Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0678

    Kawża C-678/11: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    ĠU C 73, 10.3.2012, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 73/20


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    (Kawża C-678/11)

    2012/C 73/35

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u F. Jimeno Fernández, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

    Talbiet tar-rikorrenti

    tikkonstata li, billi adotta u żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 46(c) tat-test ikkodifikat tal-Liġi li tirregola l-iskemi u l-fondi ta’ pensjonijiet, fl-Artikolu 86 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 6/2004, tad-29 ta’ Ottubru, li japprova r-reviżjoni tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u s-superviżjoni tal-assigurazzjonijiet privati, fl-Artikolu 10 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 5/2004 li japprova r-reviżjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni mhux residenti u fl-Artikolu 47 tal-Liġi Fiskali Ġenerali Nru 58/2003, tas-17 ta’ Diċembru, li skonthom il-fondi ta’ pensjoni barranin stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja kif ukoll il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li joperaw fi Spanja fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fost oħrajn, huma obbligati li jinnominaw rappreżentant fiskali residenti fi Spanja, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 TFUE (ex Artikolu 49 TKE) u taħt l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    (1)

    Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola jobbligaw lill-persuni taxxabbli mhux residenti li jinnominaw rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. Fil-prattika, dan l-obbligu huwa impost fuq il-fondi ta’ pensjoni barranin stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja kif ukoll fuq il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    (2)

    Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li jiġi nnominat rappreżentant fiskali residenti fi Spanja fil-każijiet iċċitati iktar ’il fuq jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li dan jimponi piż addizzjonali fuq l-entitajiet u l-persuni fiżiċi kkonċernati, li ma għandhom ebda għażla oħra ħlief li jirrikorru għas-servizzi ta’ rappreżentant. Dan jikkostitwixxi wkoll ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-persuni u tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jixtiequ jipproponu servizzi ta’ rappreżentanza fiskali lil entitajiet jew lil persuni fiżiċi attivi fi Spanja.

    (3)

    Din il-leġiżlazzjoni tikser l-Artikoli 56 TFUE (ex Artikolu 49 TKE) u 36 tal-Ftehim ŻEE.


    Top