Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli riveduti għas-servizzi ta’ pagament fl-UE

Regoli riveduti għas-servizzi ta’ pagament fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 dwar is-servizzi ta’ pagament fl-UE kollha

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva (UE) 2015/2366 (magħrufa bħala d-direttiva riveduta dwar is-servizz ta’ pagament jew il-PSD2) tipprovdi l-bażi legali għall-iżvilupp ulterjuri ta’ suq intern integrat aħjar għall-pagamenti elettroniċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).
  • Hija tistabbilixxi regoli komprensivi għal servizzi ta’ pagament*, bil-għan li jiżgura regoli armonizzati għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ pagament fl-UE u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
  • Din għandha l-għan li tiftaħ is-swieq tal-pagamenti għal parteċipanti ġodda, li jwassal għal aktar kompetizzjoni, aktar għażla u prezzijiet aħjar għall-konsumaturi.
  • Tipprovdi wkoll il-pjattaforma legali neċessarja għaż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro.

Hija tħassar id-Direttiva 2007/64/KE mit-13 ta’ Jannar 2018.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

  • reġim ta’ liċenzjar għal istituzzjonijiet ta’ pagamenti, inklużi dawk li joffru informazzjoni dwar il-kont u servizzi ta’ bidu ta’ pagament (“bank miftuħ”);
  • it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ pagament, inklużi miżati;
  • Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-utenti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament;
  • rekwiżiti tas-sigurtà stretti għall-pagamenti elettroniċi u l-protezzjoni tad-data finanzjarja tal-konsumaturi, biex jiggarantixxu awtentikazzjoni sigura u jnaqqsu r-riskju tal-frodi.

Id-direttiva hija kkomplementata permezz tar-Regolament (UE) 2015/751 li jillimita t-tariffi tal-interkambju imposti bejn il-banek għal tranżazzjonijiet b’kard. Dan huwa mistenni jnaqqas l-ispejjeż għall-impriżi fl-aċċettazzjoni tal-kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumaturi.

Lejn integrazzjoni aħjar tas-suq tal-pagamenti tal-UE

Id-direttiva tistabbilixxi sett ta’ regoli ċar u komprensiv li japplika għall-fornituri eżistenti u ġodda ta’ servizzi ta’ pagament innovattivi. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li dawn l-atturi jikkompetu fuq termini ugwali, li jwassal għal aktar effiċjenza, għażla u trasparenza fis-servizzi ta’ pagament, filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat.

Il-ftuħ tas-suq tal-UE għal servizzi u fornituri ġodda

Id-direttiva għandha wkoll l-għan li tiftaħ is-suq tal-pagamenti tal-UE għal kumpaniji li joffru servizzi ta’ pagament orjentati lejn il-konsumatur jew lejn in-negozju bbażati fuq l-aċċess għall-kont ta’ pagament, b’mod partikolari:

  • servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, li jippermettu lill-utenti tas-servizz ta’ pagament li, pereżempju, jkollhom ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fi kwalunkwe ħin, u b’hekk l-utenti jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-finanzi personali tagħhom aħjar;
  • servizzi ta’ bidu ta’ pagament, li jibdew ordni fuq talba tal-utent ta’ servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ kont ta’ pagament miżmum minn fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament.

Drittijiet tal-konsumatur

  • Id-drittijiet tal-konsumaturi huma msaħħa, inkluż:
    • responsabbiltà mnaqqsa għal pagamenti mhux awtorizzati minn EUR150 għal EUR50;
    • dritt ta’ rifużjoni mingħajr kundizzjonijiet għal debiti diretti bl-euro għal perjodu ta’ 8 ġimgħat;
    • it-tneħħija tal-ħlasijiet addizzjonali għall-użu ta’ kards ta’ kreditu jew ta’ debitu tal-konsumatur.
  • Il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet fuljett elettroniku li jiffavorixxi l-utent li jelenka d-drittijiet tal-konsumaturi taħt id-direttiva u l-liġi tal-UE relatati.

Awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament

Id-direttiva ma tbiddilx il-kundizzjonijiet sostanzjalment għall-għoti tal-awtorizzazzjoni lil istituzzjonijiet ta’ pagament meta mqabbla mad-Direttiva 2007/64/KE. Madanakollu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament li joffru servizzi ta’ bidu ta’ pagament jew servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet se jkunu meħtieġa li jkollhom assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali jew garanzija komparabbli bħala kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni, rispettivament. Id-direttiva fiha wkoll regoli dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament awtorizzati, flimkien ma’ miżuri fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Ir-Rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Ir-rwol tal-EBA huwa msaħħaħ, sabiex:

  • tiżviluppa reġistru ċentrali aċċessibbli għall-pubbliku ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament awtorizzati, li għandu jinżamm aġġornat mill-awtoritajiet nazzjonali;
  • tassisti fir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet nazzjonali;
  • tiżviluppa standards tekniċi regolatorji għall-items inklużi:
    • l-awtentikazzjoni msaħħa tal-klijent u mezzi ta’ komunikazzjoni siguri li jridu jikkonformaw magħhom il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament kollha,
    • tiżviluppa standards tekniċi regolatorji għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji.

Il-Kummissjoni adottat l-atti ta’ implimentazzjoni u dawk delegati li ġejjin fir-rigward tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni jew regolatorji rispettivament.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2055 dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti marbuta mad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi tal-istituzzjonijiet ta’ pagament.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/389 (kif emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2022/2360) dwar l-awtentikazzjoni tal-klijent u standards miftuħin ta’ komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/410 dwar id-dettalji u l-istruttura tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-awtoritajiet rilevanti lill-EBA fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/411 dwar l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tar-reġistru elettroniku ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament, u dwar l-aċċess għall-informazzjoni li jinsab f’dan ir-reġistru.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1423 dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar il-funzjonijiet ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt ċentrali.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1722 dwar il-qafas għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fil-kuntest tal-provvista transkonfinali tas-servizzi ta’ pagament.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-13 ta’ Jannar 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Servizzi ta’ pagament. Servizzi li jippermettu li flus jitqiegħdu fi jew jinġibdu minn kont ta’ pagament, flimkien mal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim tal-kont. Dan jista’ jinkludi trasferimenti ta’ fondi, debiti diretti, trasferimenti ta’ kreditu u pagamenti bil-kard. Id-direttiva ma tkoprix tranżazzjonijiet stampati.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, pp. 35–127).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2015/2366 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2360 tat-3 ta’ Awwissu 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/389 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ 90 jum għall-aċċess għall-kont (ĠU L 312, 5.12.2022, pp. 1–4).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1722 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-qafas għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-domiċilju u l-Istati Membri ospitanti fil-kuntest tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet elettroniċi li jeżerċitaw il-forniment transkonfinali ta’ servizzi ta’ pagament (ĠU L 343, 28.9.2021, pp. 1–30).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1423 tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar il-funzjonijiet ta’ dawk il-punti ċentrali (ĠU L 328, 9.10.2020, pp. 1–3).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/410 tad-29 ta’ Novembru 2018 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward id-dettalji u l-istruttura tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata, fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament, mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Bankarja Ewropea skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 20–83).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/411 tad- 29 ta’ Novembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi dwar l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tar-reġistru elettroniku ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fih (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 84–92).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/389 tas- 27 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u standards miftuħin ta’ komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri (ĠU L 69, 13.3.2018, pp. 23–43).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2055 tat-23 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi tal-istituzzjonijiet ta’ pagament (ĠU L 294, 11.11.2017, pp. 1–25).

Ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi ta’ konsumaturi għal tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU L 123,19.5.2015, pp. 1–15).

l-aħħar aġġornament 20.02.2023

Top