EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE2837

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017” (opinjoni addizzjonali)

ĠU C 81, 2.3.2018, p. 216–221 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/216


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017”

(opinjoni addizzjonali)

(2018/C 081/31)

Relatur:

Petr ZAHRADNÍK

Korelatur:

Javier DOZ ORRIT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja:

27.4.2017

Bażi legali

Artikolu 29(A) C tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2017

Adottata fil-plenarja

19.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/4/6

Preambolu

Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ erba’ opinjonijiet tal-KESE dwar il-ġejjieni tal-ekonomija Ewropea (L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-politika ekonomika taż-żona tal-euro, L-Unjoni tas-Swieq Kapitali u Il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE)  (1) . Il-pakkett qiegħed fil-kuntest tal-proċess tal-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mniedi reċentement mill-Kummissjoni Ewropea u jieħu kont tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Juncker. F’konformità mar-riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  (2) u opinjonijiet preċedenti dwar l-ikkompletar tal-UEM  (3) , dan il-pakkett ta’ opinjonijiet jenfasizza l-ħtieġa għal sens ta’ skop komuni fil-governanza tal-Unjoni, li tmur ferm lil hinn minn approċċi u miżuri tekniċi, u hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ rieda politika u perspettiva komuni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Dawn il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet huma abbozzati biex jikkomplementaw l-opinjoni ECO/423, li magħha din l-opinjoni taqbel bis-sħiħ u tkompli tibni fuqha. Huma wkoll konsistenti mat-tliet opinjonijiet l-oħra dwar il-ġejjieni ekonomiku tal-Ewropa msemmi fil-preambolu.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fl-iżvilupp tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro u qed jissorvelja mill-qrib iċ-ċirkostanzi li jsawru dan l-iżvilupp. Madankollu, huwa jqis bħala importanti b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li jorbtu l-ambjent taż-żona tal-euro mal-aspetti fiskali u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tiegħu.

1.3.

Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm taħlita bbilanċjata ta’ politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro, bil-komponenti monetarji, fiskali u strutturali interkonnessi kif xieraq. Minħabba r-raggruppament previst ta’ dawn il-politiki f’konformità mal-iżvilupp ekonomiku, dan qed isir fattur dejjem aktar importanti.

1.4.

Il-KESE ma jaqbilx mar-rifjut tal-Kunsill Ewropew ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva u jitolbu jikkunsidra mill-ġdid din il-konklużjoni. B’mod partikolari, il-bidla antiċipata mill-politika ta’ tnaqqis kwantitattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew issaħħaħ l-argumenti favur l-adozzjoni ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva għandu jkun dirett b’mod xieraq sabiex ma jiżdiedx il-livell ta’ dejn pubbliku li għadu għoli u mmirat lejn oqsma li jiġġeneraw benefiċċju ċar fit-tul.

1.5.

Il-KESE jinnota s-sitwazzjoni ekonomika li qed tittejjeb fiż-żona tal-euro u jirrakkomanda li, sabiex jinżamm u jissaħħaħ dan, għandhom jittieħdu passi kruċjali biex jiġi stimulat l-investiment u jitwettqu riformi strutturali li jippromovu kemm produttività ogħla u kif ukoll impjiegi ta’ kwalità. Jeħtieġ li r-riformi strutturali jiġu implimentati b’mod aktar b’saħħtu f’konformità mal-proċessi tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ħtieġa għal riforma strutturali titqies fil-livell taż-żona tal-euro jew tal-UE kollha kemm hi, mhux biss f’termini ta’ miżuri strutturali iżolati fl-Istati Membri varji.

1.6.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-koeżjoni msaħħa fiż-żona tal-euro fil-forma sew ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika u fiskali u kif ukoll it-titjib tal-intermedjazzjoni finanzjarja billi titlesta l-unjoni finanzjarja u tiġi żgurata influwenza akbar taż-żona tal-euro fl-ekonomija globali. Biex jintlaħqu dawn l-isfidi, il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ korrispondenti tal-qafas istituzzjonali tiegħu.

