirlu li l-arranġamenti tranżitorji għandhom jippermettu impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali u miżuri ta' investiment urġenti fl-azjendi fl-2014, anke jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti.

1.6

Fil-qafas tar-regoli orizzontali għall-finanzjament tal-PAK, il-posponiment tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida ta' pagamenti diretti jimplika li hemm bżonn ta' miżuri tranżitorji għas-Servizzi Konsultattivi għall-Azjendi Agrikoli (FAS), għas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), u għall-kundizzjonalità. Għaldaqstant il-KESE jemmen li huwa obbligatorju li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw regoli tranżitorji speċifiċi qabel tintemm is-sena, u li jemendaw l-atti bażiċi attwali tal-PAK fejn ikun hemm bżonn.

1.7

Il-KESE jisħaq li l-ebda regola tranżitorja m'għandha tiġi pperikolata minħabba l-impożizzjoni ta' limiti massimi nazzjonali li mhumiex realistiċi fir-rigward tal-fondi disponibbli.

2.   Rimarki ta' introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea għaddejja bil-ħidma sfiqa mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tilħaq ftehim politiku finali dwar ir-riforma tal-PAK. Il-ġist prinċipali tal-ftehim intlaħaq fl-aħħar ta' Ġunju 2013, u dan għandu jagħmilha possibbli biex ir-regolamenti l-ġodda jibdew jitħaddmu mill-1 ta' Jannar 2014. Madankollu, il-ftehim finali għad irid jintlaħaq, u dan ifisser li ma jkunx realistiku li nistennew li l-Istati Membri se jkollhom il-proċeduri amministrattivi kollha li hemm bżonn f'posthom f'dik id-data.

2.2

Wara li jkun sar dibattitu fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, id-diversi regolamenti u atti ta' implimentazzjoni huma mistennija li jiġu approvati sal-aħħar tal-2013, bir-riforma tal-PAK tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

2.3

Sabiex tiżgura kontinwità, il-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2013 timmira biex tistabbilixxi regoli tranżitorji għal ċerti elementi ta' politika. Dan ikun ifisser li r-regoli eżistenti tal-Iskema ta’ Pagament Uniku, l-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja u l-pagamenti mmirati skont l-"Artikolu 68" ikomplu japplikaw għas-sena ta' talba 2014. Għalhekk ir-regoli ġodda, pereżempju dawk dwar it-titjib ekoloġiku (greening), mhux se jkunu japplikaw qabel il-bidu tal-2015, u b'hekk l-aġenziji tal-pagamenti ikollhom aktar żmien biex iħejju għal dawn il-bidliet.

2.4

Fis-27 ta' Ġunju, wara tliet xhur ta' negozjati trilaterali intensivi, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu qbil politiku preliminari dwar ir-riforma tal-politika agrikola tal-UE. Dan il-ftehim huwa soġġett għal konklużjoni formali tan-negozjati dwar il-baġit tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali (2014-2020) tal-UE u l-konferma mill-Kumitat għall-Agrikoltura, il-plenarja tal-Parlament u l-Kunsill.

2.5

Il-proposta hija relatata mar-Regolament (UE) Nru 335/2013 tat-12 ta' April 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR.

2.6

Għall-pagamenti tal-iżvilupp rurali, hija prattika standard li jiġu definiti regoli tranżitorji sabiex jitneħħa d-distakk bejn żewġ perjodi ta' programmar pluriennali. Madankollu huma meħtieġa wkoll ċerti arranġamenti tranżitorji speċifiċi, partikolarment biex jindirizzaw il-konsegwenzi ta' dewmien fir-reġim il-ġdid tal-pagamenti diretti. Il-proposta tinkludi wkoll regoli tranżitorji għall-Kroazja.

2.7

Il-Kummissjoni trid li l-aġenziji tal-pagamenti jkollhom il-ħin biex jagħmlu l-arranġamenti amministrattivi u jiggarantixxu ġestjoni adatta tal-fondi tal-UE, sabiex il-bdiewa jifhmu r-regoli l-ġodda u ma jiġux mġiegħla jwettqu xi ħaġa ġdida qabel ma din tkun lesta.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR.

3.2

Ir-regoli tranżitorji huma meħtieġa biex jiġu definiti l-arranġamenti tekniċi li se jippermettu adattament bla xkiel għall-kundizzjonijiet il-ġodda, u fl-istess waqt tiġi żgurata l-kontinwità tal-forom differenti ta’ appoġġ skont il-PAK.

3.3

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-setturi agrikoli tagħhom jew biex isaħħu l-politika tal-iżvilupp rurali tagħhom b’mod aktar flessibbli, dawn għandhom jingħataw il-possibbiltà li jittrasferixxu fondi mil-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti għall-appoġġ tagħhom assenjat għall-iżvilupp rurali u mill-appoġġ assenjat għall-iżvilupp rurali għal-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti. Fl-istess waqt, l-Istati Membri b'livell ta’ appoġġ dirett ta' anqas minn 90 % tal-livell medju ta' appoġġ tal-UE għandhom jingħataw il-possibbiltà li jittrasferixxu fondi addizzjonali mill-appoġġ tagħhom assenjat għall-iżvilupp rurali għal-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti. Dawn l-għażliet għandhom isiru f’ċerti limiti, darba biss u għall-perjodu kollu tas-snin finanzjarji bejn l-2015 u l-2020.

