This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE1368
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council directive amending Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax, with regard to the duration of the obligation to respect a minimum standard rate’ COM(2010) 331 final — 2010/0179 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima” COM(2010) 331 finali 2010/0179 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima” COM(2010) 331 finali 2010/0179 (CNS)
ĠU C 51, 17.2.2011, p. 67–68
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/67 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”
COM(2010) 331 finali 2010/0179 (CNS)
2011/C 51/13
Relatur: is-Sur Edgardo IOZIA
Nhar l-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima
COM(2010) 331 finali – 2010/0179 (CNS)
Nhar it-13 ta’ Lulju 2010, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Fid-dawl tan-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċali Ewropew, ħatar lis-Sur Iozia bħala relatur ġenerali matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010 u adotta din l-opinjoni b’unanimità.
1. Sinteżi u kummenti tal-Kumitat
1.1 |
Il-KESE jinnota li hemm bżonn li tingħata proroga, preferibbilment għall-aħħar darba, ta’ 5 snin għall-arranġament, imsejjaħ transitorju, li ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010, li ilu li ġie adottat mill-1992, għall-applikazzjoni ta’ rata standard minima tal-VAT, stabbilita għal 15 %, u huwa favur l-adozzjoni tad-direttiva proposta. |
1.2 |
Effettivament, jekk il-proroga ma tingħatax jista’ jkun hemm effett ta’ distorsjoni akbar fuq it-tħaddim tas-suq intern. Diġà minn issa, id-differenza bejn l-arranġamenti differenti fir-rati standard li hemm fl-Ewropa hija ta’ 10 punti perċentwali. Din hi d-differenza bejn il-15 % ta’ Ċipru u l-Lussemburgu u l-25 % tad-Danimarka, l-Ungerija u l-Isvezja. B’mod ġust, il-Kummissjoni diġà pproponiet darbtejn li ddaħħal limitu massimu, iżda l-Kunsill ma tax il-kunsens tiegħu, peress li f’dan il-qasam it-Trattati jipprevedu l-unanimità. |
1.3 |
Il-KESE jivvaluta b’mod pożittiv ħafna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li sal-aħħar ta’ din is-sena, tniedi Green Paper dwar l-istrateġija l-ġdida għall-VAT u l-possibbiltà li wieħed jersaq progressivament lejn l-armonizzazzjoni tar-rata. Il-Kumitat jittama li jiġi kkonsultat f’ħin adatt b’mod speċifiku dwar il-Green Paper, u kemm jista’ jkun malajr jinstab arranġament kompletament armonizzat fil-qasam tat-taxxa Ewropea biex l-arranġament transitorju jiġi superat b’mod definittiv. |
1.4 |
F’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett, il-KESE appoġġja l-esiġenza li jinstab arranġament ta’ taxxa indiretta armonizzata, sempliċi, b’inqas piżijiet amministrattivi, b’benefiċċji ċari għall-intrapriżi u ċ-ċittadini, li jiggarantixxi taxxa ġusta u dħul għall-finanzi pubbliċi, li jnaqqas ir-riskju ta’ frodi fiskali u li jgħin biex is-suq intern jitkompla u jiżviluppa. |
1.5 |
Il-KESE huwa konxju li d-deċiżjoni li tinżamm l-unanimità fil-qasam fiskali kkompromettiet il-possibbiltà li jkun hemm approvazzjoni mgħaġġla tal-arranġament definittiv li jipprevedi tassazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini. In-nuqqas ta’ qbil dwar il-modifika fit-Trattati ser twassal għal dewmien twil fiż-żmien tat-teħid tad-deċiżjoni dwar is-suġġett. Wara tlieta u erbgħin sena mill-bidu tal-mixja lejn sistema Ewropea ta’ tassazzjoni indiretta, għadna fl-istess punt minħabba fil-prinċipju tal-unanimità. |
1.6 |
“Hija akkuża lill-Istati Membri l-fatt li t-twettiq ta’ kunċett, aċċettat fil-prinċipju tlieta u tletin sena ilu, jidher li għadu ’l bogħod daqs kemm kien dak iż-żmien. L-istorja tar-regolament dwar il-VAT fl-Ewropa hija katalogu ta’ fallimenti, li ma jistgħux jintefgħu fuq ħoġor il-Kummissjoni li ħadmet b’koerenza liema bħala u għamlet kull sforz biex tipprova tmexxi s-sitwazzjoni ’il quddiem, iżda tort tal-Istati Membri li dejjem fixklu dawn l-isforzi” (1). Dan il-kliem li l-KESE użat fl-2001 għadhom drammatikament rilevanti llum! |
