This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009TN0340
Case T-340/09: Action brought on 19 August 2009 — Evropaïki Dynamiki v Publications Office of the European Union
Kawża T-340/09: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Awwissu 2009 — Evropaïki Dynamiki vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża T-340/09: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Awwissu 2009 — Evropaïki Dynamiki vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej
ĠU C 267, 7.11.2009, p. 73–74
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/73 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2009 — Evropaïki Dynamiki vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-340/09)
2009/C 267/133
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-OPOCE li tiċħad l-offerti tar-rikorrenti, ippreżentata b’risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti Nru 10017 “CORDIS” Lott B “Servizzi Editorjali u ta’ Pubblikazzjoni” u Lott C “Provvista ta’ Servizzi Ġodda ta’ Informazzjoni Diġitali” u li tagħżel l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b’risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti Nru 10017 “CORDIS” Lott E “Żvilupp u Manteniment ta’ Servizzi Ċentrali”, għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku, bħala t-tielet kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata (ĠU 2008/S 242-321376 corrigendum fil-ĠU 2009/S 40-057377), ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2009 u d-deċiżjonijiet ulterjuri kollha relatati tal-OPOCE inkluża dik li l-kuntratti rispettivi jingħataw lill-kuntratturi li l-offerta tagħhom irnexxiet; |
— |
tikkundanna lill-OPOCE jħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti minħabba l-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta’ EUR 7 215 405 (EUR 5 291 935 għal-Lott B, EUR 975 000 għal-Lott C u EUR 948 470 għal-Lott E); |
— |
tikkundanna lill-OPOCE għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti u spejjeż oħra inkorsi fir-rigward ta’ dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-OPOCE li (a) tiċħad l-offerti tar-rikorrenti, ippreżentati b’risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti Nru 10017 “CORDIS” Lott B “Servizzi Editorjali u ta’ Pubblikazzjoni” u Lott C “Provvista ta’ Servizzi Ġodda ta’ Informazzjoni Diġitali”, (b) tagħżel l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b’risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti Nru 10017 “CORDIS” Lott E “Żvilupp u Manteniment ta’ Servizzi Ċentrali”, għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku, bħala t-tielet kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata (ĠU 2008/S 242-321376 kif emendat bil-ĠU 2009/S 40-057377).
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-Lott B, li t-trattament bejn l-offerenti kien diskriminatorju, peress li wieħed mill-membri tal-konsorzju li ntgħażel ma kienx jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni u, għaldaqstant, kellu jiġi ddikjarat li kien serjament kiser l-obbligi kuntrattwali tiegħu fir-rigward tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 93(1)(f) u 94 tar-Regolament Finanzjarju (1) u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ġew miksura mill-awtorità kontraenti u li l-Kummissjoni kellha timponi s-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikoli 133a u 134b tar-regoli tal-implimentazzjoni tagħha (2).
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti naqset milli tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom l-offerta tal-offerent li ntgħażel ġiet meqjusa bħala aħjar minn tagħha.
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet numru ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta eżaminat l-offerta tagħha u ssostni li hija kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta introduċiet kriterji ġodda għall-għoti tal-kuntratti li ma kinux indikati fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-awtorità kontraenti kisret l-Artikolu 148(1) u (3) tar-regoli ta’ implimentazzjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
Fir-rigward tal-Lott C, ir-rikorrenti sostni li t-trattament bejn l-offerenti kien diskriminatorju peress li wieħed mill-membri tal-konsorzju li ġie t-tielet fil-mekkaniżmu kaskata ma kienx jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni u, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu kellu jiġi ddikjarat li kien serjament kiser kuntratti preċedenti. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti naqset milli tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom l-offerta tal-offerent li ntgħażel ġiet meqjusa bħala aħjar minn tagħha, u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
Fir-rigward tal-Lott E, ir-rikorrenti tallega li wieħed mill-membri tal-konsorzju li ntgħażel ma kienx jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni u li, fir-rigward tiegħu, kellu jiġi ddikjarat li kien serjament kiser kuntratt preċedenti u li membru ieħor tal-istess konsorzju kellu jiġi eskluż mis-sejħiet għal offerti kollha għal sentejn peress li nstab ħati ta’ attivitajiet illegali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li wieħed mill-membri tal-konsorzju li ntgħażel uża kuntratturi li mhumiex membri tad-WTO/GPA (3), u b’hekk kiser l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-Artikoli 106 u 107 tar-Regolament Finanzjarju. Ir-rikorrenti ssostni li kumpanniji li mhumiex membri tad-WTO/GPA la għandhom jitħallew jipparteċipaw, u lanqas għandhom jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti tal-Istituzzjonijiet Ewropej direttament jew indirettament, u lanqas għandhom iwettqu xogħol bħala subkuntratturi li jaqgħu taħt ir-Regolament Finanzjarju jew id-Direttiva 2004/18/KE (4).
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti naqset milli tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, wettqet numru ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, introduċiet kriterji ġodda għall-għoti tal-kuntratti li ma kinux indikati fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u li, fl-evalwazzjoni tal-offerta tagħha u dik ta’ offerent ieħor, kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007 (ĠU 2007 L 111, p. 13)
(3) Ftehim Multilaterali dwar l-Akkwisti Pubbliċi konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(4) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU 2004 L 134, p. 114)