EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Is-Sħubija fl-UE

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Is-Sħubija fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU 49 U TAL-ARTIKOLU 2 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA?

  • L-Artikolu 49 jipprovdi l-bażi ġuridika għal kwalunkwe Stat Ewropew biex jissieħeb fl-UE.
  • L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE.

PUNTI EWLENIN

Eliġibbiltà

Il-pajjiż applikant jeħtieġlu:

  • ikun stat Ewropew;
  • jirrispetta u jimpenja ruħu favur il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jiġifieri: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt; ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u r-rispett għal soċjetà pluralistika u għan-nondiskriminazzjoni, għat-tolleranza, għall-ġustizzja, għas-solidarjetà u għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-pajjiż applikant jeħtieġlu jissodisfa wkoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-UE. Dawn spiss jissejħu l-kriterji ta’ Copenhagen minħabba li kienu ġew definiti mill-Kunsill Ewropew li ġie organizzat f’Copenhagen f’Ġunju tal-1993. Dawn il-kriterji huma dawn li ġejjin:

  • istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejn u l-protezzjoni tal-minoranzi;
  • ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li din tlaħħaq mal-kompetizzjoni u mal-forzi tas-suq fl-UE;
  • il-kapaċità li taċċetta u timplimenta b’mod effettiv l-obbligi tas-sħubija, inklużi l-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

Il-Kunsill Ewropew li ġie organizzat f’Madrid f’Diċembru tal-1995 żied jgħid li l-pajjiż kandidat jeħtieġlu jkun jista’ japplika d-dritt tal-UE u jkun jista’ jiżgura li d-dritt tal-UE traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jiġi implimentat b’mod effettiv permezz ta’ strutturi ġudizzjarji u amministrattivi xierqa.

L-UE tirriserva d-dritt li tiddeċiedi meta l-pajjiż kandidat ikun issodisfa l-kriterji ta’ adeżjoni. Barra minn hekk, l-UE nnifisha jeħtiġilha tkun kapaċi tintegra membri ġodda.

Proċedura

  • 1.

    Applikazzjoni

    Tiġi ppreżentata applikazzjoni formali lill-Kunsill tal-UE mill-pajjiż Ewropew li jissodisfa l-kriterji inklużi fl-Artikolu 2 tat-TUE. Il-Kunsill tal-UE jinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-parlamenti nazzjonali bl-applikazzjoni.

  • 2.

    Opinjoni mill-Kummissjoni Ewropea

    Wara li tikkonsulta lill-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea toħroġ opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-UE mill-pajjiż ikkonċernat.

  • 3.

    Status ta’ kandidat

    L-istatus ta’ pajjiż bħala pajjiż kandidat jingħata b’mod unanimu mill-Kunsill tal-UE wara l-opinjoni mill-Kummissjoni u skont l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew.

  • 4.

    Negozjati

    In-negozjati jinfetħu wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill tal-UE.

    In-negozjati jsiru f’konferenzi intergovernattivi bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE u tal-pajjiż kandidat. L-acquis (il-korp tad-dritt tal-UE) huwa maqsum f’oqsma ta’ politika għall-organizzazzjoni effettiva tan-negozjati. (Bħalissa hemm 35 qasam ta’ politika jew “kapitolu”.)

    Il-Kunsill tal-UE jista’ jistabbilixxi parametri referenzjarji tal-ftuħ jew tal-għeluq għall-kapitoli jew għall-parametri referenzjarji kollha għal ċerti kapitoli speċifiċi. Deċiżjoni għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji hija bbażata fuq rapport tal-iskrinjar li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-iskrinjar għall-kapitoli individwali. Kapitolu jista’ jiġi magħluq b’mod provviżorju meta l-pajjiż kandidat juri li jkun diġà implimenta l-acquis ta’ kapitolu partikolari — jew li se jimplimentah sad-data ta’ adeżjoni u li ssodisfa l-parametri referenzjarji meta dawn ikunu ġew stabbiliti.

    Matul il-fażi ta’ qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni timmonitorja l-isforzi tal-pajjiż kandidat sabiex jimplimenta l-acquis. Hija tassisti wkoll lill-pajjiżi kandidati matul il-proċess bi strumenti ta’ finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni, bħat-TAIEX.

    Arranġamenti tranżizzjonali — il-partijiet jiddiskutu wkoll jekk (u kif) xi regoli jistgħu jiġu introdotti b’mod gradwali biex jippermettu lill-pajjiż tal-adeżjoni jew lill-Istati Membri (pajjiżi) tal-UE żmien biex jadattaw. Dan jiġi diskuss l-aktar matul l-istadji finali tan-negozjati.

    Il-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew matul il-proċess, b’mod partikolari permezz tal-pakketti ta’ tkabbir annwali magħmula minn dokument ta’ strateġija orizzontali fil-forma ta’ komunikazzjoni dwar il-politika tat-tkabbir u r-rapporti tal-pajjiżi. Dawn id-dokumenti jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjonijiet adottati mill-plenarja. Il-pajjiżi kandidati jfasslu wkoll programmi nazzjonali annwali fejn jevalwaw il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-kapitoli differenti tal-acquis.

  • 5.

    Adeżjoni

    Ladarba n-negozjati tal-adeżjoni jkunu twettqu wara l-għeluq finali tal-kapitoli kollha f’pakkett, konferenza tal-abbozzar tal-Istati Membri (pajjiżi) tal-UE tħejji u tiffinalizza trattat tal-adeżjoni. It-trattat tal-adeżjoni jrid jiġi approvat b’mod unanimu mill-Kunsill tal-UE u jrid jirċievi l-kunsens tal-Parlament Ewropew. It-trattat u mbagħad jiġi ffirmat minn kull Stat Membru tal-UE u mill-pajjiż tal-adeżjoni. Qabel ma jidħol fis-seħħ, it-trattat tal-adeżjoni jrid jiġi ratifikat minn kull Stat Membru tal-UE u mill-pajjiż tal-adeżjoni, skont il-proċeduri kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu VI — Dispożizzjonijiet finali — Artikolu 49 (ex Artikolu 49 tat-TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 43)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 2 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

l-aħħar aġġornament 17.01.2020

Top