This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1577
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on enhanced intra-EU solidarity in the field of asylum — An EU agenda for better responsibility-sharing and more mutual trust’ COM(2011) 835 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil — Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka” COM(2011) 835 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil — Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka” COM(2011) 835 final
ĠU C 299, 4.10.2012, p. 92–96
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/92 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil — Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka”
COM(2011) 835 final
2012/C 299/17
Relatur: is-Sur PÎRVULESCU
Nhar it-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka
COM(2011) 835 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.
Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'116-il vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jqis li l-politika Ewropea dwar l-ażil jeħtieġ li terġa' tiġi diskussa u emendata. |
1.2 |
Il-Kumitat iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jibqa' l-pedament ta’ din il-politika minkejja l-fatt li n-numru u d-daqs tal-Istati Membri kif ukoll il-varjazzjoni f'kemm huma esposti għal flussi ta’ refuġjati joħolqu diversità li tikkumplika l-politika dwar l-ażil. Is-solidarjetà m'għandhiex titqies biss bħala prinċipju li jsaħħaħ l-effikaċja tal-politika iżda bħala valur fundamentali li jiġġustifika u jsaħħaħ il-miżuri li jittieħdu. |
1.3 |
Jeħtieġ li tingħata spinta sabiex jiġi żgurat li l-opinjoni pubblika, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi jappoġġjaw il-valuri bażiċi tal-politika dwar l-ażil, jiġifieri r-rispett tad-drittitijiet fundamentali tal-bniedem, l-għajnuna lil nies f'sitwazzjonijiet kritiċi, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. |
1.4 |
Il-Kumitat jikkunsidra li approċċ ibbażat fuq l-inċentivi jista' jgħin sabiex il-politika dwar l-ażil taħdem mingħajr xkiel sakemm l-iktar inċentivi adegwati jiġu identifikati u appoġġjati tajjeb inkluż l-appoġġ finanzjarju. |
1.5 |
Fir-rigward tal-kooperazzjoni prattika, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO – European Asylum Support Office) jiżviluppa b'mod iktar rapidu l-kapaċità operattiva tiegħu. It-titjib tal-kapaċità tal-EASO huwa urġenti u neċessarju u għandu jiġi koordinat mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil. |
1.6 |
Il-Kumitat jitlob ukoll li jittejbu l-miżuri tal-integrazzjoni tar-refuġjati. Minkejja li hu ċar li s-sistema Ewropea tal-ażil li nixtiequ nibnu hija effiċjenti sabiex l-istatus ta’ refuġjat jingħata malajr u b'mod korrett, din tista' tkun dgħajfa fil-qasam tal-integrazzjoni. |
1.7 |
Flimkien mal-istruttura transversali li teżisti, jeħtieġ li l-politika dwar l-ażil titqies fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ tal-ażil li jpoġġi lin-nies li jinsabu f'riskju fil-qalba tal-azzjoni tiegħu. B'dan il-mod jistgħu jiġu identifikati l-ostakli u l-inkoerenzi. |
1.8 |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà ma japplikax biss bejn l-Istati, iżda huwa prinċipju ġenerali li fuqu jistrieħu l-interazzjonijiet umani bejn il-persuni u l-gruppi. L-ispirtu tas-solidarjetà bejn il-bnedmin għandu jiġi kkultivat u mħeġġeġ, lil hinn mill-argumenti razzjonali u l-pressjoni tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, bħala parti integrali tal-valuri li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. |
1.9 |
L-esperjenza miksuba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Kumitat f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għal valutazzjoni iktar komprensiva u dettaljata tal-politika dwar l-ażil. |
2. Daħla
2.1 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipreċiża li s-“solidarjetà hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kienet prinċipju ta’ gwida tal-Politika Ewropea Komuni dwar l-Ażil […]. Issa hija mnaqqxa fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.” |
2.2 |