1.7.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-euro hija l-munita tal-UE kollha kemm hi; il-KESE huwa favur li tittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika fl-UE li twassal għall-possibbiltà li tikber iż-żona tal-euro, b’impatt pożittiv antiċipat kemm fuq iż-żona tal-euro u kif ukoll fuq il-membri tagħha.

1.8.

Il-KESE jinnota li, minħabba l-Brexit u l-previżjoni fqira tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti, jeħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa wkoll lill-iżviluppi politiċi u ekonomiċi madwar id-dinja.

1.9.

Il-KESE huwa konxju li hemm il-limiti biex jittejjeb il-mod kif topera iż-żona tal-euro fi ħdan is-sett ta’ regoli attwali (fuq kollox, miżuri ta’ karattru strutturali); għall-uħud mill-aspetti aktar fundamentali (li jinvolvu, pereżempju, it-titjib tal-qafas istituzzjonali tagħha jew li jiġu użati strumenti fiskali ġodda) iridu jiġu adottati regoli ġodda.

1.10.

Fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika u ekonomiċi għall-2018 li ġejjin, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitnieda dibattitu dwar:

il-ħolqien ta’ unjoni fiskali;

it-tisħiħ tar-responsabbiltà u s-sjieda tal-Istati Membri għal obbligi fir-rigward taż-żona tal-euro;

il-ħtieġa għal riformi strutturali fi ħdan il-pjattaforma tas-Semestru Ewropew;

aktar tisħiħ tal-koordinazzjoni ekonomika u l-governanza;

tittejjeb is-sistema ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, li twassal għat-tisħiħ ta’ investiment fuq terminu twil, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs), billi jintuża r-rwol tal-BEI, l-FEI u l-FEIS 2.0;

iż-żona tal-euro tkun ta’ influwenza akbar fid-dinja.

1.11.

Il-KESE huwa konxju tal-ħtieġa qawwija għal żieda fl-attività ta’ investiment sabiex tiġi riflessa fix-xejriet tal-pagi u r-rata ta’ qgħad li qed tonqos. Huwa għandu jkollu wkoll l-għan li jindirizza l-iżbilanċi deskritti fl-opinjoni, li jistgħu jkunu ostakolu fundamentali għal tkabbir fit-tul jekk jippersistu u ma jiġux indirizzati.

1.12.

Sabiex jiġi żgurat l-appoġġ vitali taċ-ċittadini għar-rikostruzzjoni taż-żona tal-euro u l-kisba ta’ riformi strutturali f’dan ir-rigward, id-dimensjoni soċjali ta’ dawn ir-riformi teħtieġ li tissaħħaħ, u l-forom demokratiċi, trasparenti ta’ governanza taż-żona tal-euro, immirati lejn l-iżgurar tal-prosperità ekonomika u livell għoli ta’ għajxien, għandhom jintużaw.

2.   Kuntest

2.1.

Bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew li jirrikorri regolarment, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokumenti f’Novembru 2016 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, kif ukoll Komunikazzjoni (“Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro”). Il-KESE fassal opinjoni ECO/423 dwar dawn id-dokumenti, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu fi Frar 2017. Minn dak iż-żmien’ l hawn, l-iżvilupp tal-politika ekonomika tal-UE kif ukoll l-attivitajiet minn xi Stati Membri fissru li l-kwistjoni evolviet b’mod konsiderevoli. Din l-opinjoni addizzjonali tiffoka fuq ir-riflessjoni dwar l-iżviluppi l-aktar importanti fost dawn li ġejjin:

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (Marzu 2017);

It-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa (Mejju 2017);

Komunikazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi 2017 (Mejju 2017).

