Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Suq intern fil-qasam tal-elettriku (mill-2021)

Suq intern fil-qasam tal-elettriku (mill-2021)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tispjega r-regoli għall-ġenerazzjoni, għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni, għall-provvista u għall-ħżin tal-elettriku, flimkien ma’ aspetti mill-protezzjoni tal-konsumatur, bil-għan li jinħolqu swieq tal-elettriku kompetittivi, iffokati fuq il-konsumatur, flessibbli, ġusti, trasparenti u integrati fl-UE.
  • Fost affarijiet oħra, tinkludi regoli dwar is-swieq tal-konsumaturi għall-elettriku, filwaqt li r-Regolament (UE) 2019/943, li ġie adottat fl-istess ħin, prinċipalment jinkludi regoli dwar l-operat tas-suq tal-operaturi u tan-netwerk.
  • Mill-1 ta’ Jannar 2021 tħassar id-Direttiva 2009/72/KE (ara s-sommarju Suq intern għall-elettriku).

PUNTI EWLENIN

Drittijiet tal-konsumatur

Id-direttiva tikkjarifika u ssaħħaħ id-drittijiet eżistenti tal-konsumatur u tintroduċi oħrajn ġodda:

  • dritt li wieħed jagħżel liberament fornitur u restrizzjonijiet fuq it-tariffi ta’ bdil u terminazzjoni, għajr meta kuntratti bi prezz fiss għal terminu fiss jiġu tterminati qabel id-data tal-għeluq tagħhom;
  • dritt ta’ aċċess għal mill-inqas għodda waħda għat-tqabbil tal-prezzijiet li tissodisfa ċerti rekwiżiti ta’ fiduċja; għodod konformi mmexxija mill-privat jistgħu jingħataw marka ta’ fiduċja;
  • dritt li wieħed jingħaqad ma’ komunità tal-enerġija taċ-ċittadini filwaqt li jżomm id-drittijiet sħaħ tal-konsumatur, inkluż id-dritt li joħroġ mill-komunità mingħajr pieni;
  • dritt għal kuntratt bi prezzijiet dinamiċi (ibbażat fuq prezzijiet fis-suq spot jew ta’ ġurnata bil-quddiem) minn tal-anqas fornitur wieħed u kull fornitur b’aktar minn 200 000 klijent, u dritt li wieħed jingħata informazzjoni dwar l-opportunitajiet u r-riskji involuti;
  • dritt għal kuntratt ta’ aggregazzjoni indipendenti mill-provvista tal-elettriku;
  • dritt li wieħed jipproduċi, jikkonsma, jaħżen u jbiegħ l-elettriku, fuq bażi individwali jew permezz ta’ aggregatur*;
  • dritt li wieħed jitlob l-installazzjoni ta’ miter intelliġenti fi żmien 4 xhur, filwaqt li l-pajjiżi tal-UE għandhom jassiguraw l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti, għajr fejn għadu ma jitqiesx kosteffikaċi;
  • dritt tal-klijenti foqra fl-enerġija jew vulnerabbli għal ħarsien iffukat, iżda b’iffissar ta’ prezzijiet regolat permess biss taħt ċerti kundizzjonijiet;
  • dritt tal-klijenti li jkunu qed jiffaċċjaw skonnessjoni li jingħataw informazzjoni ferm qabel dwar alternattivi, bħal pjanijiet ta’ ħlas jew moratorju.

Kontijiet

  • Il-kontijiet għandhom ikunu ċari, korretti, konċiżi u ppreżentati b’mod li jagħmel it-tqabbil faċli.
  • L-informazzjoni tal-kontijiet għandha tkun ipprovduta tal-anqas kull 6 xhur jew darba kull 3 xhur, jekk mitluba, jew, fejn il-klijent finali għażel li jirċievi l-kontijiet b’mod elettroniku, u tal-anqas darba f’xahar jekk il-miters ikunu jistgħu jinqraw mill-bogħod.

Aggregaturi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jiżguraw li l-aggregaturi jistgħu joffru kuntratti ta’ aggregazzjoni lill-klijenti mingħajr ma dawn il-klijenti jkollhom jiksbu l-kunsens mingħand il-fornitur tagħhom;
  • jiżguraw il-parteċipazzjoni ġusta tal-aggregaturi f’kull suq tal-elettriku u li l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jittrattaw l-aggregaturi bl-istess mod bħal parteċipanti oħra fis-suq, inkluż meta jakkwistaw xi servizz;
  • jistabbilixxu regoli trasparenti li jassenjaw rwoli u responsabbiltajiet lill-parteċipanti kollha fis-suq u jistabbilixxu regoli għall-iskambju ta’ data bejn il-parteċipanti fis-suq;
  • jistabbilixxu regoli għall-kumpens bejn l-aggregaturi u l-fornituri fejn l-attivazzjoni tar-rispons tad-domanda tikkawża żbilanċ; dan il-kumpens għandu jkopri b’mod strett l-ispejjeż li jirriżultaw u l-kalkulazzjoni ta’ dan il-kumpens tista’ tqis il-benefiċċji sistemiċi tar-rispons tad-domanda.

Komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin

  • huma entitajiet ikkontrollati mill-azzjonisti jew mill-membri bbażati fuq parteċipazzjoni volontarja u miftuħa, li għandhom id-dritt li jinvolvu ruħhom fil-ġenerazzjoni, fid-distribuzzjoni, fil-provvista, fil-konsum, fis-servizzi ta’ effiċjenza fl-enerġija, fis-servizzi ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi, jew jipprovdu servizzi oħra tal-enerġija lill-membri jew lill-azzjonisti tagħhom;
  • għandhom id-dritt li jkunu konnessi ma’ grilji tad-distribuzzjoni u li jkunu ttrattati b’mod nondiskriminatorju f’termini ta’ regolazzjoni jew aċċess għas-swieq tal-elettriku kollha;
  • għandhom id-dritt li jaqsmu l-produzzjoni tal-elettriku tagħhom stess mal-membri tagħhom skont analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riżorsi tal-enerġija distribwita;
  • għandhom id-dritt, sa fejn permess mill-pajjiż tal-UE inkwistjoni, li jkunu s-sidien, jistabbilixxu, jixtru jew jikru netwerks ta’ distribuzzjoni soġġetti għar-regolamenti applikabbli.

Aċċess għad-data u interoperabbiltà

  • Id-direttiva taġġorna r-regoli dwar l-aċċess għal data dwar il-kejl u l-konsum/il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-operaturi tan-netwerks, mill-konsumaturi, mill-fornituri u mill-fornituri ta’ servizzi. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi regoli dwar l-interoperabbiltà fil-liġi sekondarja sabiex tiffaċilita l-iskambju tad-data.
  • Il-maniġers tad-data għandhom jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għad-data minn sistemi ta’ kejl intelliġenti filwaqt li jkunu konformi mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

Elettromobbiltà

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu qafas regolatorju biex jiffaċilitaw il-konnessjoni bejn il-punti ta’ ċċarġjar tal-vetturi elettriċi u n-netwerks tad-distribuzzjoni.
  • Id-DSOs jitħallew ikunu sidien ta’, jiżviluppaw, jimminaġġjaw jew joperaw punti ta’ ċċarġjar jekk l-ebda korp ieħor ma jesprimi interess fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, soġġetti għal approvazzjoni regolatorja u f’konformità mar-regoli dwar l-aċċess tal-partijiet terzi.

Operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSOs)*:

  • huma responsabbli mill-iżgurar tal-kapaċità fit-tul tas-sistema sabiex tissodisfa d-domandi għad-distribuzzjoni tal-elettriku, inkluża l-integrazzjoni kosteffiċjenti ta’ installazzjonijiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u speċjalment dawk li jipproduċu elettriku minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll mill-għoti tal-informazzjoni meħtieġa għall-aċċess effiċjenti u l-użu tas-sistema lill-utenti tas-sistema;
  • għandhom jippubblikaw pjanijiet ta’ żvilupp tan-netwerks li jistabbilixxu l-investimenti ppjanati għall-perjodu li ġej ta’ bejn 5 u 10 snin;
  • fejn parti minn impriża integrata vertikalment, għandha tkun indipendenti tal-anqas f’termini tal-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni;
  • mhumiex permessi jkunu sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw faċilitajiet tal-ħżin ħlief fejn ċerti rekwiżiti jkunu ssodisfati.

Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (TSOs)*:

  • għandhom jiżguraw il-kapaċità fit-tul tas-sistema sabiex tissodisfa d-domandi għat-trażmissjoni tal-elettriku, f’kooperazzjoni mill-qrib mat-TSOs u mad-DSOs ġirien.
  • għandhom jamministraw l-operat sigur tas-sistema inkluż li jżommu bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-elettriku.
  • mhumiex permessi jkunu sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, taħt kundizzjonijiet simili kif japplikaw għad-DSOs.

Regolaturi nazzjonali tal-enerġija:

Enerġija nadifa

Id-direttiva hija parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Id-Direttiva (UE) 2019/944 tirrevedi u tissostitwixxi d-Direttiva 2009/72/KE u għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Id-Direttiva 2009/72/KE oriġinali kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Aggregatur: persuna fiżika jew ġuridika li tikkombina t-tagħbijiet jew l-elettriku ġġenerat minn diversi klijenti għall-bejgħ, ix-xiri jew il-bejgħ bl-irkant fi kwalunkwe suq tal-elettriku.
Operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni: persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operat u mill-iżvilupp tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’żona, u l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, u mill-iżgurar tal-kapaċità fit-tul tas-sistema sabiex tissodisfa d-domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Operatur tas-sistema tat-trażmissjoni: persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli mill-operat u mill-iżvilupp tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku f’żona, u l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, u mill-iżgurar tal-kapaċità fit-tul tas-sistema sabiex tissodisfa d-domandi raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 125-199)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 1-21)

Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 22-53)

Ir-Regolament(UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 54-124)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1-77)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 82-209)

Id-Direttiva2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 55-93)

l-aħħar aġġornament 01.10.2019

Top