Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CA0350

Kawża C-C-350/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal- 5 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sächsisches Landessozialgericht – il-Ġermanja) Kattner Stahlbau GmbH vs Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft (Kompetizzjoni — Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE — Affiljazzjoni obbligatorja ma’ korp li jipprovdi assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol — Kunċett ta’ impriża — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 49 KE u 50 KE — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Riskju ta’ ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali)

ĠU C 102, 1.5.2009, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sächsisches Landessozialgericht – il-Ġermanja) Kattner Stahlbau GmbH vs Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft

(Kawża C-C-350/07) (1)

(Kompetizzjoni - Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE - Affiljazzjoni obbligatorja ma’ korp li jipprovdi assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol - Kunċett ta’ “impriża” - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikoli 49 KE u 50 KE - Restrizzjoni - Ġustifikazzjoni - Riskju ta’ ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali)

2009/C 102/07

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Sächsisches Landessozialgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kattner Stahlbau GmbH

Konvenuta: Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Sächsischen Landessozialgerichts – Interpretazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema li tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, komposta minn diversi assoċjazzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ inċidenti fuq ix-xogħol (“Berufsgenossenschaft”) u li timponi fuq l-impriżi affiljazzjoni obbligatorja mal-assoċjazzjoni li għandha l-kompetenza territorjali u dik fil-qasam tax-xogħol – Klassifikazzjoni bħala “impriża” fis-sens ta’ l-Artikoli 81 u 82 KE ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ inċidenti fuq ix-xogħol, li jistgħu jiffissaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet b’mod awtonomu mingħajr ma hemm limitu massimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Dispożittiv

1)

L-Artikoli 81 KE u 82 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li magħha l-impriżi ta’ qasam ta’ attività u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati miegħu skont l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, ma jikkostitwixxix impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda għandu funzjoni ta’ natura esklużivament soċjali b’mod li dan il-korp jaħdem fil-kuntest ta’ sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u li din is-sistema hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverfika.

2)

L-Artikoli 49 KE u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-impriżi ta’ qasam ta’ attivita u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati ma’ korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm din is-sistema ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jassigura bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 269, 10.11.2007.


Top