This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0862
Council Decision (EU) 2019/862 of 14 May 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union in the Western and Central Pacific Fisheries Commission (WCPFC), and repealing the Decision of 12 June 2014 on the position to be adopted, on behalf of the Union, for the Conservation and Management of Highly Migratory Fish Stocks in the WCPFC
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju (WCPFC)
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju (WCPFC)
ST/8322/2019/INIT
ĠU L 140, 28.5.2019, p. 44–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2023; Imħassar b' 32023D2810
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32023D2810 | 11/12/2023 |
28.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/44 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/862
tal-14 ta' Mejju 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju (WCPFC)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (2) (il-“Konvenzjoni tad-WCPF”), li stabbilixxiet il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC). |
(2) |
Id-WCPFC hija responsabbli mill-immaniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF. Id-WCPFC tadotta miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġjar sabiex tiżgura s-sostenibbiltà għal tul ta' żmien ta' stokkijiet ta' ħut migratorju fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF u sabiex tippromwovi l-aħjar użu tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirkupra l-popolazzjoni ta' speċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, telimina gradwalment l-iskartar u tippromwovi l-metodi ta' sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi b'mod speċifiku li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet esterni tagħha fir-rigward tas-sajd. |
(4) |
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar din il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri sabiex tiġi appoġġjata u mtejba l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn ikun rilevanti, tittejjeb il-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar. |
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tad-WCPFC għall-perijodu 2019-2023, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tad-WCPFC ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4) u Nru 1224/2009 (5), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(7) |
Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tad-WCPFC hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju (WCPFC). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023. |
(8) |
Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tad-WCPFC, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perijodu 2019-2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat annwali tad-WCPFC għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tad-WCPFC fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
P. DAEA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta' April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).
(3) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(6) Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni tas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tad-WCPFC, l-Unjoni għandha:
(a) |
taġixxi f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment sostenibbli massimu kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, u gradwalment jinqered il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi; |
(b) |
taħdem sabiex ikun hemm involviment xieraq tal-partijiet interessati fil-fażi ta' tħejjija tal-miżuri tad-WCPFC u tiżgura li l-miżuri adottati fid-WCPFC ikunu f'konformità mal-Konvenzjoni tad-WCPF; |
(c) |
tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan id-WCPFC ikunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU tal-1995 marbut mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna, il-Ftehim tal-1993 li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa; u mal-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port; |
(d) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali (RFMOs) fl-istess żona; |
(e) |
tfittex konsistenza u sinerġija mal-politika li qed issegwi l-Unjoni bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni u oħrajn; |
(f) |
tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati; |
(g) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1); |
(h) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk ir-riżoluzzjonijiet u l-istandards; |
(i) |
tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tad-WCPFC u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha; |
(j) |
tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tal-baħar reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, hekk kif ikun applikabbli, fi ħdan il-mandati tagħhom, fejn xieraq; |
(k) |
tiżviluppa, fejn ikun xieraq, approċċi komuni ma' RMOs oħrajn, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess żona; |
(l) |
tippromwovi l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' RFMOs tat-tonn oħrajn fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' interess komuni, b'mod partikolari permezz tal-attivazzjoni mill-ġdid tal-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobe għall-RFMOs tat-tonn u l-estensjoni tiegħu għall-RFMOs kollha. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mid-WCPFC tal-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
miżuri għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF abbażi tal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, inkluż il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti, miżuri fir-rigward tal-isforz tas-sajd jew il-kapaċità tas-sajd għal riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin regolati mid-WCPFC, li jġibu jew iżommu l-kisba tar-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli, sa mhux aktar tard mill-2020. Fejn neċessarju, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li jbatu minn sajd eċċessiv sabiex il-pressjoni tas-sajd tinżamm konformi mal-opportunitajiet ta' sajd disponibbli; |
(b) |
miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd mhux irrapportati u mhux irregolati (IUU) fiż-Żona tal Konvenzjoni, inkluż l-elenku ta' bastimenti tal- IUU; |
(c) |
miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti; |
(d) |
miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF biex tkun żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità ma' miżuri adottati fi ħdan id-WCPFC; |
(e) |
miżuri sabiex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità marittima u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi pprevenut ir-rilaxx tal-plastik fil-baħar u anki jitnaqqas l-impatt fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar tal-plastik li huwa preżenti fl-ibħra, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar sensittivi fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPF f'konformità mal-Konvenzjoni tad-WCPF, u miżuri sabiex jiġu evitati u mnaqqsin kemm jista' jkun possibbli l-qabdiet mhux mixtieqa, inklużi b'mod partikolari qabdiet ta' speċijiet tal-baħar protetti, u sabiex gradwalment jiġu eliminati l-qabdiet skartati; |
(f) |
miżuri sabiex jiġi ġestit l-użu ta' rkaptu biex jinġemal-ħut (FADs) b'mod partikolari sabiex jittejjeb il-ġbir tad-data, sabiex jiġi kwantifikat, traċċat u mmonitorjat b'mod preċiż l-użu tal-FADs, sabiex jitnaqqas l-impatt fuq stokkijiet tat-tonn vulnerabbli, sabiex jitnaqqsu l-effetti potenzjali tagħhom fuq speċijiet fil-mira u mhux fil-mira, kif ukoll fuq l-ekosistema; |
(g) |
miżuri sabiex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu Abbandunat, Mitluf jew Inkella Skartat (ALDFG) fl-oċean u sabiex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru tat-tali rkaptu u jitnaqqas il-kontribut għall-materjal skartat fil-baħar; |
(h) |
miżuri li l-għan tagħhom huwa l-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jinħattu fuq l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali; |
(i) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-punt permess fid-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); |
(j) |
miżuri tekniċi addizzjonali bbażati fuq pariri mill-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma tad-WCPFC. |
(1) 7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2) 7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.
(3) JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali
Qabel kull laqgħa annwali tad-WCPFC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta' natura oħra trażmessa mill-Kummissjoni Ewropea f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Kunsill minn żmien suffiċjentement qabel kull laqgħa tad-WCPFC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk, waqt laqgħa tad-WCFPC ma jkunx possibbli li jintlaħaq qbil, inkluż dak il-ħin, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.