Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tnaqqis tat-tniġġiż tal-arja minn dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali

Tnaqqis tat-tniġġiż tal-arja minn dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2013/53/UE dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Taġġorna l-leġiżlazzjoni li tkopri d-disinn u l-manifattura ta’ opri b’magna u tal-ibburdjar.
  • Tfittex li tiżgura li, permezz tal-konformità mal-istess standards, ikun hemm kompetizzjoni ġusta għal dawn il-prodotti fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għall-manifatturi, importaturi u distributuri tal-inġenji tal-ilma, u tibni fuq il-leġiżlazzjoni adottata fl-2003, li inkludiet limiti fuq l-emissjoniijet tal-egżost minn magni (monossidu tal-karbonju, idrokarburi, ossidi tan-nitroġenu u partikulati) u l-livelli tal-ħoss sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi li rriżultaw fi prestazzjoni ambjentali mtejba.

Kategoriji ta’ disinn

Id-direttiva l-ġdida tispeċifika kategoriji tad-disinji (A, B, C u D) għal dgħajjes, ibbażati fuq l-adegwatezza għal kundizzjonijiet ta’ navigazzjoni bħal meded tal-forzi tar-riħ u l-għoli tal-mewġ sinifikanti.

Marka CE

L-inġenji tal-ilma, il-komponenti identifikati u l-magni ta’ propulsjoni kollha huma soġġetti għal marka CE, li tindika li prodott jikkonforma mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE. L-immarkar CE għandu jitwaħħal mal-plakka tal-manifattur tal-opra li titwaħħal separatament min-numru ta’ identifikazzjoni tal-opra fil-każ ta’ opri tal-ilma, u direttament fuq il-magna fil-każ ta’ magna ta’ propulsjoni.

Rekwiżiti essenzjali oħrajn jinkludu:

  • numru ta’ identifikazzjoni għal kull inġenju tal-ilma u rekwiżit li l-plakka tal-bennej tad-dgħajsa tkun dejjem preżenti;
  • il-ħtieġa li d-dgħajsa tkun iddisinjata biex timminimizza r-riskju li wieħed jaqa’ minn fuqha u li tippermetti tlugħ lura faċilment;
  • viżibbiltà tajba kullimkien madwarha għall-operatur, taħt kundizzjonijiet normali;
  • manwal miktub sabiex jakkompanja lid-dgħajjes kollha sabiex jiġi żgurat l-użu sikur tagħhom;
  • biżżejjed struttura, stabbilità u żgurar li żżomm f’wiċċ l-ilma skont il-kategorija tad-disinn tagħha;
  • apparat ta’ twaqqif ta’ emerġenza għal magni ta’ propulsjoni outboard ikkontrollati mil-laċċ.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1 dwar l-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma jikkjarifika d-definizzjonijiet tal-komponenti tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma. Huwa jintroduċi wkoll il-proċeduri għall-assenjazzjoni u l-amministrazzjoni tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma. Id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ standards armonizzati* relatati ma’ dgħajjes għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali jiġu ppubblikati u jiġu aġġornati regolarment (ara wkoll l-istandardizzazzjoni).

Revoka

Hija tirrevoka d-Direttiva 94/25/KE b’effett mit-18 ta’ Jannar 2016.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-18 ta’ Jannar 2016. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mit-18 ta’ Jannar 2016.

TERMINI EWLENIN

Standards armonizzati. Standards Ewropej adottati abbażi ta’ talba magħmula mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 90-131).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2013/53/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1 tat-3 ta’ Janna 2017 dwar proċeduri għall-identifikazzjoni tal-ilma skont id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali (ĠU L 1, 4.1.2017, pp. 1-5).

l-aħħar aġġornament 28.10.2022

Top