Kif tenfasizza l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni il-flussi ta’ dawk li jfittxu l-ażil “varjaw minn 425 000 applikazzjoni, li kienet l-ogħla livell għall-Istati tal-UE-27 fl-2001, sa taħt l-200 000 applikazzjoni fl-2006, b'żieda kbira mistennija [fl-2011]”. |
2.3 |
Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ is-solidarjetà fi ħdan l-UE fil-qasam tal-ażil madwar erba' punti kruċjali: “il-koperazzjoni prattika u l-assistenza teknika, is-solidarjetà finanzjarja, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, u t-titjib tal-għodda għall-governanza tas-sistema tal-ażil”. |
2.4 |
Din il-Komunikazzjoni “timmira wkoll biex tikkontribwixxi għall-iffinalizzar tal-“pakkett tal-ażil” peress li l-ftit xhur li ġejjin se jkun kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-2012, li għalih id-dimensjoni tas-solidarjetà trid tagħmel il-parti tagħha.” |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jqis neċessarju li l-politika Ewropea dwar l-ażil tiġi analizzata fid-dettall sabiex ikunu jistgħu jsiru bidliet sostanzjali fid-dawl tal-għanijiet tagħha. |
3.2 |
Il-politika dwar l-ażil qed tiġi interrogata fi ħdan l-UE fid-dawl tal-avvenimenti politiċi reċenti fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani u fil-Lvant Imbiegħed. Bosta nies kellhom jipproteġu ruħhom billi jaħarbu lejn l-Istati Membri tal-UE. |
3.3 |
Il-Kumitat iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jibqa' l-pilastru fundamentali ta’ din il-politika minkejja l-fatt li n-numru u d-daqs tal-Istati Membri kif ukoll il-varjazzjoni f'kemm huma esposti għal flussi ta’ refuġjati b'mod ġenerali jagħmluha diffiċili li s-solidarjetà titpoġġa fil-prattika u tiġi kkoordinata. |
3.4 |
Is-sistema tal-ażil għandha tkun flessibbli sabiex tkun tista' tkampa mal-varjazzjonijiet fil-flussi tar-refuġjati iżda hija għandha tkun ukoll stabbli sabiex il-proċeduri istituzzjonali u l-miżuri l-oħra tal-integrazzjoni jkun jista' jkollhom riżultati tanġibbli. |
3.5 |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà ma japplikax biss bejn l-Istati, iżda huwa prinċipju ġenerali li fuqu jistrieħu l-interazzjonijiet umani bejn il-persuni u l-gruppi. L-ispirtu tas-solidarjetà bejn il-bnedmin għandu jiġi kkultivat u mħeġġeġ, lil hinn mill-argumenti razzjonali u l-pressjoni tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, bħala parti integrali tal-valuri li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. |
3.6 |
Il-Kumitat jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-fiduċja. Il-prinċipju tas-solidarjetà huwa ssupplimentat mill-prinċipju tal-fiduċja u b'hekk l-Isati Membri għandhom iktar responsabbiltà. Is-suċċess ta’ din il-politika jiddependi minn kemm kull Stat Membri jaqdi r-rwol tiegħu billi jieħu r-responsabbiltà għal biċċa mix-xogħol u jappoġġja l-isforzi tal-oħrajn. L-azzjoni ta’ kull Stat Membru tiddependi minn dik tal-Istati Membri l-oħra u dan jirrifletti l-bżonn ta’ azzjoni kuraġġuża favur il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni. |
3.7 |
Madanakollu l-Kumitat jirrimarka li l-politika dwar l-ażil hija 'l bogħod milli tkun msaħħa u effikaċji. Jeżistu bosta disparitajiet bejn l-Istati Membri f'termini ta’ ftuħ u preparazzjoni fir-rigward tal-akkoljenza tar-refuġjati kif ukoll fejn jidħol l-iżvilupp Ewropew ta’ politika dwar l-ażil. Jeħtieġ li tingħata spinta kbira sabiex jiġi żgurat li l-opinjoni pubblika, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet jappoġġjaw il-valuri bażiċi tal-politika dwar l-ażil: ir-rispett tad-drittitijiet fundamentali, l-għoti ta’ għajnuna lil persuni f'sitwazzjoni kritika, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-politika tingħata iktar attenzjoni. Sitwazzjonijiet speċifiċi wrew li dawk li jfittxu l-ażil huma vulnerabbli kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom kif ukoll fil-pajjiżi ospitanti. |
3.8 |