1.7 |
Il-KESE jqis li ma tistax tiġi posposta l-adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ tassazzjoni li tiggarantixxi ġlieda effettiva kontra l-frodi fiskali, li twassal għal dħul akbar għall-Istati Membri tal-Unjoni, tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u l-iżvilupp tas-suq intern |
2. Sfond
2.1 |
Skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill irid jiddeċiedi b’unanimità fuq livell ta’ rata tal-VAT fuq il-proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta ’l-PE u ’l-KESE. |
2.2 |
Peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-unanimità meħtieġa kellha tagħti proroga għal mhux inqas minn erba’ darbiet fuq l-uniku riżultat li ntlaħaq b’unanimità, dak ta’ rata minima ta’ 15 % stabbilita mid-Direttiva 92/77/KEE. Il-proposti kollha li kellhom il-għan li jilħqu armonizzazzjoni definittiva fiskali ma ngħatatilhomx l-unanimità meħtieġa. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1 |
Fid-dawl tal-iskadenza li jmiss tal-31 ta’ Diċembru 2010 prevista mid-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni qed tipproponi proroga oħra li tistabbilixxi rata standard li ma tistax tkun anqas minn 15 % li tkun tgħodd mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2015. |
3.2 |
F’punt 9 ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni tipprevedi li tippubblika Green Paper dwar strateġija ġdida tal-VAT biex tniedi konsultazzjoni dwar il-futur tal-armonizzazzjoni fiskali. Mir-riżultat tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni adatta dwar il-livell tar-rata standard tal-VAT fl-UE. |
4. Kummenti tal-Kumitat
4.1 |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni li teżisti bħalissa fis-27 Stat Membru dwar il-fiskalità, u partikolarment dwar il-qasam tal-VAT, il-Kumitat ikollu jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jħoss li hija neċessarja. |
4.2 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħroġ Green Paper dwar is-suġġett komplessivament, bil-għan li jingħeleb b’mod definittiv l-arranġament transitorju u jinbeda proċess ta’ armonizzazzjoni fil-ġungla tar-rati, id-derogi, l-iskemi ridotti, ir-rati ta’ “parkeġġ” (parking rates) u l-leġislazzjoni kollha dwar is-suġġett, anke jekk fil-passata dan il-qasam kien iddominat mill-interessi żgħar nazzjonali, li filfatt imorru kontra s-semplifikazzjoni u t-twettiq komplet tas-suq intern. |
4.3 |
Iż-żjieda fil-frodi fiskali fil-livell Ewropew hija vvalutata għal bejn 200 u 250 biljun euro. Il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew li hemm bżonn li l-frodi trid tiġi miġġielda b’aktar effikaċja peress li “ma taffettwax biss il-finanzjament tal-baġits tal-Istati Membri iżda wkoll il-bilanċ globali tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, billi t-tnaqqis li jsir fir-riżorsi proprji tal-VAT irid ikun ikkumpensat minn żieda fir-riżorsi proprji mid-dħul nazzjonali gross” (2). |
4.4 |
Il-KESE jqis li għal dan il-għan hemm bżonn ta’ azzjoni kkoordinata u konverġenti tal-Istati Membri, li tippermetti li jintlaħqu objettivi differenti fl-istess ħin: semplifikazzjoni amministrattiva, żjieda fid-dħul mit-taxxa, permezz ta’ ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni, armonizzazzjoni tar-rati, li tippermetti l-iżvilupp ta’ suq intern, mingħajr ma ħadd ma jkollu vantaġġ jew żvantaġġ kompetittiv minħabba fil-livelli tax-taxxa. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “Titjib fit-tħaddim tal-VAT fi ħdan is-suq interm” (Improving the operation of VAT within the internal market), ĠU C 193/45,10.7.2001.(verżjoni Maltija mhux disponibbli).
(2) Reżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-4.12.2008 fuq proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li tirrettifika d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-operazzjonijiet intracommunitarji.