This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CN0050
Case C-50/09: Action brought on 4 February 2009 — Commission of the European Communities v Ireland
Kawża C-50/09: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Frar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda
Kawża C-50/09: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Frar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda
ĠU C 82, 4.4.2009, p. 19–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 82/19 |
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Frar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda
(Kawża C-50/09)
(2009/C 82/35)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Oliver, C. Clyne, J.-B. Laignelot, aġenti)
Konvenuta: L-Irlanda
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
— |
tiddikjara li billi naqset milli tittrasponi l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (1) tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent kif emendata; |
— |
tiddikjara li billi naqset milli tiżgura li, fejn l-awtoritajiet tal-ippjanar tal-Irlanda u l-Aġenzija għall-Ħarsien Ambjentali it-tnejn għandhom poteri deċiżjonali fuq proġett, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dik id-Direttiva jkunu kompletament issodisfatti; |
— |
tiddikjara li billi eskludiet ix-xogħolijiet ta' twaqqigħ mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni tagħha li tittrasponi din id-Direttiva, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-Direttiva. |
— |
tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Nuqqas ta' traspożizzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 173 tal-Planning and Development Regulations 2000, li jirrikjedi l-awtoritajiet tal-ippjanar sabiex jikkunsidraw dikjarazzjoni ta' impatt ambjentali (EIS) u informazzjoni li toriġina minn konsulenti, jirrigwarda l-obbligu taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 173 ma jikkorispondix għall-obbligu iktar wiesgħa taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva li jiżgura li stima tal-impatt ambjentali (EIA) tidentifika, tiddeskrivi u tistma l-kwistjonijiet kollha mniżżla f'din id-dispożizzjoni.
Fir-rigward tal-Artikoli 108 u 111 u l-Iskeda 6 tal-Planning and Developments Regulations 2001, il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. L-Artikolu 94 moqri flimkien mal-Iskeda 6.2(b) jipprovdi l-informazzjoni li EIS għandha tikkontjeni. Din hija referenza għall-informazzjoni li min jiżviluppa għandu jipprovdi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva; għalhekk din għandha tiġi distinta mill-EIA li hija l-proċess ġenerali ta' stima. L-Artikoli 108 u 111 jirrikjedu l-awtoritajiet tal-ippjanar sabiex jikkunsidraw l-adegwatezza ta' EIS. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-Artikolu 5 tad-Direttiva iżda mhumiex sostitut għal traspożizzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn min jiżviluppa hija parti waħda biss minn EIA u dispożizzjonijiet li jirrigwardaw tali informazzjoni mhumiex sostitut għall-obbligu mniżżel fl-Artikolu 3.
Nuqqas milli tirrikjedi koordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet
Għalkemm il-Kummissjoni ma toġġezzjonax bħala regola għal poteri deċiżjonali f'diversi stadji jew responsabbiltà deċiżjonali għall-istess proġett li huwa maqsum bejn numru ta' organi li jieħdu d-deċiżjonijiet, hija għandha xi riservi fir-rigward tal-mod preċiż li bih l-obbligi huma kkostitwiti fuq id-diversi organi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Irlandiża ma fiha ebda obbligu fuq organi li jieħdu deċiżjonijiet sabiex jikkordinaw ma' xulxin b'mod effettiv u hija, għalhekk, kuntrarja għall-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva.
Nuqqas milli tapplika d-Direttiva għal xogħolijiet ta' twaqqigħ
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, fejn il-kundizzjonijiet l-oħra mniżżla fid-Direttiva huma ssodisfatti, għandu jsir EIA għax-xogħolijiet ta' twaqqigħ. L-Irlanda ppruvat teżenta kważi x-xogħolijiet kollha ta' twaqqigħ permezz tal-Planning and Development Regulations 2001 (Skeda 2, parti I, Klassi 50). Fis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, dan immur, b'ċar kontra d-Direttiva.
(1) ĠU L 175, p. 40.