EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XG0615(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar perspettivi strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018

ĠU C 189, 15.6.2017, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/35


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar perspettivi strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018

(2017/C 189/07)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR:

1.

Fl-isfond politiku għal din il-kwistjoni kif jinsab fl-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet.

FILWAQT LI JAGĦRAF LI:

2.

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ” (1) ippruvat tistabbilixxi approċċ transsettorjali biex tagħti setgħa liż-żgħażagħ fl-Ewropa u tagħtihom ir-riżorsi u l-opportunitajiet biex jiksbu l-awtonomija.

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar “Qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010 - 2018)” (2) inkorporat l-aktar strateġija tal-UE kompetittiva u ambizzjuża għaż-żgħażagħ s’issa. It-tul ta’ żmien tal-qafas ħabat mal-kriżi finanzjarja u ekonomika li, filwaqt li ftit jew wisq laqtet ħażin liċ-ċittadini u l-Istati Membri kollha tal-UE, ħalliet impatt negattiv u sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ, u fuq iż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet b’mod partikolari, li rriżulta f’livelli għoljin ta’ qgħad u żied ir-riskju ta’ diżlokazzjoni soċjali, aljenazzjoni politika u saħansitra radikalizzazzjoni vjolenti u estremiżmu li mbagħad ħolqu sfida għall-valuri demokratiċi u l-koeżjoni soċjali.

4.

Kif jidher fir-Rapporti dwar iż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 u tal-2015 u r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-18) (3), il-qafas ta kontribut importanti u siewi mhux biss għall-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ iżda għall-ħajja, il-prospetti, il-benessri, is-sehem u l-inklużjoni taż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea.

5.

Il-Pjani ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ tal-2014-2015 (4) u l-2016-2018 (5) saħħew u tejbu l-istrumenti u l-proċessi għall-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, billi allinjawh iktar mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u indirizzaw l-isfidi emerġenti.

JINNOTA LI:

6.

Il-perijodu ta’ żmien operazzjonali tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ ser jiskadi fi tmiem l-2018 u l-perijodi ta’ żmien operazzjonali kemm ta’ Ewropa 2020, l-istrateġija ta’ għaxar snin tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir, kif ukoll tal-programm Erasmus + ser jiskadu fi tmiem l-2020.

JISSOTTOLINJA li:

7.

Il-promozzjoni u s-issalvagwardja tal-valuri tal-Unjoni Ewropea, kif imniżżel fl-Artikolu 2 TUE (6), u t-trawwim tas-sens ta’ identità Ewropea taż-żgħażagħ u l-fiduċja tagħhom fil-proġett Ewropew bl-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom u l-promozzjoni tas-sehem politiku, l-involviment ċiviku u l-attivitajiet ta’ volontarjat u l-mobilità tat-tagħlim tagħhom, ser ikomplu jkunu fundamentali biex tiġi determinata l-kooperazzjoni Ewropea futura fil-qasam taż-żgħażagħ.

8.

Ir-rwol tal-ħidma u tat-tagħlim mhux formali u dak informali taż-żgħażagħ huwa ta’ importanza ċentrali fil-qasam taż-żgħażagħ u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kompetenzi taż-żgħażagħ.

JAQBEL LI:

9.

Għandu jiġi żviluppat u appoġġat qafas ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018, b’enfasi fuq approċċ transettorjali b’valur miżjud ċar fil-livell tal-UE u li jinkludi l-possibbiltà ta’ Pjani ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ għandu jiġi żviluppat u appoġġat waqt li jittieħed kont tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-qafas attwali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FL-OQSMA RISPETTIVI TA’ KOMPETENZA TAGĦHOM U BIR-RISPETT XIERAQ TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

10.

jiżguraw li l-iżvilupp tal-qafas għal kooperazzjoni Ewropea futura fil-qasam taż-żgħażagħ ikun ibbażat fuq l-evidenza, influwenzat u mirfud minn konsultazzjoni inklużiva u b’bażi mifruxa mal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti, fosthom iż-żgħażagħ, il-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ (7), il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (kemm professjonali kif ukoll volontarji) u dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha, sabiex jintlaħaq kunsens fuq l-għanijiet u l-objettivi tal-politika futura fil-qasam taż-żgħażagħ u jittieħed impenn lejhom.

11.

iqisu li l-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea futura fil-qasam taż-żgħażagħ huwa transettorjali, flessibbli, orjentat għall-ħtiġijiet u trasparenti u jieħu kont taċ-ċirkostanzi politiċi, soċjali, kulturali u ekonomiċi li qed jinbidlu malajr fil-livelli Ewropej u internazzjonali.