Is-soċjetà ċivili organizzata, li ħafna drabi titkellem permezz tal-Kumitat, ġibdet l-attenzjoni lejn id-dgħjufijiet tal-politika dwar l-ażil fejn jidħlu strateġija, struttura u implimentazzjoni u ħejjiet bosta rakkomandazzjonijiet sabiex din tittejjeb It-tibdil li sar s'issa fl-oqsma tal-armonizzazzjoni, il-finanzjament ta’ programmi speċjalizzati jew ir-riformi istituzzjonali għadu ma rnexxilux isaħħaħ il-politika komuni dwar l-ażil. Din il-politika teħtieġ riforma u l-Kumitat jerġa' jisħaq fuq l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi f'dan il-proċess. |
3.9 |
Il-Kumitat jemmen li wasal iż-żmien li jiġu implimentati l-prinċipji tas-solidarjetà u tal-fiduċja b'mod iktar b'saħħtu. B'mod speċifiku huwa jipproponi żewġ linji komplimentari ta’ azzjoni. L-ewwel waħda għandha l-għan li tbiddel il-fehmiet u l-attitudnijiet lejn il-fenomenu tal-ażil fil-perjodu medju u twil b'mod partikolari fost dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet, dawk li jfasslu l-politika u l-impjegati ċivili fil-livell lokali u nazzjonali. |
3.10 |
It-tieni waħda hija l-ħidma li diġà qed issir iżda li għandha tiġi struttrata u formulata aħjar. Din tikkonsisti fit-tisħiħ tal-prinċipji tas-solidarjetà u tal-fiduċja permezz ta’ mekkaniżmi istituzzjonali li jippromovu l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi jista' jgħin sabiex il-politika dwar l-ażil taħdem mingħajr xkiel sakemm jiġu identifikati u appoġġjati tajjeb l-iktar inċentivi adegwati, inkluż l-appoġġ finanzjarju. |
3.11 |
Il-Kumitat jitlob ukoll li jittejbu l-miżuri tal-integrazzjoni tar-refuġjati. L-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam taw bosta evidenza li dawk li qed ifittzu l-ażil huma vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, m'għandhomx aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi, huma ffaċjati minn problemi ta’ akkomodazzjoni u jsibuha diffiċli jassiguraw is-sigurtà personali. Minkejja l-proċeduri effiċjenti sabiex l-istatus ta’ refuġjat jingħata malajr u b'mod korrett, is-sistema Ewropea tal-ażil li qed nimmiraw li nibnu tista' tkun dgħajfa fil-qasam tal-integrazzjoni. |
3.12 |
F'dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li flimkien mal-istruttura transversali li teżisti, il-politika dwar l-ażil għandha tiġi analizzata fid-dawl taċ-“ċiklu” sħiħ tal-ażil li jsegwi t-triq tal-persuni f'riskuu minn meta jidħlu fit-territorju tal-UE u l-proċeduri ta’ applikazzjoni li jridu jgħaddu minnhom inklużi l-miżuri ta’ integrazzjini u l-prospetti fuq perjodu medju u fit-tul tal-integrazzjoni jew ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini, skont il-każ. It-tfassil tal-politika, billi jiġi segwit iċ-“ċiklu” tal-ażil u billi l-persuni f'sitwazzjoni kritika jitpoġġew fil-qalba tal-azzjoni, jista' jagħti kontribut kbir sabiex jiġu identifikati l-ostalkli u l-inkoerenzi. |
3.13 |
L-esperjenza miksuba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-Kumitat f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għal valutazzjoni iktar komprensiva u dettaljata tal-politika dwar l-ażil, li qed tinxteħet f'dubju minħabba l-avvenimenti politiċi reċenti f'pajjiżi qrib tal-UE. Il-Kumitat huwa tal-fehna li hemm bżonn ta’ kunsiderazzjoni iktar ċara tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. |
3.14 |
Il-Kumitat jilqa' wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil tal-politika dwar l-ażil u jqis li r-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali huwa importanti ħafna sabiex din il-politika tkun ta’ suċċess b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ integrazzjoni. Hemm bżonn li dawn l-awtoritajiet jitħeġġu, b'mod partikolari permezz ta’ miżuri attivi ta’ finanzjament, sabiex jaqdu rwol iktar importanti fl-integrazzjoni tar-refuġjati. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-aspetti relatati mal-kooperazzjoni prattika. Flimkien mal-bidliet (neċessarji) ippjanati għall-pakkett leġistlattiv, il-kooperazzjoni prattika ser issolvi l-problemi fil-proċeduri tal-ażil. It-titjib li jsir fil-kooperazzjoni prattika għandu jimmira li jnaqqas il-burokrazija fl-għoti tal-ażil u jnaqqas it-tul ta’ żmien li jieħdu dawn il-proċeduri. |
4.1.1 |