B’mod parallel, White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa u Karta ta’ Riflessjoni dwar it-Tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u dwar il-futur tal-iffinanzjar tal-UE ġew ippubblikati matul il-perjodu inkwistjoni, li ġew żviluppati aktar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2017. Barra minn hekk, ġie osservat żvilupp viżibbli f’termini ta’ kif taħdem iż-żona tal-euro fir-rigward tal-aspett fiskali tagħha. L-opinjoni attwali għaldaqstant tikkunsidra l-iżvilupp ekonomiku fl-2018 u tirrifletti l-proposti tal-KESE għar-Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2018.

2.2.

L-irkupru ekonomiku attwali huwa b’mod marġinali aktar mgħaġġel milli mistenni; madankollu, iż-żona tal-euro għadha teħtieġ investiment aktar b’saħħtu, li jista’ jiġi wkoll assistit minn stimolu fiskali mkejjel li jevita li l-livell ta’ dejn pubbliku fit-tul imur għall-agħar. L-effetti tal-kriżi u l-politiki skjerati jkomplu jħallu impatt fuq il-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanza, u huma wkoll kawża ta’ differenzi ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri. Għalhekk huwa essenzjali li tingħata spinta lill-prospetti ta’ tkabbir b’appoġġ akbar għal investiment fiż-żona tal-euro, akkumpanjat minn politika soċjali li tnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza. Skont it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea, l-investimenti akkumpanjati minn żviluppi korrispondenti fil-pagi u n-nuqqas kontinwu fir-rati tal-qgħad, li b’dan il-mod jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-domanda domestika, huma fattur ewlieni fl-appoġġ għall-irkupru ekonomiku.

2.3.

Barra minn hekk, iż-żona tal-euro teħtieġ li ssir aktar koeżiva. Dan jista’ jiġi assistit billi tiġi kompluta l-unjoni finanzjarja, bl-effett benefiċjarju mistenni tagħha fuq l-investiment, li jista’ jsir taħt ir-regoli attwali; it-tisħiħ addizzjonali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali mmirata lejn kapaċità fiskali taż-żona tal-euro u l-ħolqien ta’ baġit awtonomu taż-żona tal-euro u arkitettura istituzzjonali aktar b’saħħitha għaż-żona tal-euro li tippermetti rappreżentazzjoni interna u esterna aħjar u kif ukoll responsabbiltà msaħħa tal-membri individwali tagħha li issa tirrikjedi li jiġu introdotti regoli ġodda.

2.4.

Wieħed mix-xenarji fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa jikkunsidra l-possibbiltà ta’ Ewropa b’veloċitajiet differenti, biż-żona tal-euro bħala linja diviżorja importanti possibbli. Madankollu, f’dan il-każ, il-KESE huwa tal-fehma li l-euro hija l-munita tal-UE kollha kemm hi. Il-ħolqien ta’ inċentivi tal-istati li mhumiex fiż-żona tal-euro biex jikkunsidraw li jingħaqdu mal-euro bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politiki interni tagħhom huwa għaldaqstant mixtieq.

2.5.

Il-previżjonijiet tax-xitwa u tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea jiffokaw fuq sitwazzjoni ta’ “livell għoli ta’ inċertezza” rigward kemm riskji interni kif ukoll esterni għat-tkabbir li jirriżultaw minn fatturi kummerċjali, finanzjarji u ġeopolitiċi. Skont il-previżjoni tiegħu tar-rebbiegħa, huwa esprima tħassib dwar żviluppi fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit (Brexit) li possibbilment jaffettwaw b’mod negattiv l-irkupru (modest) fl-Ewropa. L-amministrazzjoni ta’ Trump hija dejjem anqas prevedibbli milli dehret inizjalment u l-bilanċ favorevoli għoli b’mod konsistenti fil-kont kurrenti tal-Ġermanja u fiż-żona tal-euro huwa kwistjoni għal dan. Dan jista’ jħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jieħdu miżuri ta’ politika kummerċjali mhux favorevoli, b’effetti dannużi għall-UE u ż-żona tal-euro. Il-Brexit huwa wkoll diffiċli li jiġi previst: il-preludju twil għan-negozjati ma jagħti ebda garanzija għar-riżultat aħħari, filwaqt li l-elezzjoni ta’ Ġunju tissuġġerixxi li ser ikun hemm kumplikazzjonijiet u dewmien fil-progress tan-negozjati.

