This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0787
2010/787/EU: Council Decision of 10 December 2010 on State aid to facilitate the closure of uncompetitive coal mines
2010/787/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi
2010/787/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi
ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
21.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 336/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta' Diċembru 2010
dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi
(2010/787/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod l-punt (e) tal-Artikolu 107(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (2) jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010. |
(2) |
Il-kontribut żgħir tal-faħam issussidjat għat-taħlita globali tal-enerġija ma għadux jiġġustifika ż-żamma ta' dawn is-sussidji sabiex tkun żgurata l-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. |
(3) |
Il-politika tal-Unjoni li tinkoraġġixxi sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ekonomija sostenibbli u sigura b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ma tiġġustifikawx l-appoġġ indefinit tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi. Il-kategoriji ta' għajnuna permessi bir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għalhekk ma għandhomx jitkomplew indefinittivament. |
(4) |
Madanakollu, fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi għas-settur tal-Għajnuna mill-Istat, japplikaw biss ir-regoli ġenerali dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-faħam. F'dan il-kuntest, il-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi u li attwalment qegħdin jibbenefikaw minn għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002, jistgħu ma jibqgħux eliġibbli għall-għajnuna u jistgħu jkunu mġiegħla jagħlqu. |
(5) |
Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq ta' dawk il-minjieri, jiġifieri l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta' pjan irrivokabbli ta' għeluq u/jew il-finanzjament tal-ispejjeż eċċezzjonali, b'mod partikolari r-responsabbiltajiet li jintirtu. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni timmarka t-transizzjoni għas-settur tal-faħam, mill-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għas-settur għall-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali ta' Għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-setturi kollha. |
(7) |
Sabiex jitnaqqsu għal minimu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw mill-għajnuna u sabiex jiġi nkoraġġit l-għeluq tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi, din l-għajnuna għandha tkun digressiva u strettament limitata għall-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li huma ppjanati rrivokabbilment għall-għeluq. |
(8) |
Sabiex jittaffa l-impatt ambjentali mill-produzzjoni tal-faħam mill-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam li lilhom tingħata għajnuna għall-għeluq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan ta' miżuri adatti, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli jew il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. |
(9) |
L-intrapriżi għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna biex jiġu koperti l-ispejjeż li, f'konformità mal-prattiki normali tal-kontabbiltà, ma jaffettwawx direttament l-ispejjeż tal-produzzjoni. Din l-għajnuna hija maħsuba biex tkopri spejjeż eċċezzjonali li jirriżultaw mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom. Sabiex ikun evitat li din l-għajnuna tkun ta' benefiċċju għal intrapriżi li ma ħaqqhomx u li jagħlqu biss xi wħud mis-siti ta' produzzjoni tagħhom, l-intrapriżi kkonċernati għandhom iżommu kontijiet separati għal kull wieħed mill-unitajiet ta' produzzjoni tagħhom. |
(10) |
Fit-twettiq tal-kompitu tagħha taħt din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni jiġu stabbiliti, miżmuma u segwiti. Fir-rigward, aktar speċifikament, għas-suq tal-elettriku, għajnuna lill-industrija tal-faħam ma għandhiex tkun tali li taffettwa lilll-produtturi tal-elettriku fl-għażla tas-sorsi ta' provvista primarja tal-enerġija. Konsegwentament, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam għandhom ikunu maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji. |
(11) |
L-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni m’għandiex teskludix li l-għajnuna għall-industrija tal-faħam tista' tinsab kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet oħra. F'dan il-kuntest, regoli speċifiċi oħrajn, b'mod partikolari dawk dwar l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali u l-għajnuna għall-attivitajiet ta' taħriġ, jibqgħu japplikaw fil-limiti tal-intensitajiet massimi tal-għajnuna, dment li ma jkunx previst mod ieħor. |
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-miżuri nnotifikati abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tieħu d-deċiżjonijiet f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3). |
