Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0526

    Kawża T-526/11: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Ottubru 2011 — Igcar Chemicals vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    ĠU C 347, 26.11.2011, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/41


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2011 — Igcar Chemicals vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    (Kawża T-526/11)

    2011/C 347/74

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Igcar Chemicals, SL (Rubí, Spanja) (rappreżentant: L. Fernández Vaissieres, avukat)

    Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddeċiedi li r-rikors huwa fondat u ammissibbli;

    tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonċerna fattura mibgħuta għal ħlaisjiet amministrattivi u tannulla l-imsemmi fattura;

    tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors jirreferi għad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“ECHA”) numru SME (2011) 0572, tat-3 ta’ Awwissu 2011, u konsegwentement l-annullament tal-fattura tal-ħlasijiet amministrattivi (Nru tal-kont 10028302, tal-5 ta’ Awwissu 2011).

    F’dan ir-rigward jitfakkar li l-impriża rikorrenti kienet f’dak iż-żmien irreġistrat minn qabel divesi sustanzi li hija kellha l-intenzjoni li tirreġistra. Qabel din ir-reġistrazzjoni, hija kienet ġiet irreġistrata b’mod żbaljat bħala impriża ta’ daqs żgħir.

    F’Ġunju 2011, abbażi tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-ħlasijiet”, l-Aġenzija talbet lir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi li kellha dritt għat-tnaqqis tal-ħlas ta’ reġistrazzjoni li kienet ġie applikat għaliha. Ir-rikorrenti rrispondiet billi sostniet li d-daqs tagħha jikkorrispondi għal dak ta’ kumpannija ta’ daqs medju, fatt li kien ittieħed inkunsiderazzjoni u kkoreġut fis-sistema REACH-IT b’mod volontarju u qabel ma kienet saret it-talba msemmija iktar ’il fuq tal-ECHA.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tiddelega lill-ECHA l-impożizzjoni ta’ ħlas amministrattiv u min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-ECHA sabiex tadotta d-deċiżjoni MB/29/2010 tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha, tat-12 ta’ Novembru 2010 (“on the classification of services for which services are levied”).

    Ir-rikorrenti ssostni fuq dan il-punt li, billi stabbiliet fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament dwar il-ħlasijiet li l-ECHA titlob ħlas amministrattiv differenti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni, li huwa l-uniku wieħed awtorizzat mid-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-ECHA, il-Kummissjoni tmur lil hinn minn dak li jippermettu dawn id-dispożizzjonijiet, u dwar dan il-punt, l-Artikolu 114 TFUE ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi bbażata fuqu l-kompetenza tal-Kummissjoni jew tal-ECHA.

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq id-delega illegali ta’ setgħat li jinsabu fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament dwar il-ħlasijiet

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tħalli għad-diskrezzjoni tal-ECHA l-iffissar ta’ ħlas amministrattiv, mingħajr ma tiddefinixxi l-għanijiet, il-kontenut, il-portata u t-tul tiegħu, peress li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni MB/29/2010 u b’mod partikolari t-tabella 1 tal-anness tagħha huma vvizzjati b’illegalità.

    (3)

    It-tielet motiv, ibbażat fuq in-natura punittiva tad-Deċiżjoni MB/29/2010

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, għalkemm skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament bażiku tal-ECHA, l-aġenzija tista’ titlob ħlas għas-servizzi li tipprovdi, skont l-Artikolu 74(3) tal-istess test, il-ħlasijiet u s-sorsi l-oħra ta’ dħul tal-aġenziji għandhom jiġu ddeterminati b’mod li jiggarantixxi li dawn ikunu biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti. Madankollu, ħlas amministrattiv ta’ ammont fiss ta’ EUR 14 500 ma jistax jiġi ġġustifikat bix-xogħol ta’ verifika tal-ECHA, peress li dan l-ammont huwa għoli b’mod sproporzjonat meta pparagunat mas-servizzi pprovduti. Min-naħa l-oħra, dawn il-ħlasijiet amministrattivi fil-verità għandhom natura ta’ sanzjoni.

    (4)

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li s-sistema REACH-IT ma toffrix biżżejjed informazzjoni lill-impriżi sabiex ikunu jafu s-sanzjonijiet li esponew ruħhom għalihom fir-rigward tad-dmir ta’ verfika tagħhom dwar id-daqs tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-aġenzija ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ natura intenzjonali tar-rikorrenti, kif ukoll il-korrezzjoni volontarja tal-iżball imwettaq.

    (5)

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-iffissar tal-ħlasijiet amministrattivi inkwistjoni.


    Top