3.4

L-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 hija ta’ natura tranżitorja u kellha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013. Billi l-iskema ġdida ta’ pagament bażiku se tieħu post l-iskema ta’ pagament uniku mill-1 ta’ Jannar 2015, jeħtieġ li tiġi estiża l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena 2014 biex jiġi evitat li l-Istati Membri l-ġodda jkollhom japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku għal sena waħda biss.

3.5

Fir-rigward tal-pagamenti diretti, għandu jitħalla biżżejjed żmien biex l-Istati Membri, u speċjalment l-Aġenziji tal-Pagamenti tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu t-tħejjijiet sabiex jgħaddu l-pagamenti lill-benefiċjarji, filwaqt li jiddaħħlu l-proċeduri meħtieġa biex ikun jista' jibda l-programmm il-ġdid. Għaldaqstant, it-talbiet għall-2014 se jiġu trattati skont ir-regoli tranżitorji.

3.6

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni pilastru, id-definizzjoni ta’ regoli għat-tranżizzjoni bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmar tirrappreżenta prattika standard. Ġeneralment ikunu jinħtieġu regoli tranżitorju biex jitneħħa d-distakk bejn żewġ perjodi ta' programmar konsekuttivi. Madankollu, għall-iżvilupp rurali, din id-darba jinħtieġu wkoll xi arranġamenti tranżitorji speċifiċi, partikolarment biex jittrattaw l-implikazzjonijiet tad-dewmien tar-reġim il-ġdid għall-pagamenti diretti fuq ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali speċjalment fir-rigward tax-xenarju bażi għall-miżuri agroambjentali u klimatiċi u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità. L-arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa wkoll biex jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jidħlu għal impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali fl-2014 anki jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti. Dawn l-impenji ġodda, kif ukoll l-impenji korrispondenti li għaddejjin bħalissa, se jkunu eliġibbli mill-pakketti finanzjarji l-ġodda ta' programmi għall-iżvilupp rurali tal-perjodu ta’ programmar li jmiss.

3.7

Skont l-impenji legali marbuta mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jidħlu għal impenji legali ġodda fil-konfront tal-benefiċjarji fl-2014 skont il-programmi tal-iżvilupp rurali adottati fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, anke wara li r-riżorsi finanzjarji kollha tal-perjodu ta’ programmar bejn l-2007 u l-2013 jkunu ntużaw kollha, sal-adozzjoni tal-programm rispettiv għall-iżvilupp rurali għall-perjodu ta’ programmar bejn l-2014 u l-2020. In-nefqa mġarrba fuq il-bażi ta’ dawn l-impenji se tkun eliġibbli skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Implikazzjonijiet baġitarji

4.1

Dan l-abbozz ta’ Regolament jimplimenta biss il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u r-riforma tal-PAK għas-sena finanzjarja 2015 filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013. Dan jinkorpora l-konverġenza esterna tal-pagamenti diretti, il-flessibbiltà bejn il-pilastri tal-PAK u r-rata ta’ kofinanzjament għall-iżvilupp rurali.

4.2

Għall-pagamenti diretti, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013 jikkorrispondu, meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, għal tnaqqis ta’ EUR 830 miljun (fi prezzijiet attwali) fis-sena finanzjarja 2015 (li tikkorrispondi għas-sena ta’ talba 2014 għall-pagamenti diretti).

4.3

Id-distribuzzjoni tal-limiti massimi tal-pagamenti diretti fost l-Istati Membri tqis il-konverġenza esterna mis-sena finanzjarja 2015 'il quddiem. Meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jimmodifikaw il-limitu ta’ żmien tal-konverġenza (sitt snin) u jżidu minimu ta’ EUR 196 għal kull ettaru li jrid jintlaħaq sas-sena finanzjarja 2020. Meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew iżidu l-flessibiltà bejn il-pilastri. Din se tkun newtrali fejn jidħol il-baġit billi eżattament l-istess ammonti mnaqqsa minn fond wieħed (il-FAEG jew il-FAEŻR) se jsiru disponibbli għall-fond l-ieħor.

4.4

Fir-rigward tal-iżvilupp rurali, dan l-abbozz ta’ Regolament jimmira li jiżgura l-kontinwità ta’ għadd ta’ miżuri li jinvolvu impenji pluriennali. Dawk id-dispożizzjonijiet m'għandhom l-ebda impatt finanzjarju billi l-allokazzjoni għall-iżvilupp rurali tibqa’ l-istess. Madankollu, id-distribuzzjoni tal-pagamenti matul iż-żmien tista’ tkun xi ftit differenti iżda f’dan l-istadju ma tistax tiġi kwantifikata.