(13) |
Biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' kontinwità bejn il-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2011, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“faħam” tfisser faħam fil-kategoriji A u B ta' grad għoli, grad medju u grad baxx fit-tifsira tas-sistema ta' kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (4); |
(b) |
“għeluq” tfisser il-waqfien permanenti tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-faħam; |
(c) |
“pjan ta' għeluq” tfisser pjan imfassal minn Stat Membru li jipprevedi miżuri li jilħqu l-qofol tagħhom fl-għeluq definittiv ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam; |
(d) |
“unità ta' produzzjoni tal-faħam” tfisser sit tal-faħam taħt l-art jew fil-miftuħ u infrastrutturi relatati li kapaċi jipproduċu faħam mhux maħdum indipendentament minn partijiet oħra tal-intrapriża; |
(e) |
“sena tal-faħam” tfisser sena kalendarja jew perijodu ieħor ta' 12-il xahar użat bħala referenza għal kuntratti fl-industrija tal-faħam; |
(f) |
“spejjeż tal-produzzjoni” tfisser spejjeż totali relatati mal-produzzjoni attwali, inklużi operazzjonijiet ta' tħaffir, operazzjonijiet għat-tlestija tal-faħam, b'mod partikolari il-ħasil, l-għażla skont id-daqs u l-kwalità, u t-trasport lejn il-post fejn ser jintuża, deprezzament normali u imposti ta' mgħax ibbażat fuq is-suq fuq kapital misluf; |
(g) |
“telf attwali mill-produzzjoni” tfisser id-differenza pożittiva bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-faħam u l-prezz tal-bejgħ fil-punt fejn ser jintuża maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji. |
KAPITOLU II
KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA
Artikolu 2
Prinċipju
1. Fil-kuntest tal-għeluq ta’ minjieri li mhumiex kompetittivi, l-għajnuna għall-industrija tal-faħam tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament adatt tas-suq intern jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-għajnuna għandha tkopri biss spejjeż b'rabta mal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku flimkien, il-produzzjoni tal-kokk u l-karburazzjoni tal-kalkari tal-blast fl-industrija tal-azzar, fejn tali użu jseħħ fl-Unjoni.
Artikolu 3
Għajnuna għall-għeluq
1. L-għajnuna għal xi intrapriża maħsuba speċifikament biex tkopri t-telf attwali mill-produzzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tista’ titqies kompatibbli biss mas-suq intern jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-operazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni kkonċernati trid tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li l-iskadenza tiegħu ma taqbiżx il-31 ta’ Diċembru 2018; |
(b) |
l-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam ikkonċernati jridu jingħalqu definittivament f'konformità mal-pjan ta' għeluq; |
(c) |
l-għajnuna nnotifikata ma għandhiex teċċedi d-differenza bejn l-ispejjeż prevedibbli ta' produzzjoni u d-dħul prevedibbli għas-sena tal-faħam. L-għajnuna mħallsa effettivament trid tkun soġġetta għal korrezzjoni annwali, ibbażata fuq l-ispejjeż u d-dħul effettivi, sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena ta' produzzjoni tal-faħam wara is-sena li fiha tkun ingħatat l-għajnuna; |
(d) |
l-ammont ta’ għajnuna ekwivalenti għal kull tunnellata ta’ faħam ma tridx twassal biex il-prezzijiet tal-faħam tal-Unjoni fil-punt fejn ser jintuża jkunu orħos minn dawk ta’ faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi; |
(e) |
l-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam ikkonċernati għandhom ikunu ilhom attivi mill-31 ta' Diċembru 2009; |
(f) |
l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq mogħtija minn Stat Membru għandu jsegwi xejra ‘l isfel: sa tmiem l-2013 it-tnaqqis m’għandux ikun anqas minn 25 %, sa tmiem l-2015 mhux anqas minnanqas 40 %, sa tmiem l-2016 mhux anqas minn 60 % u sa tmiem l-2017 mhux anqas minn 75 % tal-għajnuna mogħtija fl-2011; |
(g) |
l-ammont totali tal-għajnuna għall-għeluq għall-industrija tal-faħam ta' Stat Membru ma għandux jeċċedi, fi kwalunkwe sena wara l-2010, l-ammont ta' għajnuna mogħtija minn dak l-Istat Membru u awtorizzata mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għas-sena 2010. |
(h) |
l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan biex jieħdu miżuri bil-għan li jittaffa l-impatt ambjentali tal-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam lil lilhom tingħata għajnuna skont dan l-Artikolu, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli jew il-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju. |
2. L-inklużjoni ta’ miżuri li jikkostitwixxu Għajnuna tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fi pjan kif imsemmi fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għan-notifika u l-obbligazzjonijiet ta' waqfa imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward ta' tali miżuri mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat, u għall-kompatibiltà ta' tali miżuri mas-suq intern.
