Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0413

    Kawża T-413/20: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2020 – Norddeutsche Landesbank – Girozentrale vs SRB

    ĠU C 271, 17.8.2020, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/54


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2020 – Norddeutsche Landesbank – Girozentrale vs SRB

    (Kawża T-413/20)

    (2020/C 271/69)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Norddeutsche Landesbank – Girozentrale (rappreżentanti: D. Flore u J. Seitz, avukati)

    Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-15 ta’ April 2020 (SRB/ES/2020/24), inklużi l-annessi tagħha, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għas-sena 2020 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni kif ukoll id-dettalji tal-kalkolu, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi segwenti:

    1.

    L-ewwel motiv: ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

    Il-konvenut naqas milli jisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u b’hekk kiser l-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2.

    It-tieni motiv: ksur tar-regoli proċedurali

    Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali ġenerali li joħorġu mill-Artikolu 41 tal-Karta, mill-Artikolu 298 TFUE, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mir-regoli proċedurali tal-konvenut.

    Fost l-oħrajn, ir-rikorrenti ma tistax tivverifika jekk fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kinux osservati t-termini għall-proċedura bil-miktub.

    3.

    It-tielet motiv: motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

    Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti; b’mod partikolari, la hemm motivazzjoni li tindirizza l-każ partikolari inkwistjoni u lanqas ma hemm espożizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest tal-proporzjonalità/tas-setgħa diskrezzjonali.

    Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jinftiehem kif sar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali.

    Għal raġunijiet legali u fattwali, l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni ma tistax tiġi rrimedjata bid-deċiżjoni tal-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (l-Awtorità Federali għas-Superviżjoni Finanzjarja, il-Ġermanja).

    4.

    Ir-raba’ motiv: ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47(1) tal-Karta) minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ

    Minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ferm iktar diffiċli għar-rikorrenti li tikseb stħarriġ ġudizzjarju tagħha. B’hekk, għar-rikorrenti huwa prattikament impossibbli li tiżviluppa motivi speċifiċi u li tikkontesta r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    B’dan il-mod, il-konvenut jikser b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja li jipprovdi li l-parteċipanti fil-proċedura għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-fatti kif ukoll l-aspetti legali li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura.

    5.

    Il-ħames motiv: l-applikazzjoni tal-indikatur IPS (Institutional Protection Scheme) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 (1) tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

    Fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 bħala att iddelegat fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni ma għandha ebda marġni diskrezzjonali, u dan jimplika stħarriġ ġudizzjarju limitat. Dan jgħodd ukoll għall-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 min-naħa tal-konvenut.

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-indikatur IPS, is-sinjifikat tal-fatt li r-rikorrenti kienet imsieħba f’sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali kien magħruf bħala kriterju importanti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni, b’tali mod li t-tqassim fi tliet kategoriji u l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-kategorija bl-iktar profil ta’ riskju għoli huma żbaljati.

    Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-konvenut kien imissu ħa inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni u, għalhekk, tal-użu tal-fondi ta’ riżoluzzjoni.

    Il-konvenut kiser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tat-tqassim tal-kategoriji u tal-attribuzzjoni tal-fattur ta’ aġġustament għall-indikatur IPS.

    6.

    Is-sitt motiv: l-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

    L-applikazzjoni min-naħa tal-konvenut tal-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju li għandu jiġi ddeterminat skont l-istadju 6 tal-Anness I u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tmur kontra l-prinċipju ta’ orjentament fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju.

    Id-determinazzjoni tal-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju fil-valur ta’ 1,388146345995 jew 1,384564814222 tikkostitwixxi wkoll ksur tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta.

    7.

    Is-seba’ motiv (sussidjarju): it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 hija illegali għaliex l-aġġustament tal-indikatur IPS bl-indikatur ta’ riskju ta’ “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, tmur kontra l-prinċipju ta’ koerenza fi ħdan sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali previst fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u b’hekk twassal għal inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex ġustifikata bejn istituzzjonijiet differenti li huma msieħba f’sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-indikaturi tar-riskju addizzjonali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament ta’ delega ttieħdu inkunsiderazzjoni diversi drabi.


    (1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

    (2)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2).


    Top