4.5

Din il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa llill-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Huwa kruċjali li tiġi żgurata kontinwità fil-pagamenti lill-benefiċjarji fiż-żoni rurali, kif jintwera minn dawn il-fatti li ġejjin:

'il fuq minn 77 % tat-territorju tal-UE huwa klassifikat bħala rurali (47 % hija art agrikola u 30 % foresta) u fih tgħix madwar nofs il-popolazzjoni tagħha (komunitajiet tal-biedja u residenti oħrajn);

globalment, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari - li tiddependi ħafna fuq is-settur agrikolu għall-provvisti tagħha - jirrapreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, ikopru 15-il miljun negozju u jipprovdu 46 miljun impjieg;

l-Ewropa għandha 12-il miljun bidwi u d-daqs medju ta' azjenda agrikola huwa ta' 15-il ettaru (bħala paragun, l-Istati Uniti għandha 2 miljun bidwi u d-daqs medju ta' azjenda agrikola huwa ta' 180 ettaru).

5.2

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tirregola l-perjodu bejn iż-żewġ programmi.

5.3

Madwar l-Ewropa kollha, għadd kbir ta' skemi agroambjentali, li huma finanzjati mill-FAEŻR, se jiġu fi tmiemhom fl-2014. Hemm numru kbir ta' skemi agroambjentali 'klassiċi' li issa ilhom fis-seħħ għal 10 snin jew aktar. Ħafna mill-benefiċjarji ta' dawn l-iskemi 'klassiċi' jinsabu f'żoni muntanjużi remoti u jiddependu ħafna mill-ftehimiet agroambjentali bħala sors ta' introjtu b'kumpens talli jipprovdu benefiċċji pubbliċi essenzjali. Anke jekk ir-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali jinqabel mingħajr aktar dewmien, hemm kważi ċertezza li l-programmi l-ġodda mhux se jiġu approvati u ma jidħlux fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar 2014. Fin-nuqqas ta' programm ġdid u miżuri ta' appoġġ, dawn il-bdiewa ma jkollhom ebda skema alternattiva oħra li jkunu jistgħu japplikaw għaliha għal appoġġ għall-iżvilupp rurali ladarba l-impenji attwali tagħhom jintemmu fl-2014.

5.4

Il-Kummissjoni għandha iddaħħal sistemi biex jiġi żgurat li jinżammu l-benefiċċji ambjentali li nkisbu mill-programmi tal-iżvilupp rurali preċedenti, u jiġi salvagwardjat l-introjtu ta' dawn il-bdiewa. Huwa importanti li jiġi żgurat li la l-bdiewa u lanqas l-ambjent ma jsofru f'każ li ma jintlaħaqx ftehim fuq il-proposti dwar il-Baġit tal-UE jew dwar il-proposti tal-PAK kmieni biżżejjed biex il-programmi tal-iżvilupp rurali li jmiss jibdew fl-2014.

5.5

Fir-rigward tal-pagamenti diretti, għandu jitħalla biżżejjed żmien biex l-Istati Membri, u partikolarment l-aġenziji tal-pagamenti tagħhom, ikunu jistgħu jippreparaw tajjeb u jgħarrfu lill-bdiewa dwar ir-regoli l-ġodda bir-reqqa u bil-quddiem. Għaldaqstant, it-talbiet għall-2014 se jkollhom jiġu proċessati skont ir-regoli tranżitorji. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni pilastru, id-definizzjoni ta’ regoli għat-tranżizzjoni bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmar tirrappreżenta prattika standard. Ir-regoli tranżitorji huma ġeneralment meħtieġa biex ikunu kollegati żewġ perjodi ta’ programmar konsekuttivi, kif diġà wriet l-esperjenza fil-bidu tal-perjodu ta’ programmar attwali. Madankollu, għall-iżvilupp rurali se jkun hemm bżonn ta' xi arranġamenti tranżitorji speċifiċi. Dan partikolarment minħabba l-implikazzjonijiet serji li kwalunke dewmien tar-reġim il-ġdid għall-pagamenti diretti jista' jkollu fuq ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali, speċjalment fir-rigward tax-xenarju bażi għall-miżuri agroambjentali u klimatiċi u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità.

5.6

L-arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa wkoll biex jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jidħlu għal impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali u miżuri ta' investiment urġenti fl-azjendi fl-2014 anki jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti.

5.7

Fir-rigward tar-regolament orizzontali, il-ħtieġa għal miżuri ta’ tranżizzjoni hija limitata għas-Servizzi Konsultattivi għall-Azjendi Agrikoli, is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll u l-kundizzjonalità, minħabba r-rabta tagħhom mal-pagamenti diretti. F'dan ir-rigward jeħtieġ li, qabel tmiem is-sena, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw regoli tranżitorji speċifiċi li jemendaw l-atti bażiċi tal-PAK attwali fejn meħtieġ.

5.8

Il-bidliet fil-limiti massimi nazzjonali jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-fondi li jirċievu l-bdiewa fl-2014. Biex din il-konsegwenza potenzjali titnaqqas kemm jista' jkun, se jkun meħtieġ li kull gvern nazzjonali jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward minn qabel isiru l-proposti tiegħu.

5.9

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jidħlu għal impenji legali ġodda, u għalhekk huwa possibbli li l-Istat jirrifjuta li jonora l-impenn tiegħu minħabba li l-obbligu huwa diskrezzjonali.

Brussels, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top