3. Jekk l-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li qegħdin jingħataw l-għajnuna skont il-paragrafu 1 ma jingħalqux fid-data stabbilita fil-pjani ta' għeluq kif awtorizzati mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija fir-rigward tal-perijodu kollu kopert mill-pjan ta' għeluq.
Artikolu 4
Għajnuna li tkopri spejjeż eċċezzjonali
1. Għajnuna mill-Istat mogħtija lil intrapriżi li jwettqu jew li wettqu xi attività marbuta mal-produzzjoni tal-faħam sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż li jirriżultaw minn jew li rriżultaw mill-għeluq ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam u li mhumiex relatati mal-produzzjoni attwali, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern dment li l-ammont imħallas ma jeċċedix dawn l-ispejjeż. Din l-għajnuna tista' tintuża biex tkopri:
(a) |
l-ispejjeż imġarrba u l-provvedimenti għall-ispejjeż magħmula biss minn intrapriżi li qed jagħlqu jew li għalqu unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, inklużi l-intrapriżi li jibbenefikaw minn għajnuna għall-għeluq; |
(b) |
l-ispejjeż imġarrba għadd ta' intrapriżi. |
2. Il-kategoriji ta' spejjeż koperti mill-paragrafu 1 huma definiti fl-Anness. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal spejjeż li jirriżultaw minn nuqqas ta' konformità mar-regolamenti ambjentali.
Artikolu 5
Kumulazzjoni
1. L-ammont massimu ta' għajnuna awtorizzata skont din id-Deċiżjoni għandu japplika irrispettivament minn jekk l-għajnuna tkunx iffinanzjata kompletament mill-Istati Membri jew jekk tkun parzjalment finanzjata mill-Unjoni.
2. Għajnuna awtorizzata skont din id-Deċiżjoni ma għandhiex tingħaqqad ma’ Għajnuna oħra mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jew ma’ forom oħrajn ta' finanzjament tal-Unjoni għall-istess spejjeż eliġibbli jekk din id-duplikazzjoni tirriżulta f'ammont ta' għajnuna ogħla minn dak awtorizzat skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
Separazzjoni tal-kontijiet
Kull għajnuna li jirċievu l-intrapriżi għandha tintwera fil-kontijiet ta’ qligħ u telf bħala entrata separata ta’ dħul distinta mill-fatturat. Fejn l-intrapriżi jibbenefikaw minn għajnuna skont din id-Deċiżjoni jkomplu jinnegozjaw jew joperaw wara l-għeluq ta' xi wħud mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom jew kollha kemm huma, huma għandhom iżommu kontijiet preċiżi u separati għal kull waħda mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom u għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn li mhumiex relatati mal-minjieri tal-faħam. L-għajnuna mogħtija skont din id-Deċiżjoni għandha tkun amministrata b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda possibiltà li tkun trasferita għal unitajiet oħra ta' produzzjoni tal-faħam li ma jkunux parti mill-pjan ta' għeluq jew għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn tal-istess intrapriża.
KAPITOLU 3
PROĊEDURI
Artikolu 7
Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri
1. Minbarra r-Regolament (KE), l-għajnuna kif imsemmija f'din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli speċjali stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.
2. Stati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu għajnuna għall-għeluq kif imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom jinnotifikaw pjan ta' għeluq għall-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam ikkonċernati lill-Kummissjoni. Il-pjan għandu jkun fih tal-inqas dan li ġej:
(a) |
l-identifikazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, |
(b) |
l-ispejjeż effettivi jew stmati tal-produzzjoni għal kull unità ta' produzzjoni tal-faħam għal kull sena tal-faħam; |
(c) |
il-produzzjoni stmata tal-faħam, għal kull sena tal-faħam, tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li jkunu s-suġġett ta' pjan ta’ għeluq; |
(d) |
l-ammont stmat ta' għajnuna għall-għeluq għall kull sena tal-faħam. |
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe emenda għall-pjan ta' għeluq lill-Kummissjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-għajnuna kollha li għandhom l-intenzjoni li jagħtu lill-industrija tal-faħam skont din id-Deċiżjoni matul is-sena tal-faħam. Huma għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni d-dettalji kollha relevanti għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-produzzjoni prevedibbli flimkien mar-relazzjoni tagħhom mal-pjani ta' għeluq li jkun ġew innotifikat lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.
5. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ammont, u dwar il-kalkoli tal-għajnuna imħallsa effettivament matul is-sena tal-faħam, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena in kwistjoni. Fejn issir kwalunkwe korrezzjoni għall-ammonti oriġinarjament imħallsa matul sena tal-faħam partikolari, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tas-sena tal-faħam segwenti.
6. Meta jinnotifikaw l-għajnuna kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 u meta jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mħallsa effettivament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tivverifika li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jiġu segwiti.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 8
Miżuri implimentattivi
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Hija tista', fil-limiti stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, tistabbilixxi qafas konġunt għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2011.
Hija għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2027.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
V. VAN QUICKENBORNE
(1) Opinjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Sistema internazzjonali għall-kodifikazzjoni tal-faħam ta' grad medju u għoli (1998), Klassifikazzjoni internazzjonali tal-faħam fis-saff (1998) u Sistema internazzjonali tal-kodifikazzjoni ta' faħam ta' grad baxx (1999).
ANNESS
DEFINIZZJONI TAL-ISPEJJEŻ IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4
1. Spejjeż imġarrba u dispożizzjonijiet għall-ispejjeż magħmula biss minn intrapriżi li għalqu jew qegħdin jagħlqu l-unitajiet ta' produzzjoni.
Il-kategoriji ta' spejjeż li ġejjin esklussivament, u biss jekk jirriżultaw mill-għeluq ta' unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam:
(a) |
l-ispiża tal-ħlas ta' benefiċċji soċjali li tirriżulta mill-fatt li ħaddiema qegħdin jirċievu pensjoni qabel ma jilħqu l-età statutorja tal-pensjoni; |
(b) |
infiq ieħor eċċezzjonali fuq ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom; |
(c) |
il-ħlas ta' pensjonijiet u allowances barra mis-sistema statutorja lil ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom u lil ħaddiema bid-dritt għal dawn il-ħlasijiet qabel l-għeluq; |
(d) |
l-ispiża koperta mill-intrapriżi biex il-ħaddiema jerġgħu jaddattaw irwieħhom u b’hekk jiġu megħjuna jsibu xogħlijiet ġodda barra mill-industrija tal-faħam, speċjalment l-ispejjeż għat-taħriġ; |
(e) |
il-provvista ta' faħam mingħajr ħlas lil ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom u lil ħaddiema bid-dritt għal tali provvista qabel l-għeluq, jew il-valur monetarju ekwivalenti; |
(f) |
l-ispejjeż residwi li jirriżultaw min dispożizzjonijiet amministrattivi, legali jew fiskali li huma speċifiċi għall-industrija tal-faħam; |
(g) |
ix-xogħol addizzjonali għas-sigurtà taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam; |
(h) |
id-dannu kkawżat mill-minjieri, bil-kondizzjoni li dan kien ikkawżat mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam soġġetti li ġew magħluqa jew li qiegħdin jiġu magħluqa; |
(i) |
l-ispejjeż kollha ġustifikati b'mod debitu relatati mar-riabilitazzjoni ta' dawk li qabel kienu siti tal-minjieri, inklużi:
|
(j) |
l-ispejjeż residwi li jkopru l-assigurazzjoni tas-saħħa ta' dawk li qabel kienu ħaddiema tal-minjieri; |
(k) |
l-ispejjeż relatati mal-kanċellazzjoni jew il-modifika ta' kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin (għal valur massimu ta' 6 xhur produzzjoni); |
(l) |
id-deprezzament intrinsiku eċċezzjonali dment li jirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni; |
(m) |
l-ispejjeż għar-rikultivazzjoni tal-uċuħ tal-art. |
Iż-żieda fil-valur tal-art għandha titnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli għall-kategoriji ta’ spejjeż imsemmija fil-punti (g), (h), (i) u (m).
2. Spejjeż imġarrba u dispożizzjonijiet għall-ispejjeż magħmula minn bosta intrapriżi
Il-kategoriji ta’ spejjeż li ġejjin esklussivament:
(a) |
żieda fil-kontribuzzjonijiet, barra mis-sistema statutorja, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali bħala riżultat tat-tnaqqis fin-numru ta' kontributuri, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam; |
(b) |
l-infiq li tirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, fuq il-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi; |
(c) |
iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli għall-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi, dment li din iż-żieda tkun tirriżulta minn tnaqqis, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, fil-produzzjoni tal-faħam soġġetta għal imposta. |