Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0412

    Kawża C-412/12: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

    ĠU C 366, 24.11.2012, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/24


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

    (Kawża C-412/12)

    2012/C 366/43

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Zavvos, aġent, D. Düsterhaus, aġent)

    Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

    Talbiet tar-rikorrenti

    tikkonstata li r-Repubblika ta’ Ċipru naqset millli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (1), tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], peress li s-siti kollha ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart li kienu qegħdin joperaw fit-territorju Ċiprijott ma ngħalqux jew saru konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva;

    tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, it-terrafermi eżistenti li fil-mument tat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt nazzjonali kienu diġà qegħdin joperaw jistgħu jkomplu jiffunzjonaw biss jekk il-miżuri meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ewropea ittieħdu sas-16 ta’ Lulju 2009; inkella, huma għandhom jingħalqu.

    L-awtoritajiet Ċiprijotti stess irrikonoxxew li, mill-115-il sit ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart (li, minħabba n-natura “mhux ikkontrollata” tal-eliminazzjoni u tal-ġestjoni tal-iskart, ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, u b’hekk ma jistgħux ikomplu jiffunzjonaw) li qabel kienu joperaw fit-territorju Ċiprijott, tnejn għadhom joperaw fil-provinċji ta’ Nikosija u ta’ Limassol u ma humiex qegħdin jistennew li se jingħalqu qabel nofs l-2015 jew il-bidu tal-2016.

    Huwa nnutat li kien hemm xi titjib fil-ġestjoni tal-iskart fit-territorju Ċiprijott, titjib li madankollu seħħ b’dewmien kbir, peress li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, il-miżuri meħtieġa kellhom jittieħdu sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2009 u, minkejja dan, kif l-awtoritajiet Ċiprijotti jammettu, żewġ siti ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart għadhom jiffunzjonaw mingħajr kontroll, u għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva għadu jseħħ u ma hemmx stennija li dan se jieqaf qabel it-tliet snin li ġejjin.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228.


    Top