Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CA0534

    Kawża C-534/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas–26 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky – is–Slovakkja) – Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky vs BB construct s. r. o. (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Inklużjoni fir-reġistru tal-persuni taxxabbli għall-VAT — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-għoti ta’ garanzija — Ġlieda kontra l-frodi — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Libertà ta’ intrapriża — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività)

    ĠU C 437, 18.12.2017, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 437/14


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas–26 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky – is–Slovakkja) – Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky vs BB construct s. r. o.

    (Kawża C-534/16) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Inklużjoni fir-reġistru tal-persuni taxxabbli għall-VAT - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-għoti ta’ garanzija - Ġlieda kontra l-frodi - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Libertà ta’ intrapriża - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Prinċipju ta’ ne bis in idem - Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività))

    (2017/C 437/17)

    Lingwa tal-kawża: is–Slovakk

    Qorti tar-rinviju

    Najvyšší súd Slovenskej republiky

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky

    Konvenuta: BB construct s.r.o.

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li, matul ir-reġistrazzjoni għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ persuna taxxabbli, li l-amministratur tagħha kien preċedentement l-amministratur jew l-assoċjat ta’ persuna ġuridika oħra li ma kinitx osservat l-obbligi fiskali tagħha, l-uffiċċju tat-taxxa jitlob lil din il-persuna taxxabbli tagħti garanzija li l-ammont tagħha jista’ jilħaq EUR 500 000, sakemm il-garanzija mitluba mill-imsemmija persuna taxxabbli ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 273, u dan huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

    2)

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-uffiċċju tat-taxxa milli jitlob mingħand persuna taxxabbli ġdida, matul ir-reġistrazzjoni tagħha għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, li tagħti tali garanzija minħabba l-konnessjonijiet tagħha ma’ persuna ġuridika oħra li għandha arretrati tat-taxxa.


    (1)  ĠU C 22, 23.01.2017.


    Top