Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0088

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi

COM/2025/88 final

Brussell, 5.3.2025

COM(2025) 88 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi


Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi

1. Għaliex jeħtieġ li nieħdu azzjoni

Il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa jibdew b’ħiliet bażiċi b’saħħithom. Il-ħiliet bażiċi jirfdu kompetenzi oħra, bħall-kreattività u l-ħsieb kritiku, kif ukoll l-apprendiment ulterjuri, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fost l-adulti. Dawn huma kruċjali għall-innovazzjoni, biex jiġi ġġenerat għarfien ġdid u biex jiġi adattat għal ambjent li qed jinbidel. Il-profiċjenza fil-ħiliet tal-qari, tan-numeriżmu u tax-xjenza 1 , iżda wkoll fil-ħiliet diġitali u taċ-ċittadinanza hija vitali biex persuna tiżviluppa bħala individwu, tinnaviga l-kumplessitajiet tal-ħajja ta’ kuljum u ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u tipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà, fil-ħajja demokratika u fl-ekonomija. Il-ħiliet bażiċi jiffurmaw il-pedament biex l-individwi jsiru ċittadini indipendenti, infurmati u ppreparati aħjar, impenjati u attivi, u b’hekk jikkontribwixxu għas-salvagwardja tad-demokrazija u l-valuri fundamentali tagħna, f’kuntest ta’ polarizzazzjoni politika li qed tikber, tnaqqis fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet u żieda fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni. In-nuqqas ta’ dawn il-ħiliet huwa telfa mhux biss għall-individwu iżda wkoll għas-soċjetajiet Ewropej tagħna.

Hemm wisq pajjiżi tal-UE li ilhom deċennji jiffaċċjaw tnaqqis fil-livelli tal-ħiliet bażiċi fost l-istudenti. Bejn wieħed u ieħor waħda minn kull tliet persuni ta’ 15-il sena ssibha diffiċli biex tifhem u tapplika l-matematika f’sitwazzjonijiet tal-ħajja reali u fl-ambjenti ta’ tagħlim, u waħda minn kull erbgħa ma tifhimx testi bażiċi jew ma jirnexxilhiex tapplika għarfien xjentifiku sempliċi 2 . Meta mqabbla mal-Kanada, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, l-UE għandha rata tal-aqwa prestazzjoni aktar baxxa fil-qari u x-xjenza, u t-tieni l-aktar baxxa fil-matematika, li thedded serjament il-kapaċità tal-innovazzjoni u l-kompetittività fit-tul tal-UE. Il-problemi jibdew kmieni, b’wisq studenti tal-iskola primarja jsibu diffikultà, u ftit wisq li jeċċellaw fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza 3 . Mhux anqas minn 43 % ta’ dawk li qegħdin fit-tmien sena bi progress insuffiċjenti fil-ħiliet diġitali bażiċi 4 u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi juru tnaqqis jew l-ebda titjib meta mqabbla mas-snin preċedenti. F’paragun globali, l-UE għadha lura sew meta mqabbla mal-ekonomiji Asjatiċi bl-aħjar prestazzjoni. Barra minn hekk, diversi pajjiżi tal-UE rreġistraw tnaqqis fl-għarfien ċiviku ta’ dawk li qegħdin fit-tmien sena bejn l-2016 u l-2022 5 .

Il-ħiliet bażiċi insuffiċjenti fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) u fost l-adulti huma daqstant ieħor inkwetanti. Id-distakk bejn l-istudenti tal-VET u dawk fl-edukazzjoni sekondarja ġenerali huwa evidenti fil-matematika u l-qari. Dan jaggrava n-nuqqas persistenti ta’ gradwati kwalifikati tal-VET f’ċerti okkupazzjonijiet STEM. Wieħed minn kull ħames adulti fl-età tax-xogħol fl-UE jsibha diffiċli biex jaqra u jikteb, u d-distakk fil-ħiliet bażiċi bejn l-adulti bl-aktar prestazzjoni baxxa u dik bl-aqwa prestazzjoni kiber fil-pajjiżi. 6 Minkejja li 90 % tal-impjiegi kollha jeħtieġu mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi, 56 % biss tal-popolazzjoni adulta tal-UE għandha dak il-livell ta’ ħiliet diġitali jew ogħla 7 – li huwa ferm inqas mill-mira għall-2030 ta’ 80 % 8 .

Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jindirizzaw id-diskrepanza fil-ħiliet bażiċi. Fl-2024, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal 15-il Stat Membru tal-UE biex jittejbu l-livelli ta’ ħiliet bażiċi. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jwieġeb kemm għat-tnaqqis fil-prestazzjoni fil-ħiliet bażiċi fost l-istudenti tal-iskola u l-istudenti adulti kif ukoll għas-sejħiet għal enfasi akbar fuq il-ħiliet bażiċi fir-rapporti ta’ Draghi 9 u ta’ Letta 10 , li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ fokus fuq l-istadji kollha tal-edukazzjoni u l-ġenerazzjonijiet kollha, anke fil-kuntest ta’ forza tax-xogħol li qed tiċkien minħabba x-xejriet demografiċi.

Il-pjan huwa inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Ħiliet u jikkomplementa l-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM. Huwa jipproponi passi konkreti fuq terminu qasir sa medju biex l-UE u l-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet għat-titjib tal-ħiliet bażiċi u jippromwovu l-eċċellenza, mill-ewwel snin sal-edukazzjoni skolastika u l-apprendiment għall-adulti.

2. Is-sett ta’ ħiliet bażiċi

Il-litteriżmu

Il-kapaċità li wieħed jifhem, juża, jevalwa, jirrifletti bil-fomm u bil-kitba bl-użu ta’ materjali viżivi, awdjo u diġitali fid-dixxiplini u l-kuntesti kollha.

Il-matematika

Il-kapaċità li wieħed jirraġuna matematikament u jifformula, juża u jinterpreta l-matematika biex isolvi problemi f’sitwazzjonijiet tad-dinja reali u jagħmel ġudizzji u deċiżjonijiet fondati bbażati fuq id-data.

       

Ix-xjenza

Il-kapaċità li wieħed jittratta kwistjonijiet u ideat relatati max-xjenza bħala individwu riflessiv. Din teħtieġ ħiliet bħall-ispjegazzjoni tal-fenomeni xjentifikament, l-evalwazzjoni u t-tfassil ta’ stħarriġ xjentifiku, u l-interpretazzjoni tad-data u tal-evidenza.

Id-diġitali

L-interazzjoni kunfidenti, kritika u responsabbli mat-teknoloġiji diġitali għall-apprendiment, il-ħidma u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Din tinkludi l-litteriżmu fl-informazzjoni, il-komunikazzjoni, il-litteriżmu medjatiku, il-ħolqien tal-kontenut diġitali, is-sikurezza online u l-benesseri diġitali.

Iċ-ċittadinanza

Il-kapaċità li wieħed jaġixxi b’mod responsabbli u jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja ċivika, abbażi ta’ fehim tal-istrutturi soċjali, ekonomiċi, legali u politiċi. Din tinvolvi l-fehim u l-evalwazzjoni tal-kunċetti, l-istituzzjonijiet u l-proċessi ċiviċi u demokratiċi, inklużi d-demokrazija, il-litteriżmu medjatiku, it-tħejjija għall-kriżijiet u r-rispett ta’ oħrajn u l-libertà tal-kelma.

Sors: OECD: PISA 2022 Assessment and Analytical Framework, PISA 2018 Assessment and Analytical Framework and PISA 2015 Assessment and Analytical Framework (for literacy, math, and science); Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għall-apprendiment tul il-ħajja (għad-diġitali u ċ-ċittadinanza); IEA (2023), International Computer and Information Literacy Study (għad-diġitali); IEA (2022), International Civic and Citizenship Education Study (għaċ-ċittadinanza).

Il-ħiliet bażiċi huma l-pedament tal-kompetenzi ewlenin għall-apprendiment tul il-ħajja. 11 Iż-żieda fil-livelli ġenerali tal-ħiliet bażiċi hija kemm dwar iż-żieda tal-ogħla prestazzjoni, kif ukoll dwar l-iżgurar li l-istudenti kollha, inklużi dawk b’diżabilità u minn sfond żvantaġġat, jitilqu mill-iskola b’ħiliet bażiċi suffiċjenti u li l-adulti jilħqu livell adegwat ta’ profiċjenza.

Il-litteriżmu huwa fundamentali għall-apprendiment kollu. L-iżvilupp bikri tal-lingwa jiddetermina bil-kbir il-kapaċità tal-qari fil-futur, iżda aktar u aktar tfal jibdew l-iskola bi profiċjenza limitata fil-lingwa nattiva tagħhom jew fil-lingwa tal-iskola. Il-qari qed jinbidel minn testi tradizzjonali bbażati fuq il-karti u twal għal kontenut diġitali u mqassar, u b’hekk titnaqqas il-firxa tal-attenzjoni tal-qarrejja. Is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jikkunsidraw kif il-media differenti għandha impatt fuq l-iżvilupp tal-litteriżmu filwaqt li jippromwovu b’mod attiv il-qari ta’ testi aktar kumplessi biex jitrawwem il-litteriżmu.

Il-ħiliet matematiċi huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum fid-dinja teknoloġikament avvanzata tagħna. Dawn huma l-bażi tal-ħsieb loġiku u astratt. Dawn il-ħiliet, inkluż il-litteriżmu finanzjarju, jippermettu lill-individwi jieħdu deċiżjonijiet infurmati bbażati fuq id-data, u jgħinuhom jiżviluppaw approċċ meqjus għat-teħid tar-riskji u jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati tajjeb tul il-ħajja, minbarra li jtejbu l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol. Profiċjenza fqira tista’ tirriżulta f’teħid baxx ta’ studji u karrieri fl-STEM. L-avvanzi fit-teknoloġija, ir-riċerka edukattiva u l-ħtiġijiet tas-soċjetà wasslu għal aktar enfasi fuq il-kapaċitajiet tal-istudenti għas-soluzzjoni tal-problemi u l-ħiliet tal-ħsieb kritiku, li jħeġġuhom jifhmu u japplikaw kunċetti matematiċi, aktar milli sempliċiment jiftakru l-formuli. L-użu dejjem akbar tal-għodod diġitali fil-matematika jenfasizza r-rabta dejjem tikber bejn il-litteriżmu matematiku u dak diġitali.

Il-ħiliet xjentifiċi huma essenzjali għall-ħsieb kritiku u għas-soluzzjoni tal-problemi u huma l-pedament għal edukazzjoni u karrieri STEM aktar avvanzati. L-iżvilupp tal-ħsieb u l-kapaċitajiet xjentifiċi jiffaċilita l-kisba aktar tard f’dawn l-oqsma strateġiċi. Litteriżmu xjentifiku sod huwa meħtieġ ukoll għal tranżizzjoni ekoloġika ta’ suċċess. Barra minn hekk, f’era ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni dejjem tiżdied, huwa kruċjali li l-individwi jiżviluppaw ħiliet xjentifiċi b’saħħithom biex jevalwaw l-informazzjoni b’mod kritiku, jisseparaw dak li hu veru minn dak li hu falz u jaslu għal konklużjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. L-edukazzjoni xjentifika għandha tirrifletti l-iżviluppi teknoloġiċi, kif ukoll tenfasizza l-interdixxiplinarjetà, il-ħsieb kritiku u s-soluzzjoni tal-problemi permezz ta’ l-apprendiment ibbażat fuq l-inkwiżittività u sfidi tad-dinja reali.

Kunċett usa’ tal-ħiliet bażiċi

It-twessigħ tas-sett ta’ ħiliet bażiċi huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna li qed jevolvu malajr. Peress li t-teknoloġija qed tħalli dejjem aktar impatt fuq il-ħajja u x-xogħol, huwa essenzjali li l-ħiliet diġitali jingħataw l-istess prijorità bħall-oħrajn. Fl-istess ħin, huwa vitali li jitrawmu l-ħiliet taċ-ċittadinanza kmieni biex jissaħħu u jiġu rispettati l-valuri demokratiċi.

Il-ħiliet diġitali huma kruċjali fis-soċjetà moderna u fil-ħajja ta’ kuljum. Huma strumentali wkoll fl-iżvilupp ta’ ħiliet STEM aktar avvanzati, li huma kruċjali għall-kompetittività, filwaqt li l-litteriżmu medjatiku huwa kruċjali għal ċittadinanza attiva u infurmata. Hemm ħtieġa dejjem akbar għal ħiliet f’oqsma bħas-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali, l-apprendiment awtomatiku u l-big data. Barra minn hekk, ix-xogħol u l-apprendiment mill-bogħod żiedu l-aspettattivi għall-profiċjenza fl-għodod ta’ kollaborazzjoni diġitali, inkluża l-komunikazzjoni effettiva u sikura online.

Il-ħiliet taċ-ċittadinanza u l-għarfien ċiviku huma essenzjali għat-trawwim tal-parteċipazzjoni attiva f’soċjetajiet demokratiċi iżda ma humiex żviluppati bl-istess mod kullimkien. L-avvanzi teknoloġiċi rapidi flimkien mal-polarizzazzjoni li qed tikber u t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, jagħmlu l-kultivazzjoni tal-ħiliet taċ-ċittadinanza minn kmieni fil-ħajja aktar kruċjali minn qatt qabel. L-istudenti femminili juru b’mod konsistenti għarfien ċiviku ogħla minn dawk maskili, u l-istudenti minn sfondi ta’ status soċjoekonomiku ogħla jiksbu punteġġi ferm aħjar. Il-ħsieb b’mod indipendenti, il-fehim tal-proċessi demokratiċi, ir-rispett tad-diversità u l-kuxjenza dwar is-sostenibbiltà jagħtu s-setgħa lin-nies biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ċivika u soċjali u jeżerċitaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3. Oqsma ta’ prijorità għat-titjib tal-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi

Huma meħtieġa sforzi urġenti biex jiġi indirizzat it-tnaqqis allarmanti fl-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi. L-UE qed titbiegħed aktar mill-mira tagħha li inqas minn 15 % ta’ dawk li għandhom 15-il sena jkollhom ħakma insuffiċjenti tal-ħiliet bażiċi. L-iffukar fuq il-fatturi kritiċi li jixprunaw it-tnaqqis u fuq lievi ta’ politika b’saħħithom huwa kruċjali biex jiġu żgurati bidla sinifikanti u titjib rapidu.

L-isfond soċjoekonomiku għadu l-aktar indikatur ta’ tbassir b’saħħtu tal-prestazzjoni tal-istudenti. Il-progress insuffiċjenti tal-litteriżmu, il-matematika u x-xjenzi huwa għoli b’mod allarmanti fost l-istudenti żvantaġġati (eż. 48 % fil-matematika), u d-distakk soċjoekonomiku qed ikompli jikber, anke fil-ħiliet diġitali. L-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni jew b’diżabilità huma partikolarment vulnerabbli. F’ħafna pajjiżi tal-UE, il-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi edukattivi u kellha impatt qawwi fuq il-benesseri tal-istudenti, li jaffettwa direttament il-motivazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jitgħallmu. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jissaħħu l-ħiliet bażiċi u jiġu promossi l-ekwità u l-benesseri billi r-ripetizzjoni tas-sena skolastika tinżamm f’livell minimu, jiġi ttardjat it-traċċar kurrikulari u jiġi limitat r-raggruppament skont l-abbiltà.

In-nuqqasijiet akuti tal-għalliema u tal-ħarrieġa, b’mod partikolari fis-suġġetti STEM, għandhom impatt negattiv fuq l-eżiti tal-apprendiment. Il-forza tax-xogħol tal-apprendiment qed tixjieħ, billi hemm inqas għalliema qegħdin jidħlu għall-professjoni. Il-professjoni ma hijiex attraenti fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE u fit-territorji żvantaġġati. Hija meħtieġa aktar azzjoni ta’ politika biex jittejjeb it-taħriġ tal-għalliema, tiżdied l-attraenza tal-professjoni u jiġi żgurat li l-għalliema ġodda jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu, inkluż biex jindirizzaw il-progress insuffiċjenti.

It-tnaqqis fl-involviment tal-ġenituri f’dawn l-aħħar snin joħloq riskju sinifikanti għas-suċċess tal-istudenti, b’mod partikolari fost l-istudenti żvantaġġati. Il-PISA turi li ambjenti tad-dar li huma ta’ appoġġ huma kruċjali għat-trawwim ta’ attitudnijiet pożittivi tal-istudenti lejn l-iskola. Is-sistemi edukattivi li żammew jew żiedu l-involviment tal-ġenituri, eż. ġenituri li ddiskutew il-progress tat-tfal tagħhom ma’ għalliem fuq inizjattiva tagħhom stess, raw prestazzjoni aħjar, b’mod partikolari fil-matematika.

Id-distrazzjoni diġitali qed titfaċċa bħala theddida kbira għall-prestazzjoni akkademika. L-influwenza mifruxa tal-midja soċjali hija ta’ tħassib partikolari: madwar 30 % tal-istudenti fil-pajjiżi tal-OECD spiss jiġu distratti minn apparati diġitali matul il-lezzjonijiet tal-matematika, li jaffettwa b’mod sinifikanti kemm il-prestazzjoni akkademika kif ukoll il-benesseri. Għalkemm l-integrazzjoni effettiva tat-teknoloġija permezz ta’ użu moderat ta’ riżorsi diġitali għal skopijiet ta’ apprendiment tista’ ttejjeb il-prestazzjoni ta’ student, l-użu żejjed jista’ jkollu effetti detrimentali u d-distrazzjoni diġitali għandha tiġi minimizzata.

Il-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi spiss tmur kontra l-kurrikuli mgħobbija żżejjed. F’ħafna sistemi, il-kurrikuli ġew estiżi regolarment b’rispons għal talbiet ġodda tas-soċjetà, u dan wassal għal ħiliet bażiċi traskurati. Għalhekk, il-kisba ta’ bilanċ aħjar bejn il-firxa tal-kurrikulu u l-enfasi fuq il-ħiliet bażiċi hija ta’ importanza kbira għat-titjib tal-eżiti edukattivi.

Id-differenzi bejn il-ġeneri għandhom impatt fuq l-eżiti tal-apprendiment. Il-bniet imorru aħjar mis-subien fil-qari u huma aktar probabbli li jkunu fost dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. Madankollu, is-subien għandhom it-tendenza li jkunu dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-matematika. L-aspettattivi tas-soċjetà u l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru jista’ jkollhom rwol sinifikanti, u jwasslu għal differenzi bejn il-ġeneri fl-aspettattivi tal-karriera u jinfluwenzaw l-attitudnijiet, il-motivazzjoni u l-prestazzjoni akkademika speċifiċi għas-suġġett. Barra minn hekk, l-istili ta’ l-apprendiment u l-ambjenti tal-klassi jistgħu jaffettwaw lis-subien u lill-bniet b’mod differenti, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ approċċi tal-apprendiment sensittivi għall-ġeneru.

L-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità jvarja b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi u fihom stess. Dan għandu konsegwenzi individwali u soċjetali profondi, b’mod partikolari għat-tfal żvantaġġati. In-nuqqasijiet ta’ ħaddiema, l-iżvilupp professjonali inadegwat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena għadhom sfidi urġenti, speċjalment fit-territorji żvantaġġati. Kwart tas-sistemi edukattivi Ewropej għad ma għandhomx kurrikulu nazzjonali għax-xogħol pedagoġiku mat-tfal żgħar. L-esperjenzi bikrija huma kruċjali, b’mod partikolari għall-bini ta’ ħiliet soċjoemozzjonali, li huma essenzjali għar-reżiljenza, il-benesseri, il-motivazzjoni, l-eżiti tal-apprendiment u l-kapaċità ta’ tagħlim tul il-ħajja. Madankollu, id-diffikultajiet soċjoemozzjonali fost it-tfal qed jiġu indikati dejjem aktar, bi problemi ta’ attenzjoni u kontroll baxx tal-impuls li qed ixekklu dejjem aktar it-tħejjija għall-iskejjel.

Fil-VET, in-nuqqas ta’ riżorsi u l-limitazzjonijiet tal-kurrikulu għandhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi. L-istudenti bi prestazzjoni baxxa ħafna drabi jagħżlu jew jiġu diretti lejn programmi tal-VET b’kurrikuli li għandhom it-tendenza li jipprivileġġaw il-ħiliet vokazzjonali fuq il-ħiliet bażiċi. L-iskejjel tal-VET spiss ikollhom anqas riżorsi, inkluż il-finanzjament, l-għalliema kwalifikati u r-riżorsi teknoloġiċi u mhumiex iffukati fuq ir-rimedju tal-lakuni fil-ħiliet bażiċi.

Il-progress fil-ħiliet bażiċi għall-adulti jeħtieġ li jintlaħqu b’suċċess il-gruppi “l-aktar diffiċli biex jintlaħqu”, li huma f’riskju sinifikanti ta’ esklużjoni. Ħafna minn dawn l-adulti kellhom esperjenzi ħżiena bl-apprendiment ibbażat fl-iskola, li ħallew “effett tal-kelb il-mismut”, jew jiffaċċjaw diversi żvantaġġi. Il-livell baxx ta’ parteċipazzjoni ta’ adulti bi kwalifiki baxxi, żvantaġġati u qiegħda f’attivitajiet ta’ tagħlim jenfasizza l-ħtieġa għal politiki mfassla tajjeb biex jappoġġaw lil dawk fl-ogħla riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Il-politiki ta’ suċċess spiss jieħdu approċċ olistiku, li jlaqqa’ flimkien servizzi multidixxiplinari biex jappoġġaw lin-nies, inklużi l-akkomodazzjoni, is-saħħa, is-servizzi tal-impjiegi u l-appoġġ tal-ġenituri jew tal-indokraturi 12 .

4. L-indirizzar tal-kawżi ewlenin

Huma meħtieġa sforzi urġenti biex jiġu appoġġati t-18-il miljun student b’ħakma insuffiċjenti u s-47,7 miljun adult bi kwalifiki baxxi (ta’ bejn il-25 u l-64 sena) fl-UE. Sa issa, il-gwida politika, l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni, il-finanzjament u l-appoġġ tekniku appoġġaw b’mod konsistenti lill-Istati Membri fit-titjib tal-kwalità u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fil-promozzjoni tal-ħiliet bażiċi. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 13 irriżultat f’xi progress, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex il-problema tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola 14 pprovdiet qafas ta’ politika għall-azzjoni. Dan jenfasizza l-approċċi skolastiċi integrati, l-appoġġ immirat, l-ambjenti ta’ apprendiment ta’ appoġġ u l-benesseri fl-iskola. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar, b’fokus fuq tliet oqsma ewlenin:

I.it-tisħiħ tal-apprendiment u l-apprendiment tal-ħiliet bażiċi.

II.l-appoġġ għall-edukaturi.

III.l-abilitazzjoni ta’ ambjenti ta’ appoġġ.

4.1. Azzjoni ewlenija: Pilotaġġ ta’ Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi

L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi se jkollha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet bażiċi fost it-tfal. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u r-reġjuni biex flimkien jiddefinixxu t-triq it-tajba sabiex kull tifel u tifla tkun tista’ tilħaq livell adegwat ta’ ħiliet bażiċi sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja. L-Iskema ta’ Appoġġ tipproponi qafas ta’ miżuri effettivi, li jiffoka fuq l-intervent bikri u appoġġ individwali u mfassal apposta għall-individwu, mill-iskola sal-VET inizjali.

Għall-pilotaġġ tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi, l-enfasi se tkun fuq il-miżuri ppruvati, filwaqt li jiġu adattati għas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-miżuri jistgħu jinkludu:

·Mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni bikrija u monitoraġġ regolari fil-livelli nazzjonali, lokali u skolastiċi, inkluża valutazzjoni individwali tal-ħiliet bażiċi u offerti ta’ korsijiet ta’ rimedju xierqa, b’mod partikolari fi tranżizzjonijiet ewlenin fil-karriera edukattiva ta’ student, inkluż fit-tranżizzjoni lejn programmi tal-VET.

·L-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ titjib tal-ħiliet bażiċi fil-livell tal-iskola, inkluż ħin ta’ apprendiment addizzjonali u appoġġ personalizzat, bi programmi ta’ tutoraġġ u ta’ mentoraġġ.

·L-integrazzjoni tal-litteriżmu bażiku u l-apprendiment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema fis-suġġetti kollha.

·Opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema fl-edukazzjoni skolastika u vokazzjonali, b’fokus fuq l-istudenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali u/jew b'diżabilità; il-ħolqien ta’ rwoli speċjalizzati, bħall-medjaturi tal-iskejjel u l-uffiċjali ta’ kollegament bejn id-dar u l-iskola biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, l-istudenti, il-ġenituri u l-komunità.

·Programmi li jappoġġaw lill-ġenituri fil-promozzjoni u l-inkoraġġiment tal-apprendiment tat-tfal tagħhom, żviluppati f’kooperazzjoni ma’ setturi oħra, bħas-saħħa, il-migrazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal.

·Sħubijiet u kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-aġenziji edukattivi, il-professjonisti, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra biex jagħtu esponiment strutturat u reali għall-applikazzjoni diversa tal-ħiliet bażiċi.

 Azzjoni tal-Kummissjoni għall-pilotaġġ ta’ Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi fi sħubija mal-Istati Membri

·Pilotaġġ ta’ Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi fl-2026.

·Tfassil ta’ linji gwida għal dawk li jfasslu l-politika fl-2025 bħala pass preparatorju għall-Iskema ta’ Appoġġ.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

·Jiddikjaraw l-interess tagħhom li jaħdmu mal-Kummissjoni dwar il-pilotaġġ tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi bl-użu tal-finanzjament disponibbli tal-UE.

·Jistabbilixxu miri nazzjonali għal kisbiet baxxi u għal prestazzjoni mill-aqwa b’enfasi fuq studenti żvantaġġati.

4.2 It-tisħiħ tat-tagħlim u l-apprendiment tal-ħiliet bażiċi

It-tisħiħ tat-tagħlim u l-apprendiment tal-ħiliet bażiċi se jtejjeb is-suċċess, l-eżiti edukattivi u l-benesseri tal-istudenti. L-apprendiment mill-iskejjel u l-prattiki li tejbu b’suċċess il-ħiliet bażiċi u l-eżiti edukattivi huwa essenzjali għal skejjel oħra li qed jiffaċċjaw sfidi bi prestazzjoni baxxa. L-approċċi innovattivi qed jużaw dejjem aktar l-IA biex jgħinu, b’mod partikolari fit-tfassil ta’ perkorsi personalizzati għall-apprendiment u l-valutazzjoni. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju kemm għal dawk li jiksbu riżultati insuffiċjenti kif ukoll għal dawk bl-aqwa prestazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-iżvilupp ta’ ħiliet b’saħħithom fil-litteriżmu li huma marbuta mill-qrib mal-profiċjenza f’ħiliet bażiċi oħra u li huma pedament għall-apprendiment kollu. L-għajnuna lill-istudenti kollha biex jiżviluppaw ħiliet fil-litteriżmu hija kruċjali, inklużi dawk minn sfondi żvantaġġati u ta’ migrazzjoni u dawk b’diżabilità.

Il-motivazzjoni tal-adulti biex jitgħallmu hija ta’ sfida minħabba nuqqas ta’ rieda u opportunitajiet limitati. Din l-isfida hija partikolarment akuta fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet bażiċi wara esperjenzi ħżiena tal-edukazzjoni inizjali. Madankollu, il-pass mgħaġġel tal-bidla u l-fatt li n-nies se jqattgħu madwar erba’ deċennji fis-suq tax-xogħol wara l-edukazzjoni formali jagħmluha urġenti li jinstabu modi biex jintlaħqu dawn il-gruppi. Kif deskritt fl-Unjoni tal-Ħiliet, l-introduzzjoni ta’ Kontijiet Individwali tal-Apprendiment (ILA, Individual Learning Account), hija essenzjali għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti, inkluż għal dawk b’livell baxx ta’ ħiliet. L-ILA għandha l-għan li ssir intitolament universali għall-adulti kollha, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg 15 .

Azzjoni tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ it-tagħlim u l-apprendiment tal-ħiliet bażiċi

·Il-pilotaġġ tal-ewwel Alleanzi tal-Iskejjel Ewropej permezz tal-programm Erasmus+ fl-2026. Dan se jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika Ewropea fl-edukazzjoni skolastika, li sservi bħala bankijiet tal-ittestjar għal metodi innovattivi ta’ apprendiment, kurrikuli u oqfsa ta’ kompetenza, b’mod partikolari għall-ħiliet bażiċi. L-Alleanzi se jappoġġaw lill-iskejjel parteċipanti biex isiru organizzazzjonijiet tal-apprendiment għal apprendiment effettiv tal-ħiliet bażiċi, inkluż f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali.

·L-iżvilupp ta’ linji gwida għall-iżvilupp tal-kurrikulu fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, li jappoġġaw l-kisba ta’ ħiliet bażiċi kmieni u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni bikrija u l-intervent ta’ dewmien fl-iżvilupp.

·L-iżvilupp ta’ linji gwida u tal-aħjar prattiki dwar l-avvanz tal-valutazzjoni tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni fl-2026 biex tgħin fit-tqabbil tal-istandards tal-valutazzjonijiet tal-ħiliet diġitali fl-iskejjel madwar l-UE.

·Il-pilotaġġ ta’ approċċi innovattivi għal perkorsi personalizzati ta’ apprendiment fl-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi permezz tal-użu ta’ sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA), li jibnu fuq l-esperimentazzjonijiet tal-politika tal-Erasmus+ għall-2026, biex jappoġġaw lill-istudenti bl-aqwa prestazzjoni u dawk bi progress insuffiċjenti.

·L-aġġornament tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp, Digital Competence Framework) fl-2025, biex jitqiesu teknoloġiji ġodda bħall-IA bi Skop Ġenerali, biex jappoġġa lill-istudenti fl-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati.

·L-iżvilupp ta’ linji gwida dwar it-titjib tal-ħiliet bażiċi fil-VET permezz ta’: (i) l-integrazzjoni tal-ħiliet tal-litteriżmu, tan-numeriżmu, diġitali u taċ-ċittadinanza fil-kurrikuli tal-VET; (ii) l-użu ta’ metodi ta’ apprendiment effettivi bħas-soluzzjoni tal-problemi u t-apprendiment ibbażat fuq xenarji; (iii) l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ valutazzjoni u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità.

·Il-ħolqien ta’ sett ta’ għodod għall-ħiliet bażiċi, inklużi l-ħiliet diġitali bażiċi, fl-apprendistati fl-2026 biex jipprovdi gwida prattika għall-iskejjel tal-VET u għal min iħaddem biex jintegraw il-ħiliet bażiċi fil-programmi ta’ apprendistat tagħhom.

4.3. Appoġġ għall-edukaturi

L-edukaturi u l-kapijiet tal-iskejjel fil-livelli kollha huma kruċjali għat-titjib tal-ħiliet bażiċi. Huwa essenzjali li l-apprendiment isir aktar attraenti u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet akuti biex jiżdiedu l-livelli tal-ħiliet bażiċi. Minħabba r-rwol ewlieni tal-iżvilupp tas-snin bikrija għal-apprendiment u s-suċċess fl-iskola, l-edukaturi fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jeħtieġ li jiġu mħarrġa biex jappoġġaw il-komunikazzjoni orali u l-apprendiment soċjoemozzjonali tat-tfal biex jinħolqu l-pedamenti għall-ħiliet bażiċi. Huwa kruċjali li l-għalliema fil-livelli kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni inizjali tal-għalliema infurmata dwar ir-riċerka u żvilupp professjonali kontinwu mfassal għall-ħiliet bażiċi u sostnut maż-żmien. L-investiment fl-ikkowċjar u l-mentoraġġ għall-għalliema, speċjalment meta jidħlu fil-professjoni, huwa effettiv għat-titjib tal-prattika tal-apprendiment tagħhom. Barra minn hekk, il-mexxejja tal-iskejjel iridu jagħmlu aktar sforzi biex jintegraw il-litteriżmu u l-edukazzjoni diġitali fis-suġġetti kollha.

Azzjoni tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-edukaturi

·It-tfassil ta’ Aġenda tal-UE għall-Għalliema u għall-Ħarrieġa fl-2026. Din se tiffoka fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u l-prospetti tal-karriera tal-edukaturi, inkluż fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Se jkollha l-għan li tkisser iċ-ċirku vizzjuż ta’ attraenza u sostenibbiltà baxxi tal-karrieri, li wassal b’mod partikolari għal nuqqas ta’ għalliema fis-suġġetti STEM u għal tnaqqis fil-ħiliet bażiċi.

·L-istabbiliment, fl-2025, ta’ komunità ġdida ta’ prattika tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+  is-sħubijiet Ewropej bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-fornituri tat-taħriġ – fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel. L-azzjoni se trawwem kollaborazzjoni fost t-43 Akkademja tal-Għalliema tal-Erasmus + biex tidentifika u xxerred l-għarfien rilevanti u applikabbli u tikkondividi prattiki innovattivi biex tamplifika t-taħriġ tal-għalliema ta’ kwalità għolja, inkluż dwar il-ħiliet bażiċi.

·Il-pilotaġġ ta’ sistema ta’ mentoraġġ għall-għalliema fil-bidu tal-karriera fis-suġġetti kollha sal-2026 biex jiġu integrati b’mod effettiv l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi fil-prattiki tal-apprendiment tagħhom.

·Il-promozzjoni tal-job shadowing għal dawk li jfasslu l-politika tal-edukazzjoni permezz ta’ Erasmus+ fl-2026, li se jżid il-mobbiltà tal-apprendiment tagħhom, inkluż lejn pajjiżi b’punteġġi għoljin fit-testijiet ta’ valutazzjoni internazzjonali.

·L-espansjoni tal-komunitajiet online tal-UE għall-edukaturi (il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, inkluż l-eTwinning) fl-2025, li jilħqu 400,000 parteċipant, biex jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment professjonali aħjar, għodod ibbażati fuq l-evidenza, materjal u riżorsi dwar il-apprendiment u l-valutazzjoni effettivi tal-ħiliet bażiċi. Il-provvista ta’ materjal ta’ kwalità għolja għall-edukaturi, il-ġenituri, l-għalliema u t-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż dwar iċ-ċibersigurtà, permezz tal-inizjattiva Internet Aħjar għat-Tfal.

·Il-promozzjoni ta’ materjal ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja dwar il-ħiliet diġitali mill-għalliema prattikanti permezz tal-attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, bl-għan li jkun hemm 100 000 attività fis-sena.

4.4. L-abilitazzjoni ta’ ambjenti ta’ appoġġ

Il-ġenituri, il-familji u l-komunità usa’, inklużi min iħaddem, għandhom rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-adulti. Il-ġenituri u l-familji huma l-ewwel edukaturi tat-tfal, li jintroduċu l-lingwa, in-numri u n-normi soċjali permezz tal-interazzjonijiet ta’ kuljum, isawru l-iżvilupp konjittiv u emozzjonali tat-tfal u jrawmu drawwiet għal aktar apprendiment. L-involviment tal-komunità usa’ (inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-libreriji, il-mużewijiet, l-organizzazzjonijiet kulturali u sportivi, il-klabbs ta’ wara l-iskola u l-kumpaniji) jestendi aktar l-apprendiment billi joffri l-apprendiment esperjenzjali, l-użi fid-dinja reali, l-osservazzjoni ta’ mudelli eżemplari u l-aċċess għar-riżorsi. Dan l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati huwa partikolarment kruċjali minħabba r-rabta persistenti bejn l-isfond soċjoekonomiku u l-eżiti edukattivi. Il-promozzjoni ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-partijiet ikkonċernati biex jappoġġaw l-inklużjoni hija prijorità fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni, il-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Approċċi ulterjuri huma kruċjali biex l-adulti jiġu stimulati jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ apprendiment, b’mod partikolari f’ambjenti familjari u fdati (bħal libreriji u ċentri tal-komunità, kulturali, sportivi, tas-saħħa u tal-inklużjoni soċjali). Il-post tax-xogħol u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, inkluża gwida għall-karriera mfassla apposta, jista’ jkollhom ukoll rwoli importanti. L-iżgurar ta’ infrastruttura pubblika adegwata – postijiet, tagħmir u persunal xieraq – huwa essenzjali biex jissaħħu l-inizjattivi lokali li joħolqu aktar opportunitajiet ta’ apprendiment madwar il-ħtiġijiet ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet permezz ta’ diversi sħubijiet.

Azzjoni tal-Kummissjoni biex tippermetti ambjenti ta’ appoġġ

·L-involviment ta’ voluntiera taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fl-2026 għal attivitajiet ta’ mentoraġġ u tutoraġġ għal tfal u adulti bi progress insuffiċjenti bħala parti mill-fergħa “Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja”. Il-programm se jirrekluta grupp varjat ta’ voluntiera biex jassistu u jispiraw lit-tfal fl-iżvilupp akkademiku u soċjali tagħhom filwaqt li jippromwovu wkoll is-solidarjetà interġenerazzjonali billi jarrikkixxu l-esperjenzi kemm tal-voluntiera kif ukoll tat-tfal li jiggwidaw.

·It-tnedija ta’ koalizzjoni tal-UE għal-litteriżmu fl-2026, li tinvolvi l-gvernijiet, in-negozji u l-libreriji, biex toħloq komunità dwar il-litteriżmu, tqajjem kuxjenza dwar il-kriżi tal-litteriżmu u tħeġġeġ liż-żgħażagħ, b’mod partikolari s-subien, biex jaqraw għall-gost.

·L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari għall-Istati Membri dwar spazji innovattivi ta’ apprendiment fil-komunità biex jgħinu fl-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tal-adulti.

5. Kif se nagħmluh realtà

Il-Pjan ta’ Azzjoni jafferma mill-ġdid l-impenn u l-ambizzjoni tal-UE li tappoġġa edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Filwaqt li jibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 16 , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 17 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola 18 , għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri biex jaċċelleraw ir-riformi u jixprunaw avvanzi sinifikanti fil-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ u tal-adulti għal qabża trasformattiva ’l quddiem.

Il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri se tissaħħaħ aktar inkluż permezz ta’ fokus addizzjonali fuq il-ħiliet bażiċi fis-segwitu tas-Semestru Ewropew tar-riformi fl-edukazzjoni u l-ħiliet, billi jiġu stabbiliti u mmonitorjati miri strateġiċi dwar il-ħiliet bażiċi fil-livell tal-UE u permezz tal-Osservatorju Ewropew futur tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni se tiġi integrata fl-istrutturi ta’ governanza tal-Unjoni tal-Ħiliet. Kif rilevanti, se tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tad-Deċennju Diġitali dwar il-ħiliet bażiċi diġitali, kif ukoll ta’ korpi rilevanti oħra. Taħt il-qafas finanzjarju pluriennali attwali, se tkompli tuża l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Erasmus+, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument), InvestEU u Orizzont Ewropa. Il-finanzjament futur tal-UE se jkompli jappoġġa l-investimenti fl-edukazzjoni u l-ħiliet fil-livell tal-UE. L-isfruttament tal-aħjar prattiki, il-proġetti pilota, u t-tagħlimiet meħuda fil-livell tal-UE, flimkien ma’ koordinazzjoni mtejba mal-prijoritajiet tal-politika Ewropea, se jimmassimizza l-valur miżjud tal-investimenti f’setturi kritiċi għall-kompetittività Ewropea.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lis-sħab soċjali biex japprovaw il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi u biex jappoġġaw u jikkontribwixxu b’mod attiv għat-twettiq tal-inizjattivi tiegħu.

(1)

Kif imkejjel mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Program for International Student Assessment).

(2)

OECD (2023), PISA 2022 Results (Volume I), The State of Learning and Equity in Education, PISA, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/53f23881-en .

(3)

IEA (2023), Trends in International Mathematics and Science Study; IEA (2021), Progress in International Reading Literacy Study.

(4)

IEA (2023), International Computer and Information Literacy Study.

(5)

IEA (2022), International Civic and Citizenship Education Study.

(6)

OECD (2024), Do Adults Have the Skills They Need to Thrive in a Changing World?, Survey of Adult Skills 2023, OECD Skills Studies, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/b263dc5d-en .

(7)

Eurostat 2023.

(8)

Il-programm ta’ politika dwar id-Deċennju Diġitali.

(9)

Ir-rapport ta’ Draghi (2024): A competitiveness strategy for Europe.

(10)

Ir-rapport ta’ Letta (2024): Much more than a market – Speed, Security, Solidarity Empowering the Single Market to deliver a sustainable future and prosperity for all EU Citizens.

(11)

2018/C 189/01

(12)

COM(2023) 439 final

(13)

2016/C 484/01

(14)

2022/C 469/01

(15)

2022/C 243/03

(16)

2016/C 484/01

(17)

2021/L 223/14

(18)

2022/C 469/01

Top