Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0288

Iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta’ Farai Maguwu Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta’ Lulju 2010 dwar iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta’ Farai Maguwu

ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 128–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 351/128


Il-Ħamis 8 ta’ Lulju 2010
Iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta’ Farai Maguwu

P7_TA(2010)0288

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta’ Farai Maguwu

2011/C 351 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti numerużi tiegħu dwar iż-Żimbabwe, u l-iktar waħda riċenti tas-17 ta’ Diċembru 2008 (1),

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2010/92/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 (2) li ġġedded sal-20 ta’ Frar 2011 il-miżuri restrittivi imposti kontra ż-Żimbabwe skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK (3), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1226/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 (4), li jemenda l-Pożizzjoni Komuni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta’ Frar 2010 dwar iż-Żimbabwe u l-konklużjonijiet tal-Għaxar Djalogu Politiku Ministerjali bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar iż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tan-NU dwar id-djamanti tad-demm, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 1459 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley,

wara li kkunsidra l-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li teħtieġ li l-membri tagħha jiċċertifikaw li djamanti mhux maħduma ma jintużawx biex jiffinanzjaw kunflitti bl-armi,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ż-Żimbabwe irratifika,

wara li kkunsidra l-komunikat tas-Seba' Sessjoni Plenarja tal-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li saret fil-5 ta’ Novembru 2009 fi Swakopmund in-Namibja, b'mod partikolari l-paragrafi 13,14 u 22 tagħha,

wara li kkunsidra l-Laqgħa Internazzjonali tal-Proċess Kimberley li saret bejn il-21 u t-24 ta’ Ġunju 2010 f'Tel Aviv l-Iżrael,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou bejn l-UE u l-AKP, iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi ż-Żimbabwe huwa membru volontarju tal-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li tippermetti lill-membri jbiegħu djamanti mhux maħduma fis-suq internazzjonali leġittimu sakemm dan il-kummerċ ma jiffinanzjax il-kunflitti bl-armi,

B.

billi l-Proċess Kimberley attwalment ma jindirizzax l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem,

C.

billi huwa stmat li, jekk it-territorju tad-djamanti ta’ Marange (Chiadzwa) fil-provinċja ta’ Manicaland jiġi għal kollox żviluppat, iż-Żimbabwe jaf isir wieħed mill-akbar produtturi ta’ djamanti fid-dinja fis-snin li ġejjin, fatt li potenzjalment jaf jiġġenera biljuni ta’ euro fi dħul,

D.

billi f'Novembru 2009 fi Swakopmund (in-Namibja), iż-Żimbabwe ħa r-responsabilità li jwettaq serje ta’ azzjonijiet biex it-tħaffir għad-djamanti f'Marange isir b'konformità mas-Sistema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley,

E.

billi l-Laqgħa Intersessjonali tal-Proċess Kimberley, li saret bejn il-21 u t-23 ta’ Ġunju 2010 f'Tel Aviv, ma kinetx kapaċi tasal għal konsensus rigward l-inklużjoni possibbli tal-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Proċess Kimberley,

F.

billi ħafna NGOs internazzjonali (inklużi Human Rights Watch, Global Witness and Partnership for Africa-Canada) kellhom tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Chiadzwa, b'mod partikolari fir-rigward tal-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà Żimbabweni,

G.

billi Farai Maguwu, ċittadin Żimbabwen u fundatur/direttur taċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp, NGO tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata f'Manicaland, identifika ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà tal-istat Żimbabwen f'ħafna territorji tad-djamanti Żimbabweni, b'mod speċjali f'Chiadzwa,

H.

billi Farai Maguwu ġie arrestat mill-awtoritajiet Żimbabweni fit-3 ta’ Ġunju 2010 fuq akkuża li ppubblika informazzjoni preġudizzjali għall-Istat Żimbabwen u ilu miżmum minn dak iż-żmien f'kundizzjonijiet foqra u ġie rrifjutat il-medikazzjoni essenzjali tiegħu, id-dritt li jkollu l-każ tiegħu mismugħ minn imħallef fi żmien 48 siegħa wara l-arrest u d-dritt ta’ kawzjoni,

1.