Il-ħolqien tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO) huwa approċċ ta’ min ifaħħru u minkejja li għadu fi stadju bikri, juri li hemm potenzjal kbir għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. L-EASO beda jiffoka b'mod partikolari fuq l-appoġġ u t-taħriġ. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-EASO jagħmel progress iktar rapidu sabiex jiżviluppa l-kapaċità operattiva tiegħu. It-titjib tal-kapaċità tal-EASO huwa urġenti u neċessarju u għandu jkun ikkoordinat mal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil. L-iskjerament tal-persunal u t-twettiq ta’ interventi ta’ emerġenza jistgħu jgħollu l-profil ta’ dan l-uffiċċju kif ukoll il-fiduċja fih. Ir-rapport annwali ppjanat jista' jgħin sabiex tinkiseb data rilevanti dwar l-ażil. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rapport annwali jinkorpora n-numru ta’ evidenza li tista' tingħata mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam. |
4.1.2 |
Il-Kumitat iħeġġeġ lill-EASO li b'mod mgħaġġel jiżviluppa s-sistema tiegħu tal-ġbir tal-informazzjoni mill-pajjiż tal-oriġni tal-immigranti. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri li f'ħin tajjeb ikollhom informazzjoni affidabbli u paragunabbli, sabiex jitħaffef il-proċess billi jsir aktar rapidu u eventwalment aktar ġust. Bl-istess mod hemm bżonn li tiġi pprovduta valutazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq bażi indipendenti. |
4.1.3 |
Minkejja li t-tisħiħ tal-EASO huwa inizjattiva tajba, dan m'għandux iżomm lill-Istati Membri lura milli jiżviluppaw l-istituzzjonijiet u l-kapaċità tagħhom tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet tal-ażil. L-istess bħall-istrateġija tal-inċentivi, it-tisħiħ tal-EASO għandu jimxi id f'id mal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi li jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali huma iktar miftuħa għall-kooperazzjoni Ewropea u għall-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi relatati mal-ażil. |
4.1.4 |
Is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jippermettu li tiġi ttestjata l-vijabbiltà tas-soluzzjonijiet istituzzjonali, b'riżultati differenti fil-każ tal-politika dwar l-ażil. B'mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri mhumiex ippreparati biżżejjed biex jiffaċċjaw flussi eċċezzjonali ta’ refuġjati, minkejja li l-analiżi turi li dawn jistgħu jitbassru tal-inqas fil-punti ta’ dħul. Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni kbira lit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li huma l-iktar esposti għall-flussi normali u straordinarji ta’ refuġjati. |
4.1.5 |
Nilqgħu l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tal-l-kooperazzjoni bejn l-EASO u aġenziji oħra speċjalizzati tal-UE, bħall-Frontex. Il-Kumitat jinsisti li l-EASO għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-problemi marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkun f'kuntatt dirett jew indirett magħhom. Il-kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamental tal-UE hija kruċjali sabiex jiġi żgurat bilanċ strutturali u operattiv bejn l-istrumenti tal-politika dwar l-ażil. |
4.1.6 |
Il-Kumitat jilqa' l-użu tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili fil-każ ta’ flussi migratorji eċċezzjonali. Madankollu din l-għażla m'għandhiex iddgħajjef ir-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jibnu sistemi tal-ażil b'saħħithom li huma kapaċi jiffaċċjaw varjazzjonijiet fil-flussi tar-refuġjati. |
4.1.7 |
Jeħtieġ li tingħata prijorità lill-użu tal-fondi mis-sena finanzjarja attwali sabiex il-pakkett leġislattiv rinnovat ikun jista' jiġi implimentat b'mod effiċjenti. Madanakollu, il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li jkomplu jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri għall-flussi ta’ refuġjati. Sakemm tibqa' instabbli s-sitwazzjoni ġeopolitika tar-reġjuni li mnnhom ġejjin dawn il-flussi, ma nistgħux nistennew tnaqqis kbir fin-numru ta’ refuġjati. Għalhekk huwa importanti li jissaħħu s-sistema fil-pajjiżi esposti għal dawn il-flussi flimkien mal-isforzi tal-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni. Il-proġetti li jeżistu, ħafna minnhom innovattivi, jeħtieġ li jinżammu u jingħataw l-appoġġ adegwat. Jekk dawn il-proġetti ma jurux riżultati, dan ser jhedded il-fiduċja tal-Istati Membri fl-appoġġ tal-UE u ser jolqot ir-rieda tagħhom li jkunu iktar involuti fil-futur. |