2.6.

L-aħħar previżjoni ekonomika tar-rebbiegħa mill-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li r-rakkomandazzjoni tiegħu u l-Opinjoni tal-KESE (ECO/423) li appoġġjaw qagħda fiskali pożittiva fiż-żona tal-euro kollha kemm hi għall-2017 – issa rrifjutati bir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2017 – kienu fit-triq it-tajba. Il-KESE ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew u jqis li r-riskji li rriżultaw sa minn dakinhar, u l-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, jikkonfermaw l-adegwatezza li tinżamm qagħda fiskali pożittiva dwar il-politika baġitarja.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-importanza tal-UEM bħala prijorità ewlenija tal-integrazzjoni Ewropea kienet enfasizzata f’konnessjoni mal-kommemorazzjoni tas-60 anniversarju mill-firma tat-Trattati ta’ Ruma u d-dibattiti sussegwenti dwar il-ġejjieni tal-UE. Ġie ddikjarat ukoll li, minkejja li għad fadal u li għadhom mhux solvuti l-problemi, ikun żbaljat li wieħed jadotta ton difensiv wisq fejn kienet ikkonċernata ż-żona tal-euro. Minflok, ikun aħjar li jittieħed approċċ aktar ambizzjuż għall-futur tagħha u naħdmu għal miżuri speċifiċi biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tagħha. Il-KESE jaqbel ma din il-fehma.

3.2.

Fir-rigward tal-prosperità tal-ekonomija tal-UE u t-tqassim mill-ġdid ġust tar-riżorsi u tad-dħul li hija toħloq, l-opinjoni ECO/423 tenfasizza li huwa importanti li taħlita ta’ politika ekonomika bilanċjata jkun fiha strumenti monetarji, fiskali u strutturali, u miżuri ffokati fuq it-tisħiħ tal-funzjonalità u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż regolamentazzjoni adegwata biex tiġi evitata mġiba riskjuża b’mod irresponsabbli minn xi istituzzjonijiet finanzjarji. Il-KESE huwa konvint li l-iżviluppi matul l-aħħar ftit xhur għamlu dan aktar importanti f’diversi modi.

3.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tlestija u l-approfondiment tal-UEM sal-2025. F’dan is-sens, din l-opinjoni hija konsistenti mal-pakkett ta’ opinjonijiet oħra tal-KESE dwar il-futur ekonomiku tal-Ewropa msemmija fil-preambolu. Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma li ġejjin:

3.3.1.

it-tisħiħ u aktar koordinazzjoni tal-politiki fiskali, ekonomiċi u strutturali bl-għan li tinħoloq taħlita effikaċi ta’ dawn il-politiki, bl-għan ukoll li tiġi implimentata l-linja baġitarja (dedikata) b’saħħitha fi ħdan il-qafas tal-baġit tal-UE. Għall-ewwel darba f’livell politiku għoli, id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja juża t-terminu “unjoni fiskali”. “Unjoni fiskali” f’ambjent ekonomiku u monetarju omoġenju u fi ħdan suq intern li jiffunzjona tkun tinkludi wkoll politika fiskali komuni jew ikkoordinata mill-qrib (kemm f’termini tat-taxxa kif ukoll ta’ infiq) li kienet tappoġġja tassazzjoni ġusta u pożizzjoni sistematika u effettiva dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi;

3.3.2.

prerekwiżit kruċjali biex jittejjeb l-ambjent taż-żona tal-euro huwa – fi ħdan fehim komprensiv tal-governanza ekonomika tal-UE, b’mod partikolari l-proċess tas-Semestru Ewropew – ir-responsabbiltà tal-atturi individwali: ir-responsabbiltà u l-obbligi individwali tal-Istati Membri għandhom jinżammu u anke jissaħħu fil-mekkaniżmi tal-governanza ekonomika eżistenti, inkluż il-monitoraġġ objettiv, l-applikazzjoni tal-miżuri korrettivi u preventivi kollha, u finalment is-sanzjonijiet, jekk ikun neċessarju;

3.3.3.

