This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009TN0170
Case T-170/09: Action brought on 24 April 2009 — Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener and Shanghai Prime Machinery v Council
Kawża T-170/09: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ April 2009 — Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener and Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill
Kawża T-170/09: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ April 2009 — Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener and Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill
ĠU C 153, 4.7.2009, p. 45–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.7.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 153/45 |
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2009 — Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener and Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill
(Kawża T-170/09)
2009/C 153/89
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener (Shanghai, iċ-Ċina) u Shanghai Prime Machinery (Shanghai, iċ-Ċina) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u Y. Melin, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, safejn:
|
— |
tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
Rigward l-ewwel talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ġie miksur minħabba li d-deċiżjoni ta’ trattament ta’ kumpannija bħala li topera f’ekonomija tas-suq (“TES”) ġiet ikkomunikata wara t-terminu ta’ tlett xhur stabbilit f’dan l-Artikolu, u wara li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni essenzjali kollha sabiex tikkalkula l-marġini ta’ dumping tar-rikorrenti.
Rigward it-tieni talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat huwa bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) minħabba li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal TES minkejja li r-rikorrenti kienu wrew li jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom purament fuq ir-reazzjoni għas-sinjali li joħorġu mis-suq mingħajr ebda intervent mill-Istat. Skont ir-rikorrenti r-regolament ikkontestat naqas milli jidentifika kwalunkwe fatt li seta’ jindika interferenza mill-Istat qabel, matul jew wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti barra minn hekk isostnu, rigward it-tielet talba tagħhom, li r-regolament ikkontestat huwa bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) minħabba li jiċħad it-talba tar-rikorrenti għal TES wara li r-rikorrenti kienu ssodisfaw l-oneru tal-prova tagħhom u wrew li l-ispejjeż ta’ inputs maġġuri jirriflettu valuri tas-suq.
Rigward ir-raba’ talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatti tal-każ ma ġewx eżaminati b’attenzjoni u imparzjalità. Iktar preċiżament, il-konklużjoni li l-prezzijiet fiċ-Ċina ta’ materjali mhux maħduma kienu distorti minħabba sussidji, li intużaw bħala bażi għall-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti ma xtrawx input skont il-valur tas-suq, kienet ibbażata fuq informazzjoni insuffiċjenti u li l-Kummissjoni ma evalwatx biżżejjed l-evidenza rigward is-settur tal-azzar fiċ-Ċina.
Rigward il-ħames talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipji ġenerali tal-liġi KE u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni xierqa, stabbilit ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minħabba li ġie impost fuqhom oneru ta’ prova mhux raġonevoli sabiex juru li jeżistu kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 2(7)(b).
Rigward is-sitt talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat huwa bi ksur tar-regolament bażiku kontra s-sussidji minħabba li uża ċ-ċaħda ta’ TES f’investigazzjoni ta’ anti-dumping sabiex jikkompensa għal sussidji li setgħu jiġu indirizzati mir-Regolament bażiku kontra s-sussidji wara investigazzjoni xierqa.
Rigward it-tmien talba tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li ma hemm l-ebda bażi legali sabiex ikun miċħud aġġustament tal-valur normali ibbażat fuq l-argument li l-prezz ta’ materjali mhux maħduma, kuntrarjament għar-raġunijiet mogħtija mill-istituzzjoni tal-UE sabiex tiċħad it-talba tagħhom għal aġġustament taħt l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.
Rigward id-disa’ talba, ir-rikorrenti jsostnu li fid-dokument definittiv li kien jipproponi l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, il-Kummissjoni sempliċement irrepetiet fi kliem ieħor l-istess argument użat fid-dokument TES, mingħajr ma analizzat l-evidenza pprovvduta u mingħajr ma tat raġunijiet għaċ-ċaħda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma pprovda l-ebda raġuni sabiex tikkonferma ċ-ċaħda tal-evidenza provvduta mir-rikorrenti.
Fl-aħħar nett, rigward l-aħħar talba, ir-rikorrenti jsostnu li d-dritttijiet ta’ difiża tagħhom ġew miksura, minħabba li huma kienu ostakolati milli jaċċedu għal informazzjoni essenzjali rigward il-kalkolu ta’ marġini ta’ valur normali u ta’ dumping.