4.1.8 |
Mill-2014, l-Istati Membri ser ikollhom Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni ġdid (FAM) għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu serju mal-Istati Membri sabiex tidentifika b'mod preċiż il-bżonnijiet u l-prijoritajiet fil-livell nazzjonali. Huwa imporanti ħafna li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali jkunu involuti f'dan id-djalogu. Il-programm tal-Fond għandu jindika b'mod ċar il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll ir-riżorsi u l-istrumenti disponibbli. Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li l-obbligu ta’ rapport annwali dwar l-użu tal-fondi ser jagħmel lill-Istati Membri responsabbli u jitħeġġu jkomplu bl-għanijiet tal-politika dwar l-ażil minn rajhom. |
4.1.9 |
Il-Kumitat jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jsibuha diffiċli li jkollhom aċċess għall-fondi neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jista' jkollhom impatt lokali sinifikanti. Jeħtieġ li jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex titħaffef il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta’ dawk li jitolbu l-ażil. |
4.1.10 |
Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tuża l-fondi disponibbli primarjament għall-pajjiżi li bħalissa huma esposti għall-flussi tar-refuġjati. Dan ser iħeġġiġhom biex isiru iktar involuti u jagħtu spinta lill-kapaċitajiet tagħhom. Barra minn hekk dan ipoġġi fil-prattika wkoll il-prinċipju ċentrali tal-politika dwar l-ażil – is-solidarjetà. |
4.1.11 |
Fuq nota simili, il-Kumitat jilqa' mingħajr riserva l-miżuri finanzjarji ta’ inċentivi li għandhom jingħataw lill-Istati Membri, simili għal dawk użati attwalment għar-risistemazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati (gruppi u persuni vulnerabbli li ġejjin mill-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali), biex jikkumpensa lil dawk l-Istati Membri li jaċċettaw it-trasferiment ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor. |
4.1.12 |
Hemm bżonn ukoll li l-fondi disponibbli jiġu kkompletati minn sorsi oħra ta’ finanzjament, bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili organizzata u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu iktar involuti fil-proġetti. |
4.2 |
Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li qed isiru favur ir-riforma tar-Regolament ta’ Dublin. Hemm evidenza konsiderevoli, ħafna minnha mressqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li s-sistema mhix kapaċi tilħaq l-għanijiet tagħha. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma fundamentali wkoll fid-diskussjonijiet dwar ir-riforma ta’ dan ir-Regolament fuq perjodu medju u dak fit-tul. Il-Kumitat jibqa' dejjem miftuħ għal dibattitu u jappoġġja kwalunkwe sforzi li jsiru sabiex jiġu analizzati, evalwati u identifikati l-iktar regoli u strumenti adatti. Nilqgħu r-referenza għad-drittijiet fundamentali bħala kriterju prinċipali għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin. |
4.3 |
Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, il-Kumitat iqis li din mhix neċessarja billi dawn jibbenefikaw minn kundizzjonijiet deċenti fil-pajjiżi fejn japplikaw u l-applikazzjoni tiġi pproċessata b'mod rapidu. Il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri jridu jiżdiedu. Jekk dan ma jsirx jistgħu jinkisbu xi riżultati permezz ta’ mekkaniżmu volontarju u bbażat fuq l-inċentivi għar-rilokazzjoni tal-applikanti. |
4.3.1 |