Il-Bordijiet tal-Produttività huma rrakkomandati bħala għodda xierqa, ibbażata fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali rilevanti kollha, li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li, minbarra li jtejbu l-kapaċità ekonomika tal-Istati Membri individwali, jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex tiżdied il-funzjonalità u l-omoġeneità tas-Suq Uniku b’mod ġenerali billi jitneħħew ċerti ostakoli regolatorji u ostakli oħra, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol stabbiliti;

3.3.4.

titjib sostanzjali fl-effiċjenza tal-intermedjazzjoni finanzjarja billi jintuża l-ispettru sħiħ tal-parteċipanti tas-swieq finanzjarji f’konformità mal-idea tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali; l-enfasi prijoritarja biex l-intermedjazzjoni finanjarja tkun aktar effettiva għandha tkun fuq l-investiment reali u mhux li jiżdied il-volum tas-settur finanzjarju virtwali;

3.3.5.

għal UEM b’saħħitha u rispettata – fi ħdan il-kuntest tat-tibdil li sar fl-ekonomija globali – ir-rappreżentanza esterna tagħha hija wkoll importanti ħafna; huwa vitali mhux biss li jkun ftehim li jkun intlaħaq qbil dwaru mill-Istati Membri individwali fir-rigward is-sħab globali tagħhom fejn l-UE qed taġixxi b’leħen wieħed, iżda wkoll biex jittieħdu l-passi lejn struttura istituzzjonali adegwata li tikkorrispondi għal dan l-interess komuni fil-kuntest globali (4);

3.3.6.

barra minn hekk, il-possibbiltà li tikber iż-żona tal-euro attwali kellha titqies f’każijiet raġonevoli; xi pajjiżi – speċjalment dawk fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – juru indikaturi ta’ prestazzjoni ekonomika pożittivi ħafna u jiġu vvalutati b’mod pożittiv ħafna fi ħdan is-Semestru Ewropew; jidher li dawn jistgħu jappoġġaw il-funzjonament taż-żona tal-euro u jistgħu jżidu l-piż taż-żona tal-euro fi ħdan l-UE;

3.3.7.

fl-aħħar nett, l-appoġġ taċ-ċittadini favur il-proġett tal-UEM ġdid jeħtieġ li jinħolqu strumenti ġodda sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar il-governanza ekonomika huma demokratiċi u li s-suq uniku huwa kkomplementat minn pilastru soċjali b’saħħtu.

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta’ investiment ogħla u t-twettiq u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li setgħu ġew promossi saħansitra aktar fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, speċjalment wara li ttieħed f’kunsiderazzjoni l-qafas tas-Suq Uniku, li huma pjuttost ċentrali għall-funzjonament taż-żona tal-euro. Investimenti ffinanzjati mill-BEI, il-FEI jew l-FEIS juru riżultati pożittivi, inkluż proġetti reġjonali meħtieġa. Madankollu, il-volum tagħhom għadu mhux biżżejjed biex jitnaqqsu n-nuqqasijiet fl-investiment li jseħħu b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi. Dawn l-istrumenti għandhom jgħinu biex tinħoloq sistema b’saħħitha biżżejjed li tippermetti l-kondiviżjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati. Il-flessibbiltà ġestita fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandha tiġi sfruttata sabiex tippermetti l-użu tar-regola tad-deheb li skont din l-investimenti u l-infiq kurrenti assoċjat għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jinkisbu l-benefiċċji u l-effetti futuri. L-enfasi tar-riformi strutturali għandha b’mod ċar titmexxa mil-livell tal-Istati Membri individwali għall-funzjonament ġenerali tas-Suq Uniku.