12.

jiżguraw li Erasmus + u programmi u strumenti oħra jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Qafas u, fejn adatt, huma allinjati miegħu.

13.

ipoġġu l-fokus prinċipali tal-qafas fuq it-temi speċifiċi tal-politika dwar iż-żgħażagħ, li huma kompetenza tal-istrutturi responsabbli miż-żgħażagħ iżda wkoll ikomplu jsaħħu l-iżviluppi u l-inizjattivi f’oqsma ta’ politika relatati sabiex jiġu żgurati kooperazzjoni transettorjali u appoġġ reċiproku.

14.

jevalwaw, jeżaminaw u jġeddu d-Djalogu Strutturat u l-objettivi tiegħu bil-ħsieb li jiġi faċilitat djalogu kostruttiv innovattiv, sinifikanti u mmirat mhux biss ma’ żgħażagħ minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, iżda wkoll ma’ dawk iż-żgħażagħ minn ambjenti differenti, dawk b’anqas opportunitajiet u żgħażagħ mhux organizzati.

15.

ikomplu jikkunsidraw il-kompetenzi (l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet) u l-valuri li ż-żgħażagħ jeħtieġu biex isostnu ħajjiet personali, soċjali u professjonali sodisfaċenti u, b’mod partikolari, biex jikkommunikaw ma’ żgħażagħ b’anqas opportunitajiet u jinkluduhom.

16.

Jikkunsidraw ir-rwol li l-Internet, il-mezzi tax-xandir soċjali u d-diġitalizzazzjoni jistgħu jaqdu fil-promozzjoni tas-solidarjetà, il-parteċipazzjoni politika u ċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ u fil-ġlieda kontra l-aljenazzjoni politika, il-populiżmu, il-propaganda u r-radikalizzazzjoni li jistgħu jwasslu għall-estremiżmu vjolenti.

17.

jevalwaw, ikomplu jsaħħu u jiżviluppaw fejn possibbli strumenti politiċi, għodod u metodi u kollaborazzjonijiet komplementari bħas-Sħubija bejn l-UE u l-KtE fil-Qasam taż-Żgħażagħ bl-għan li jżommu u jtejbu kooperazzjoni Ewropea effettiva fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018.

KONSEGWENTEMENT JAQBEL LI:

18.

jistieden lill-Presidenzi futuri jħejju abbozz ta’ qafas ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018, billi jqisu dawn il-Konklużjonijiet kif ukoll l-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni għal Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – wara l-2018. Dan l-abbozz għandu jitressaq quddiem il-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni tiegħu.


(1)  9008/09

(2)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 17.

(4)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5.

(5)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.

(6)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 17.

(7)  Fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ huma mifhuma bħala kull organizzazzjoni, aġenzija u korp ieħor, kemm megħjuna mill-istat kif ukoll volontarji, li jipprovdu programmi, proġetti, inizjattivi u attivitajiet għaż-żgħażagħ ibbażati fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ.


ANNESS

SFOND POLITIKU

1.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1)

2.

Il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) li stipula żewġ għanijiet strateġiċi globali u approċċ doppju biex dawn jintlaħqu, bl-użu ta’ inizjattivi speċifiċi fil-qasam taż-żgħażagħ u l-integrazzjoni ta’ inizjattivi fi tmien oqsma ta’ azzjoni. Il-qafas ippreveda wkoll ċikli ta’ ħidma ta’ tliet snin li għalihom il-prijoritajiet kellhom jiġu maqbula u Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ biex fuqu jiġi bbażat il-proċess.

3.

Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2015) li evalwa l-impatt tal-qafas matul il-perijodu mill-2013 sal-2015.

4.

Ewropa 2020, l-istrateġija fuq għaxar snin tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir, li inkludiet l-inizjattivi ewlenin “Żgħażagħ Attivi” u “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”.

5.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tas-17 ta’ Marzu 2015, li promwoviet iċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

6.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà li tiddikjara li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għandha rwol ewlieni x’taqdi fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti billi tippromwovi l-valuri komuni Ewropej, trawwem l-inklużjoni soċjali, issaħħaħ il-fehim reċiproku u t-tolleranza.

7.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta’ Ġunju 2016 dwar “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: –Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”.

8.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2016 dwar “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għal Ewropa Inklużiva u Kompetittiva”.

9.

Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar “Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa”, dwar “It-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni” u dwar “Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”.

10.

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa – Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025.


(1)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 13.


Top