Minkejja li jeżisti kunsens mifrux dwar il-bżonn prattiku tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jikkooperaw b'nofs qalb. Il-proġett pilota tal-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilux jistabbilixxi mekkaniżmu effiċjenti ta’ rilokazzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-EASO u lill-Istati Membri sabiex ikomplu għaddejjin bil-kooperazzjoni tagħhom b'rabta ma’ dan il-proġett u huwa favur li dan isir programm volontarju permanenti. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati u implimentati l-inċentivi li jżidu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-programm permanenti. L-iskala tal-inċentivi u l-motivazzjoni għandha tkun fattur prinċipali fl-evalwazzjoni li qed tippjana l-Kummissjoni. |
4.4 |
It-twaqqif ta’ proċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil jista' jkun strument utli għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ażil. Il-Kumitat jistenna b'ħerqa r-riżultati tal-evalwazzjoni li qed tippjana l-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni kumplessa kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat operattiv. Il-Kumitat iqis li l-ipproċessar konġunt jista' jkun mezz utli ta’ kif jiġu indirizzati l-flussi varjabbli ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil. Tista' tinħoloq proċedura standard li fuqha l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-attivitajiet tagħhom. Il-Kumitat iqis li sakemm ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jitqiesu, l-ipproċessar konġunt għandu jiġi promoss flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali. Dawn il-kapaċitajiet imorru lil hinn mill-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jżommu rwol attiv fl-oqsma kollha tal-politika dwar l-ażil. |
4.5 |
Il-Kumitat jilqa' l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu previst fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, hekk kif jintlaħqu l-kundizzjonijiet. Minkejja li huma rari, flussi eċċezzjonali ta’ rifuġjati joħolqu perjodi ta’ kriżi u l-istituzzjonijiet Ewropew u nazzjonali jeħtieġ li jkunu preparati sabiex jiffaċċjawhom. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-prattiki assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u jisħaq li l-prinċipju ta’ non-refoulment għandu jiġi rispettat b'mod sħiħ. |
4.6 |
Il-Kumitat iqis li l-politika dwar l-ażil uriet kemm maturità kif ukoll livell għoli ta’ żvilupp fir-rigward tal-Greċja. L-użu ta’ strumenti li jippenalizzaw kwalunkwe ksur tal-liġi tal-UE għandu jiġi akkumpanjat minn strumenti ta’ appoġġ. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-aġenziji speċjalizzati l-oħra sabiex jadottaw approċċ proattiv u preventiv lejn l-Istati Membri li jridu jtejbu l-prestazzjoni tas-sistema nazzonali tal-ażil tagħhom. Il-programm ta’ appoġġ għall-Greċja huwa pass kbir 'il quddiem u jeħtieġ li dan jitkompla jiġi ffinanzjat b'mod adegwat. Is-sitwazzjoni tal-Greċja u ta’ Malta ser tkun test għall-politika dwar l-ażil. Jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej ma jurux soldiarjetà ġenwina lejn il-pajjiżi li qed jiffaċċjaw flussi kbar ta’ refuġjati, ifisser li l-politika komuni dwar l-ażil falliet u dan il-falliment ser ikollu riperkussjonijiet serji għal bosta nies li jinsabu f'riskju. L-appoġġ għandu jkun diversifikat, rinforzat u koordinat. |
4.7 |
Il-Kumitat jitlob li tissaħħaħ is-sistema ta’ Dublin permezz ta’ monitoraġġ aħjar u t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ tbassir bikri. Dawn l-istrumenti jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jippreparaw ruħhom biex jiffaċċjaw aħjar il-fluss tar-refuġjati u jikkoordinaw b'mod effettiv il-politika dwar l-ażil. Dawn jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar fir-rigward tal-bżonnijiet tal-Istati Membri fid-dawl tal-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tar-refuġjati. |
4.8 |
Ġestjoni mtejba tal-fruntieri u politika mtejba tal-viżi tista' ssaħħaħ il-politika dwar l-ażil. Il-Kumitat jilqa' l-progress li sar f'dan il-qasam iżda jqis li klawżola ta’ salvagwardja li tagħti l-għażla tas-suspensjoni tal-moviment liberu mingħajr viża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz tista' tkun problematika anki meta soġġetta għall-kundizzjoni ta’ data li turi li n-nuqqas ta’ viżi wassal għal abbuż tas-sistema tal-ażil. |
Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON