Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0229

    2010/229/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ April 2010 rigward l-abbozz tad-Digriet tal-Italja li jwaqqaf l-istandards li jirregolaw it-tikkettar tal-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, tal-ħalib UHT, tal-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u tal-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll tal-prodotti tal-ħalib (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2436) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 102, 23.4.2010, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/229/oj

    23.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 102/52


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ April 2010

    rigward l-abbozz tad-Digriet tal-Italja li jwaqqaf l-istandards li jirregolaw it-tikkettar tal-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, tal-ħalib UHT, tal-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u tal-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll tal-prodotti tal-ħalib

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2436)

    (Il-verżjoni bil-lingwa Taljana biss hija awtentika)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/229/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    B’konformità mal-proċedura stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2000/13/KE, fil-25 ta’ Awwissu 2009, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tad-Digriet Ministerjali li jwaqqaf l-istandards li jirregolaw it-tikkettar tal-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, tal-ħalib UHT, tal-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u tal-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll tal-prodotti tal-ħalib.

    (2)

    Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet notifikat, dan japplika għall-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, għall-ħalib UHT, għall-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u għall-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll għall-prodotti tal-ħalib.

    (3)

    L-Artikolu 2 tad-Digriet notifikat jitlob li t-tikketti tal-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, tal-ħalib UHT, tal-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u tal-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja għandhom juru minn fejn oriġina l-ħalib li jkun ġie ttrattat b’dawn il-modi msemmijin.

    (4)

    L-Artikolu 3(1) tad-Digriet notifikat jistipula li t-tikketti tal-prodotti tal-ħalib għandhom juru minn fejn oriġina l-ħalib li ġie użat biex isiru dawn il-prodotti.

    (5)

    L-Artikolu 3(3) tad-Digriet notifikat jistipula li t-tikketti tal-ġobnijiet, inkluża r-rikotta, li jkun fihom sustanzi miksubin mill-ipproċessar tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib għandhom jinkludu lil dawn is-sustanzi fil-lista tal-ingredjenti, u referenza għall-post minn fejn ikun oriġina l-ħalib użat fl-ipproċessar ta’ dawn is-sustanzi.

    (6)

    L-Artikolu 4 tad-Digriet notifikat jistipula li t-tikketti tal-ġobnijiet miksubin mill-baqta għandhom juru minn fejn oriġina l-ħalib użat fil-baqta.

    (7)

    Id-Direttiva 2000/13/KE tarmonizza r-regoli li jirregolaw it-tikkettar tal-prodotti tal-ikel billi tipprevedi, min-naħa, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-arranġamenti għal dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati. L-ambitu tal-armonizzazzjoni huwa mfisser fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, li jelenka l-partikularitajiet li huma obbligatorji fuq it-tikkettar tal-prodotti tal-ikel, skont l-Artikoli 4 sa 17 u soġġetti għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fihom.

    (8)

    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(1)(8) tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjoni tal-post ta’ oriġini jew tal-provenjenza hija obbligatorja fejn in-nuqqas ta’ dan id-dettall jista’ fi grad materjali jqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini jew il-provenjenza awtentika tal-prodott tal-ikel. Id-dispożizzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu xieraq biex jevita r-riskju li l-konsumaturi jitqarrqu f’każijiet fejn xi elementi jimplikaw li xi ikel partikolari jkun oriġina jew għandu provenjenza differenti minn dik ta’ vera.

    (9)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/13/KE jistipula li jistgħu jkunu meħtieġa xi dettalji oħra flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ prodotti tal-ikel speċifikati, minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew, fin-nuqqas tagħhom, minn miżuri nazzjonali.

    (10)

    L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE jippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati jekk ikunu ġġustifikati skont waħda mir-raġunijiet elenkati fih, inklużi inter alia l-prevenzjoni ta’ frodi u l-ħarsien tas-saħħa pubblika, u sakemm ma jkunux ta’ natura li jwaqqfu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2000/13/KE. Għaldaqstant, meta fi Stat Membru jkun ġie propost abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tat-tikkettar, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibilità tagħhom mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq u mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    (11)

    L-awtoritajiet Taljani jsostnu li d-Digriet notifikat huwa meħtieġ biex jiddefinixxu u jirregolaw is-sistema ta’ traċċabilità għall-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, għall-ħalib UHT, għall-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u għall-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll għall-prodotti tal-ħalib. Jiddikjaraw ukoll li d-Digriet notifikat huwa meħtieġ għar-regolarizzazzjoni tat-tikketti tal-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1 tiegħu biex jiżgura li jiġu mħarsin l-interessi tal-konsumaturi kemm jista’ jkun possibbli.

    (12)

    Rigward it-traċċabilità tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tad-Digriet notifikat, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (2), jitlob li, f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni, għandha tiġi stabbilita sistema komprensiva ta’ traċċabilità mill-intrapriżi tal-ikel biex ikun jista’ jsir irtirar iffokat u preċiż, jew ikun jista’ jingħata tagħrif lill-konsumaturi jew lill-uffiċjali tal-kontroll. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 18 tiegħu, l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jidentifikaw il-persuni li fornewlhom kull ikel, u l-intrapriżi li jkunu xtraw il-prodotti mingħandhom. Barra dan, l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi obbligazzjonijiet speċifiċi għall-operaturi tan-negozji tal-ikel. L-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini fuq it-tikketta tal-prodotti lesti kkonċernati mhijiex tagħrif meħtieġ biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ traċċabilità.

    (13)

    Barra minn hekk, apparti referenza ġenerika lejn il-ħtieġa li jitħarsu l-interessi tal-konsumatur, l-awtoritajiet Taljani ma pprovdew ebda ġustifikazzjoni li twassal għall-konklużjoni li, fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tad-Digriet notifikat, l-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini hija meħtieġa, minbarra fl-obbligu stipulat fl-Artikolu 3(1) punt 8 tad-Direttiva 2000/13/KE.

    (14)

    Għaldaqstant l-awtoritajiet Taljani ma rnexxielhomx juru li l-indikazzjoni tal-oriġini kif stipulat fid-Digriet notifikat huwa meħtieġ biex jinkiseb wieħed mill-miri elenkati fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE.

    (15)

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ressqet opinjoni negattiva dwar id-dispożizzjonijiet tad-Digriet imsemmijin hawn fuq, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, tad-Direttiva 2000/13/KE.

    (16)

    L-awtoritajiet Taljani għandhom, għaldaqstant, jintalbu li ma jadottawx id-dispożizzjonijiet tad-Digriet notifikat ikkonċernat.

    (17)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Italja ma għandhiex tadotta l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u (3) u l-Artikolu 4 (sa fejn jikkonċerna l-obbligu li jiġi indikat il-post minn fejn oriġina l-ħalib użat fil-baqta) tad-Digriet notifikat li jwaqqaf l-istandards li jirregolaw it-tikkettar tal-ħalib li jibqa’ tajjeb fil-ħażna, tal-ħalib UHT, tal-ħalib ippasturizzat mikrofiltrat u tal-ħalib ippasturizzat b’temperatura għolja, kif ukoll tal-prodotti tal-ħalib.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

    (2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


    Top