Jeżiġi r-rilaxx immedjat u bla kundizzjonijiet ta’ Farai Maguwu u jikkundanna l-kundizzjonijiet tal-arrest u d-detenzjoni tiegħu;

2.

Jinsisti li l-awtoritajiet Żimbabweni jonoraw l-impenji tagħhom tal-Proċess Kimberley li għamlu waqt il-laqgħa ta’ Swakopmund, jiddemilitarizzaw għal kollox it-territorji tad-djamanti f'Marange, u jdaħħlu miżuri propji biex jinżammu l-liġi u l-ordni b'tali mod li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-poplu lokali;

3.

Jitlob għar-reviżjoni tal-Proċess Kimberley biex jitqiesu kif suppost il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jinsisti li l-Gvern Żimbabwen juża d-dħul sostanzjali li għandu jiġġenera t-tħaffir għad-djamanti f'Chiadzwa bħala l-bażi għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Żimbabwena fis-sħuħija tagħha, u bħala mezz biex jiġu provduti s-saħħa, l-edukazzjoni u l-iffinanzjar soċjali li attwalment huma provduti mid-donaturi internazzjonali, u għal dak il-għan iħeġġeġ lill-gvern biex jistabbilixxi Fond Fiduċjarju tad-Djamanti li jitqiegħed għas-servizz tal-poplu ta’ Żimbabwe;

5.

Jitlob lill-Gvern Żimbabwen biex jiggarantixxi u jħares id-dritt mhux ristrett għal espressjoni ħielsa fiż-Żimbabwe sabiex l-NGOs (bħaċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp ta’ Farai Maguwu) ikunu jistgħu jesprimu b'mod ħieles l-opinjonijiet mingħajr biża' ta’ persekuzzjoni jew tfigħ il-ħabs;

6.

Jitlob lill-Proċess Kimberley biex jiżgura li l-monitoraġġ għaż-Żimbabwe jsir b'indipendenza kompleta, b'integrità u b'attenzjoni għad-drittijiet tal-bniedem;

7.

Jitlob lill-Afrika t'Isfel u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, fl-interessi tagħhom kif ukoll f'dawk taż-Żimbabwe u r-reġjun usa' tan-Nofsinhar tal-Afrika, biex jieħdu passi attivi biex iħeġġu ritorn lejn demokrazija sħiħa fiż-Żimbabwe u jkun hemm rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu taż-Żimbabwe; jirrikonoxxi li Mugabe u l-partitarji qrib tiegħu jibqgħu ostaklu fil-proċess għar-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni politiċi u ekonomiċi fiż-Żimbabwe, bis-serq tagħhom tar-riżorsi ekonomiċi tal-pajjiż għall-benefiċċji tagħhom stess;

8.

Jilqa' t-tiġdid reċenti (Frar 2010) tal-lista tal-UE ta’ individwi u entitajiet ipprojbiti b'rabtiet mar-reġim ta’ Mugabe; jenfasizza li dawn il-miżuri restrittivi huma mmirati biss lejn elementi tar-reġim Żimbabwen u li bl-ebda mod mhuma se jħallu impatt fuq il-poplu Żimbabwen fis-sħuħija tiegħu;

9.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe u jilqa' l-progress li sar f'din id-direzzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti taż-Żimbabwe u tal-Afrika t'Isfel, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-ACP, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana inkluż il-Parlament Panafrikan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, liċ-Chairperson b'rotazzjoni tal-Proċess Kimberley (Iżrael) u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0640.

(2)  ĠU L 41, 16.2.2010, p. 6.

(3)  ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.

(4)  ĠU L 331, 10.12.2008, p. 11.


Top