3.4.1.

L-għan tar-riformi strutturali għandu l-ewwel u qabel kollox ikun li jiġu eliminati l-iżbilanċi eżistenti u li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp fuq tul ta’ żmien, f’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-NU. Fost dawn l-iżbilanċi huma d-differenzi li dejjem jikbru fi ħdan l-UE u fi ħdan l-Istati Membri. Ir-riformi strutturali għandhom iwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri li jqisu l-kuntest pan-UE u mhux biss il-ħtiġijiet parzjali tal-Istati Membri individwali.

3.4.2.

Fil-kuntest tal-UE, ir-riformi għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn il-prijoritajiet politiċi domestiċi, iżda għandhom ukoll jitqiesu mill-pesrpettiva tal-UE b’mod ġenerali: mill-perspettiva tal-proġetti strateġiċi li huma kapaċi joħolqu valur miżjud tal-UE b’saħħtu.

3.4.3.

Ir-riformi strutturali għandhom ikunu akkumpanjati wkoll mill-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità b’enfasi fuq livelli xierqa ta’ pagi u rispett sħiħ lejn il-ġustizzja soċjali.

3.4.4.

Għadhom meħtieġa ħafna riformi sabiex jittejbu r-regolamenti li huma kapaċi jappoġġjaw l-iżvilupp tan-negozji u jiżguraw protezzjoni adegwata għaċ-ċittadini. Eżempji ta’ oqsma fejn għandhom jitwettqu r-riformi strutturali jinkludu: regoli relatati mal-bidu ta’ negozju, permessi għal bini, il-kisba ta’ kreditu, il-ħlas tat-taxxi, il-kummerċ bejn il-fruntieri, ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà u l-armonizzazzjoni tal-politika tat-taxxa, li ser jassistu l-funzjonament sod tas-suq intern u fl-istess ħin jillimitaw l-okkorrenza tal-kompetizzjoni dannuża fih. Il-klima politika/pubblika (jiġifieri l-effiċjenza u l-integrità tas-settur pubbliku, iċ-ċertezza u l-istabbiltà tagħhom tul il-ħajja tal-proġett) għandha rwol importanti wkoll. Mhux l-inqas f’termini ta’ aċċettazzjoni pubblika ta’ dawn ir-riformi, għandu jiġi nnotat kemm hu kkumplikat il-proċess wara l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi u r-riżultat makroekonomiku tagħhom jiddependi fuq il-funzjonament ta’ ħafna proċessi kumplessi fil-livell mikro. Li jiġu spjegati dawn ir-ramifikazzjonijiet huwa prerekwiżit importanti biex dawn ir-riformi jkollhom l-appoġġ pubbliku. Dan l-appoġġ jeħtieġ li l-istrumenti maħluqa biex jgħinu liż-żona tal-euro joperaw fil-futur huma deċiżi b’mod leġittimu u demokratiku, b’mod li joħloq bilanċ tajjeb bejn il-pilastri ekonomiċi u soċjali.

3.4.5.

Hemm spazju għal relazzjoni msaħħa bejn il-ħtieġa għal riformi strutturali, is-Semestru Ewropew, l-implimentazzjoni pluriennali fil-qafas tal-Fondi SIE (jew il-baġit tal-UE b’mod aktar ġenerali) u żona tal-euro aktar żviluppata u effettiva. It-tisħiħ tar-relazzjoni bejn ir-riformi strutturali u l-baġit tal-UE, li għandu l-għan li jippromovi konverġenza f’terminu ta’ żmien medju sa twil, huwa marbut mill-qrib mar-restrizzjoni antiċipata tal-politika ta’ tnaqqis kwantitattiv tal-BĊE, meta politika monetarja aktar stretta ser toħloq aktar spazju għall-użu ta’ dħul fiskali.

3.5.

Fl-istess ħin, għandna bżonn sforzi mġedda għal konverġenza ’l fuq tal-istandards soċjali u tal-għajxien u pagi fi ħdan u bejn l-Istati Membri bħala kundizzjoni minima biex tiżdied il-fiduċja fl-UE u biex jiġi assigurat il-futur tal-Ewropa. Il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jappoġġja l-konverġenza.

3.5.1.

Dan il-kuntest jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ politiki li ser isaħħu d-domanda domestika fl-UE u fiż-żona tal-euro b’mod ġenerali u f’pajjiżi b’bilanċ favorevoli għoli fil-kontijiet kurrenti/fil-kummerċ b’mod partikolari, sabiex jerġgħu jiġu bbilanċjati fi ħdan iż-żona tal-euro u mal-bqija tad-dinja.

3.5.2.

L-Istati Membri tal-UE ma għandhomx jibbażaw l-istrateġiji tal-kompetittività fuq is-suppożizzjoni li l-livelli tal-pagi ser jibqgħu baxxi. Taħlita effettiva tal-politiki ekonomiċi għandha twassal biex tagħti ħajja ġdida lill-attività ta’ investiment fl-infrastruttura, u żieda fl-infiq fuq l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-taħriġ u l-ħiliet għandha tkun riflessa fit-tkabbir tal-produttività u tkabbir aktar b’saħħtu fil-pagi u fid-dħul, filwaqt li ssir riflessjoni fl-istess ħin dwar iċ-ċiklu tal-ħajja, l-iżvilupp tal-karriera u l-bidla fl-ispejjeż ta’ għajxien. Madankollu, il-KESE jirrispetta s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali u r-responsabbiltà ewlenija tagħhom biex jindirizzaw dan permezz ta’ metodi moderni ta’ negozjar kollettiv.

3.5.3.

Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol f’għadd ta’ pajjiżi taż-żona tal-euro tindika li r-riformi strutturali pendenti f’dan il-qasam għandhom jiffokaw fuq it-tnaqqis ta’ livelli għolja ta’ xogħol part-time involontarju u pagi baxxi, u fuq il-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba b’forza tax-xogħol li għandha livelli ogħla ta’ taħriġ u ta’ ħiliet. Is-solidità tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv abbażi tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali għandhom ikunu l-bażi għal tip ġdid ta’ riforma tax-xogħol. Dan mhux biss itejjeb il-ġustizzja soċjali iżda wkoll irawwem il-produttività tal-ekonomija.

3.6.

B’mod partikolari miżuri marbutin mat-twettiq tar-riformi strutturali u l-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika u fiskali jistgħu jitwettqu taħt is-sistema attwali ta’ regoli; dawn jistgħu jissaħħu aktar mill-qafas pluriennali li jmiss wara l-2020. Min-naħa l-oħra, il-konsolidazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro b’politika komuni dwar il-baġit jew preżenza aktar b’saħħitha taż-żona tal-euro fix-xena dinjija jeħtieġu l-ħolqien ta’ regoli kompletament ġodda.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Għar-raġunijiet li ssemmew f’din l-opinjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jinkorporaw pożizzjoni fiskali pożittiva xierqa fir-Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2018. Din il-proposta hija partikolarment kruċjali f’termini tal-ħtieġa adegwata u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u biex tiġi żgurata taħlita li tiffunzjona tal-politika ekonomika u monetarja li l-karattru ta’ espansjoni tagħha ma jistax jittawwal indefinittivament.

4.2.

Aħna naħsbu li fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li aħna napprovaw, il-prijorità għandha tingħata lill-proġetti li jirrispettaw l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli u jieħdu kont tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali.

4.3.

Il-KESE jinsab konvint li l-iżviluppi riċenti tal-paradigma tal-politika ekonomika tal-UE f’dawn l-aħħar xhur jagħmluha pjuttost ċara li l-appoġġ politiku għall-approċċ li jwassal għal unjoni fiskali bbażata fuq il-pjattaforma taż-żona tal-euro qiegħed jiżdied; b’rabta ma’ dan, il-KESE jirrakkomanda li tiġi mmonitorjata bir-reqqa u jinsab imħejji sew biex jingħaqad mal-proċess biex tissaħħaħ l-enfasi fiskali bħala prekundizzjoni għal ambjent taż-żona tal-euro aktar omoġenja; huwa wkoll kruċjali li jiġi osservat kif dan l-iżvilupp jiġi rifless f’bidliet possibbli fi strutturi u reġimi istituzzjonali.

4.4.

Il-KESE għadu jemmen li fi żmien meta li tiġi approfondita l-UEM hija għal darb’ oħra prijorità ewlenija, huwa ferm importanti li ma jiġux sottostmati l-proċessi konnessi ma’ sistema aktar effettiva u funzjonament aħjar tas-Suq Uniku. Suq Uniku effettiv u funzjonali huwa rekwiżit bażiku qabel ma biss nistgħu naħsbu dwar UEM aktar approfondita. L-UEM tista’ biss tilħaq l-aspettattivi rigward il-benefiċċji tagħha jekk il-ftuħ u l-liberalizzazzjoni futuri tas-Suq Uniku jitkomplu, l-omoġeneità tagħha tissaħħaħ, u l-barrieri protettivi nazzjonali kemm viżibbli u kif ukoll dawk moħbija jiġu eliminati.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-opinjoni li l-ambjent ta’ UEM approfondita għandu wkoll jaqbel mal-proċess ta’ intermedjazzjoni finanzjarja. Il-punti prinċipali tal-unjoni finanzjarja huma rrappreżentati minn mill-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-Unjoni Bankarja primarjament tikkonċerna l-imġiba stabbli u prevedibbli tas-settur bankarju. Hija għandha wkoll tkun appoġġjata minn riżorsi finanzjarji adegwati biex ilaħħqu ma’ inadempjenzi bankarji possibbli. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali, sadanittant, hija mifhuma li twessa’ l-possibilitajiet għall-allokazzjoni ta’ sorsi finanzjarji u għadha f’perijodu bikri tal-iżvilupp tagħha. Il-funzjonament imtejjeb ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, min-naħa tagħha, għandha tkun aktar evidenti fl-isfera ta’ attività reali ta’ investiment.

4.6.

Il-ġejjieni tal-UE jiddependi wkoll fuq it-tisħiħ tal-integrazzjoni tagħha u li jiġi konsolidat ir-rwol tagħha fil-kuntest globali. Din hija waħda mill-ftit prijoritajiet ewlenin, b’mod partikolari bħalissa, u hija kwistjoni ta’ interess komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, jista’ jkun ta’ benefiċċju li tissaħħaħ ir-rappreżentazzjoni konġunta tal-UE fuq il-livell internazzjonali, u f’dak il-livell, jiġu promossi u rrispettati l-valuri komuni, il-prinċipji u l-politiki, bħal-libertà politika u ekonomika u l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, il-valur tan-negozju bla ħlas fil-kummerċ u l-investimenti, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal ambjent kompetittiv ġust u miftuħ, u l-eliminazzjoni ta’ prattiki illegali u kriminali fin-negozju, bħall-abbuż tas-sistemi tat-taxxa jew il-proċeduri tal-akkwist pubbliku; addizzjonalment, ir-rispett għad-drittijiet soċjali u ċivili u r-rekwiżiti elementari huma assolutament essenzjali.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-pakkett jinkludi l-opinjonijiet tal-KESE Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2017 (opinjoni addizzjonali), Unjoni tas-Swieq Kapitali: rieżami ta’ nofs it-terminu, (ara paġna 117 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali) L-approfondiment tal-UEM sal-2025 (ara paġna 124 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali) u Il-Finanzi tal-UE sal-2025 (ara paġna 131 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar ĠU C 345, 13.10.2017, p. 11.

(3)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10, ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.

(4)  Għal aktar dettalji, ara pereżempju ĠU C 177, 18.5.2016, p. 16.


Top